12.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 284/3 |
REGOLAMENT (UE) 2018/1671 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta' Ottubru 2018
li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 197(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
L-Unjoni tista’ tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri, fuq talba tagħhom, biex ittejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħhom għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
(2) |
Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (“il-Programm”) ġie stabbilit bl-objettiv li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex iħejju u jimplimentaw riformi strutturali amministrattivi u li jtejbu t-tkabbir ta’ interess għall-Unjoni, inkluż permezz ta’ provvista ta’ assistenza għall-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-Unjoni. L-appoġġ taħt il-Programm jiġi pprovdut mill-Kummissjoni fuq talba minn Stat Membru, u jista’ jkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. L-iżvilupp ta’ ekonomiji u ta’ soċjetà reżiljenti mibnija fuq strutturi ekonomiċi, soċjali u territorjali sodi, li jippermettu lill-Istati Membri jassorbu x-xokkijiet b’mod effiċjenti u jirkupraw minnhom malajr, jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u jiftaħ potenzjal ta’ tkabbir. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu, skont il-qafas legali tagħhom, kontributi u involviment adatti tal-amministrazzjoni pubblika nazzjonali u reġjonali u tal-partijiet interessati. L-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali istituzzjonali, amministrattivi u li jsostnu t-tkabbir, li huma ta’ importanza għall-Istati Membri, u s-sjieda fil-post ta’ riformi strutturali ta’ interess għall-Unjoni huma għodod importanti biex jinkisbu tali żviluppi. |
(3) |
Komunikazzjoni effettiva tal-azzjonijiet u tal-attivitajiet tal-Programm u tar-riżultati tagħhom fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, skont ma jkun f’loku, hija essenzjali biex tqajjem kuxjenza dwar il-kisbiet tal-Programm, tiżgura l-viżibbiltà u biex tipprovdi informazzjoni dwar l-effetti konkreti tiegħu. |
(4) |
Minħabba li d-domanda għall-appoġġ tista’ tisboq il-finanzjament tal-Programm, jenħtieġ li t-talbiet jiġu pprijoritizzati, fejn xieraq, mill-Istat Membru kkonċernat matul it-talba għall-proċedura ta’ appoġġ. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li tingħata attenzjoni għat-talbiet għall-appoġġ li jkollhom rabtiet mas-Semestru Ewropew u ma’ oqsma ta’ politika relatati mal-koeżjoni, mal-innovazzjoni, mal-impjiegi, u mat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli. Il-Programm jenħtieġ li jikkomplementa strumenti oħra sabiex jevita d-duplikazzjoni. |
(5) |
Minħabba li l-Programm ma jipprovdix finanzjament lill-Istati Membri, iżda biss appoġġ tekniku, ma għandux l-għan li jieħu post jew jissostitwixxi finanzjament mill-baġits nazzjonali. |
(6) |
L-Istati Membri dejjem żiedu fl-użu tagħhom ta’ appoġġ taħt il-Programm, lil hinn milli kien mistenni inizjalment. Abbażi tal-valur stmat tagħhom, it-talbiet għall-appoġġ mibgħuta lill-Kummissjoni matul iċ-ċiklu tal-2017 qabżu b’mod sinifikanti l-allokazzjoni annwali disponibbli. Matul iċ-ċiklu tal-2018, il-valur stmat tat-talbiet riċevuti kien ħames darbiet ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dik is-sena. Kważi l-Istati Membri kollha talbu appoġġ taħt il-Programm, u t-talbiet ġew mqassma madwar l-oqsma kollha ta’ politika koperti mill-Programm. |
(7) |
It-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali permezz ta’ riformi strutturali, li jibbenefikaw lill-Unjoni u li huma konformi mal-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni, huwa kruċjali għall-irfid tar-reżiljenza ekonomika kif ukoll għal parteċipazzjoni b’suċċess u konverġenza reali msaħħa fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li jiżguraw l-istabbiltà u l-prosperità tagħha fit-tul. Dan hu ta’ importanza ugwali għall-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, fit-tħejjija tagħhom sabiex jissieħbu fiż-żona tal-euro, u għall-Istati Membri taż-żona tal-euro. |
(8) |
Għalhekk huwa xieraq li jiġi enfasizzat fl-objettiv ġenerali tal-Programm, fi ħdan il-kontribut tiegħu lejn ir-rispons għall-isfidi ekonomiċi u soċjali, li t-titjib tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, l-investiment u l-inklużjoni soċjali jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-tħejjijiet għall-parteċipazzjoni futura fiż-żona tal-euro minn dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. |
(9) |
Bil-ħsieb tat-twettiq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi u fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli li jiġu ffinanzjati mill-Programm, jenħtieġ li jiġi indikat li l-azzjonijiet u l-attivitajiet tal-Programm jistgħu jappoġġjaw ukoll riformi li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro, fir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-Istati Membri kollha. |
(10) |
Sabiex tintlaħaq id-domanda dejjem tikber tal-Istati Membri għall-appoġġ, u fid-dawl tal-bżonn li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li huma ta’ interess għall-Unjoni, inkluż fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro fit-tħejjija tagħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro, l-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm jenħtieġ li tiżdied għal livell suffiċjenti li jippermetti lill-Unjoni tipprovdi appoġġ li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ dawk l-Istati Membri li jagħmlu t-talba u li tintuża b’mod konformi ma’ ġestjoni finanzjarja soda. Jenħtieġ li dik iż-żieda ma jkollhiex effett negattiv fuq il-prijoritajiet l-oħra tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jittrasferixxu l-allokazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom minn Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. |
(11) |
Sabiex jingħata appoġġ ta’ kwalità bl-inqas dewmien possibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun f’qagħda li tuża parti mill-pakkett finanzjarju anki biex tkopri l-kost ta’ attivitajiet li jappoġġjaw il-Programm, bħal spejjeż relatati mal-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti fil-post. Dawk l-attivitajiet huma importanti biex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-proġett. |
(12) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġi emendat skont dan. |
(13) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 2017/825 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 4 Objettiv ġenerali L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jikkontribwixxi għal riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali li jsostnu t-tkabbir fl-Istati Membri billi jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali għal miżuri maħsuba biex jirriformaw u jsaħħu l-istituzzjonijiet, il-governanza, l-amministrazzjoni pubblika, u s-setturi ekonomiċi u soċjali b’risposta għall-isfidi ekonomiċi u soċjali, bil-ħsieb li jtejbu l-koeżjoni, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, l-investiment u l-inklużjoni soċjali u li jikkontribwixxu għall-konverġenza reali fl-Unjoni, hekk li jista’ wkoll iħejji għall-parteċipazzjoni fiż-żona tal-euro, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċessi ta’ governanza ekonomika, inkluż permezz ta’ assistenza għall-użu effiċjenti, effettiv u trasparenti tal-fondi tal-Unjoni.”; |
(2) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 5a Appoġġ għat-tħejjija għal sħubija fiż-żona tal-euro Bil-ħsieb tat-twettiq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, u fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 6, il-Programm jista’ jiffinanzja azzjonijiet u attivitajiet ukoll b’appoġġ għal riformi li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro.”; |
(3) |
L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
fl-Artikolu 16(2), jiddaħħal il-punt li ġej:
|
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
K. EDTSTADLER
(1) ĠU C 237, 6.7.2018, p. 53.
(2) ĠU C 247, 13.7.2018, p. 54.
(3) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2018.
(4) Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1).