5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/29


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1643

tat-13 ta' Lulju 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar il-kontenut ta', u każijiet fejn aġġornamenti huma meħtieġa, id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju li għandu jkun ippubblikat minn amministratur ta' parametru referenzjarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1) u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 27(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-amministraturi jippubblikaw dikjarazzjoni ta' referenza għall-parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, għal familja ta' parametri referenzjarji jekk tista' tintuża fl-Unjoni.

(2)

Jenħtieġ li d-dikjarazzjonijiet tal-parametru referenzjarju jinkludu informazzjoni komprensiva dwar is-suq jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji huma maħsuba li jkejlu, flimkien ma' spjegazzjoni ta' meta l-kejl ta' dak is-suq jew ir-realtà ekonomika jista' jsir mhux kredibbli. Dan huwa minħabba li utenti u utenti potenzjali joqogħdu fuq din l-informazzjoni sabiex jifhmu b'mod sħiħ il-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji.

(3)

Jenħtieġ li d-dikjarazzjonijiet tal-parametru referenzjarju jindikaw l-elementi diskrezzjonali fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju, kif ukoll il-proċess għal kull valutazzjoni ex post tal-użu ta' tali diskrezzjoni. Din l-informazzjoni hija importanti biex tiżgura li l-utenti u l-utenti potenzjali jifhmu is-suxxettibbiltà tal-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji għall-manipulazzjoni.

(4)

Tipi differenti ta' parametri referenzjarji (jiġifieri, parametri referenzjarji ta' data regolata, parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax, parametri referenzjarji tal-komoditajiet, parametri referenzjarji ta' importanza kritika, parametri referenzjarji sinifikanti u parametri referenzjarji mhux sinifikanti) huma soġġetti għal rekwiżiti differenti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011. Jenħtieġ li d-dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju għalhekk tidentifika b'mod ċar u mhux ambigwu t-tip jew it-tipi ta' parametri referenzjarji li għalihom il-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji jappartjenu.

(5)

Fir-rigward ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju tinkludi informazzjoni addizzjonali li tispjega għaliex il-parametru referenzjarju huwa rikonoxxut skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 bħala ta' importanza kritika, sabiex l-utenti u l-utenti potenzjali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tagħrif meħtieġ biex jifhmu l-bażi li fuqha ġie rikonoxxut bħala parametru referenzjarju ta' importanza kritika.

(6)

L-użu tad-data regolata jeħles lill-amministraturi u l-kontributuri tagħhom minn ċerti obbligi skont ir-Regolament (UE) 2016/1011. Għall-parametri referenzjarji ta' data rregolata, jenħtieġ li l-amministraturi għalhekk ikunu meħtieġa li jindikaw is-sorsi tad-data tagħhom u dak li jikkwalifika l-parametru referenzjarju bħala parametru referenzjarju ta' data regolata.

(7)

Minħabba n-natura partikolari tagħhom, il-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u l-parametri referenzjarji tal-komoditajiet għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-annessi speċifiċi tar-Regolament (UE) 2016/1011 minflok jew flimkien mal-konformità mat-Titolu II ta' dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-amministraturi ta' tali parametri referenzjarji jindikaw dan fid-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju sabiex l-utenti u l-utenti potenzjali jkunu konxji ta' dan.

(8)

L-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika għandhom jikkonformaw ma' reġim regolatorju msaħħaħ skont ir-Regolament (UE) 2016/1011. Għalhekk huwa importanti li l-utenti u l-utenti potenzjali jkunu informati b'mod xieraq dwar dan.

(9)

Jekk parametru referenzjarju jippreżenta l-karatteristiċi ta' tipi differenti ta' parametri referenzjarji, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet speċifiċi f'dan ir-Regolament b'rabta ma' dawn it-tipi differenti ta' parametri referenzjarji japplikaw b'mod parallel u b'żieda mar-rekwiżiti ta' żvelar ġenerali, sabiex jipprovdu lill-utenti u lill-utenti potenzjali b'informazzjoni komprensiva dwar il-karatteristiċi kollha tal-parametru referenzjarju.

(10)

F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, dan ir-Regolament jevita li jpoġġi piż amministrattiv eċċessiv fuq l-amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti u mhux sinifikanti billi jirrikjedi ġabra aktar limitata tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju sinifikanti u għall-parametri referenzjarji mhux sinifikanti.

