|
5.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 274/25 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1642
tat-13 ta' Lulju 2018
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar il-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti meta jivvalutaw jekk l-amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti għandhomx japplikaw ċerti rekwiżiti
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25(9) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jippermetti lill-amministratur ta' parametru referenzjarju sinifikanti li jagħżel li ma japplikax ċerti dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament. Jekk l-amministratur jagħżel li ma japplikax waħda jew aktar minn dawk id-dispożizzjonijiet, l-awtorità kompetenti għandha s-setgħa li tiddeċiedi li madankollu jenħtieġ li l-amministratur japplika waħda jew aktar minnhom. L-Artikolu 25(3) ta' dan ir-Regolament jispeċifika l-kriterji li l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa jekk ikunx xieraq li amministratur japplika dawk id-dispożizzjonijiet. |
|
(2) |
Il-kriterji li awtorità kompetenti hija meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni għandhom iqisu n-natura tad-dispożizzjonijiet taħt ir-Regolament (UE) 2016/1011 li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji sinifikanti jkunu jistgħu