(11)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(12)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(13)

Sabiex ikun hemm konsistenza mar-Regolament Delegat li jispeċifika aktar l-elementi tal-kodiċi ta' kondotta li għandhom jiġu żviluppati mill-amministraturi ta' parametri referenzjarji li huma bbażati fuq data tal-input mill-kontributuri, huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament Delegat tiġi posposta b'xahrejn,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Rekwiżiti ġenerali ta' żvelar

1.   Id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha tiddikjara:

(a)

id-data ta' pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni u, fejn applikabbli, id-data tal-aħħar aġġornament tagħha;

(b)

fejn disponibbli, in-numru tal-identifikazzjoni ta' titoli internazzjonali (ISIN) tal-parametru referenzjarju jew parametri referenzjarji; alternattivament, għal familja ta' parametri referenzjarji, id-dikjarazzjoni tista' tipprovdi dettalji ta' fejn l-ISINs huma aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas;

(c)

jekk il-parametru referenzjarju, jew kwalunkwe parametru referenzjarju fil-familja ta' parametri referenzjarji, ikun ġie ddeterminat bl-użu tal-kontribuzzjonijiet tad-data tal-input;

(d)

jekk il-parametru referenzjarju jew kull parametru referenzjarju fil-familja ta' parametri referenzjarji jikkwalifikax bħala wieħed mit-tipi ta' parametri referenzjarji elenkati fit-Titolu III tar-Regolament (UE) 2016/1011, inkluża d-dispożizzjoni speċifika li bis-saħħa tagħha l-parametru referenzjarju jikkwalifika bħala ta' dak it-tip.

2.   Fid-definizzjoni tas-suq jew ir-realtà ekonomika, id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha tinkludi tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tas-suq jew tar-realtà ekonomika.

(b)

il-konfini ġeografiċi, jekk ikun hemm, tas-suq jew tar-realtà ekonomika;

(c)

kull informazzjoni oħra li l-amministratur raġonevolment iqis bħala rilevanti jew utli biex tgħin lill-utenti jew lill-utenti potenzjali tal-parametru referenzjarju jifhmu l-karatteristiċi rilevanti tas-suq jew ir-realtà ekonomika, inkluż tal-anqas l-elementi li ġejjin dment li tkun disponibbli informazzjoni affidabbli dwar dawn l-elementi:

(i)

informazzjoni dwar parteċipanti reali jew potenzjali fis-suq;

(ii)

indikazzjoni tad-daqs tas-suq jew ir-realtà ekonomika.

3.   Fid-definizzjoni tal-limitazzjonijiet potenzjali ta' parametru referenzjarju u ċ-ċirkostanzi li fihom il-kejl tas-suq jew tar-realtà ekonomika jista' jsir mhux kredibbli, id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha tinkludi tal-anqas:

(a)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi fejn l-amministratur jista' ma jkollux biżżejjed data tal-input għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju f'konformità mal-metodoloġija;

(b)

fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-każijiet fejn il-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-metodoloġija użata għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju ma jistgħux jibqgħu jiġu żgurati, bħal meta l-amministratur iqis li l-likwidità fis-suq sottostanti hija insuffiċjenti;

(c)

kull informazzjoni oħra li l-amministratur raġonevolment iqis li hija rilevanti jew utli biex tgħin lill-utenti u lill-utenti potenzjali biex jifhmu ċ-ċirkustanzi li fihom il-kejl tas-suq jew tar-realtà ekonomika jista' jsir mhux kredibbli, inkluża deskrizzjoni ta' x'jista' jikkostitwixxi avveniment eċċezzjonali tas-suq.

4.   Fl-ispeċifikar tal-kontrolli u r-regoli li jirregolaw kull eżerċizzju ta' ġudizzju jew diskrezzjoni mill-amministratur jew minn kull kontributur fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju jew parametri referenzjarji, id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha tinkludi deskrizzjoni ta' kull pass tal-proċess għal kull valutazzjoni ex post tal-użu ta' diskrezzjoni, flimkien ma' indikazzjoni ċara tal-pożizzjoni ta' kull persuna(i) responsabbli biex twettaq il-valutazzjonijiet.

5.   Fl-ispeċifikar tal-proċeduri għal rieżami tal-metodoloġija, id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha mill-inqas tiddeskrivi l-proċeduri għall-konsultazzjoni pubblika dwar kull bidla materjali fil-metodoloġija.

6.   Il-punt (c) tal-paragrafu 3, u l-paragrafu 5, ma għandhomx japplikaw għad-dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju:

(a)

għal parametru referenzjarju sinifikanti; jew

(b)

għal familja ta' parametri referenzjarji li ma tinkludix parametri referenzjarji ta' importanza kritika u ma tikkonsistix biss minn parametri referenzjarji mhux sinifikanti.

7.   Fil-każ ta' dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju għal parametru referenzjarju mhux sinifikanti jew għal familja ta' parametri referenzjarji li tikkonsisti biss minn parametri referenzjarji mhux sinifikanti:

(a)

id-dispożizzjonijiet li ġejjin ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw:

(i)

il-punt (c) tal-paragrafu 2;

(ii)

il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 3,

(iii)

il-paragrafi 4 u 5; kif ukoll

(b)

ir-rekwiżiti tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu ssodisfati alternattivament billi jinkludu referenza ċara fid-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għal dokument ippubblikat li jinkludi l-istess informazzjoni u li huwa aċċessibbli mingħajr ħlas.

8.   L-amministraturi jistgħu jinkludu tagħrif addizzjonali fi tmiem id-dikjarazzjonijiet tal-parametru referenzjarju tagħhom sakemm, jekk dan isir billi ssir referenza għal dokument ippubblikat bl-informazzjoni, id-dokument għandu jkun wieħed li huwa aċċessibbli mingħajr ħlas.

Artikolu 2

Rekwiżiti speċifiċi ta' żvelar għal parametri referenzjarji ta' data regolata

Minbarra l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża skont l-Artikolu 1, għal parametru referenzjarju ta' data regolata jew, fejn applikabbli, familja ta' parametri referenzjarji ta' data regolata, id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha tinkludi għall-inqas dan li ġej fid-deskrizzjoni tagħha tad-data tal-input:

(a)

is-sorsi tad-data tal-input użati;

(b)

għal kull sors, it-tip rilevanti, kif elenkat fl-Artikolu 3(1)(24) tar-Regolament (UE) 2016/1011.

Artikolu 3

Rekwiżiti speċifiċi ta' żvelar għal parametri referenzjarji ta' rati tal-imgħax

Minbarra l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża skont l-Artikolu 1, għal parametru referenzjarju tar-rati tal-imgħax jew, fejn applikabbli, familja ta' parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax, id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha tinkludi tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

referenza li twissi lill-utenti dwar ir-reġim regolatorju addizzjonali applikabbli għall-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax skont l-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/1011;

(b)

deskrizzjoni tal-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ biex jikkonformaw ma' dan l-Anness.

Artikolu 4

Rekwiżiti speċifiċi ta' żvelar għal parametri referenzjarji ta' komoditajiet

Minbarra l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża skont l-Artikolu 1, għal parametru referenzjarju tal-komoditajiet jew, fejn applikabbli, familja ta' parametri referenzjarji tal-komoditajiet, id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha mill-inqas:

(a)

tindika jekk ir-rekwiżiti tat-Titolu II, jew l-Anness II, tar-Regolament (UE) 2016/1011 japplikawx għall-parametru referenzjarju jew għall-familja ta' parametri referenzjarji kif deskritt fl-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament;

(b)

tinkludi spjegazzjoni dwar ir-raġuni għaliex japplika t-Titolu II jew, kif jista' jkun il-każ, l-Anness II ta' dak ir-Regolament;

(c)

tinkludi fid-definizzjonijiet tat-termini ewlenin deskrizzjoni qasira tal-kriterji li jiddefinixxu l-komodità fiżika sottostanti rilevanti;

(d)

fejn applikabbli, tindika fejn huma ppubblikati l-ispjegazzjonijiet li l-amministratur huwa obbligat jippubblika skont il-paragrafu 7 tal-Anness II ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 5

Rekwiżiti speċifiċi ta' żvelar għal parametri referenzjarji ta' importanza kritika

Minbarra l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża skont l-Artikolu 1, għal parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, familja ta' parametri referenzjarji li fiha mill-inqas parametru referenzjarju ta' importanza kritika wieħed, id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandha tinkludi tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

referenza li twissi lill-utenti bir-reġim regolatorju msaħħaħ applikabbli għal parametri referenzjarji ta' importanza kritika skont ir-Regolament (UE) 2016/1011;

(b)

dikjarazzjoni li tindika kif l-utenti se jiġu informati b'kull dewmien fil-pubblikazzjoni ta' parametru referenzjarju jew ta' kwalunkwe determinazzjoni mill-ġdid tal-parametru referenzjarju, u jindikaw it-tul ta' żmien (mistenni) tal-miżuri.

Artikolu 6

Aġġornamenti

Barra mill-każijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, aġġornament tad-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għandu jkun meħtieġ kull meta l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni ma tibqax tkun korretta jew suffiċjentement preċiża, u inkluż f'kull każ fil-każijiet li ġejjin:

(a)

kull meta jkun hemm bidla fit-tip ta' parametru referenzjarju;

(b)

kull meta jkun hemm bidla materjali fil-metodoloġija użata biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju jew, jekk id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju hija għal familja ta' parametri referenzjarji, il-metodoloġija użata għad-determinazzjoni ta' kull parametru referenzjarju fil-familja ta' parametri referenzjarji.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84)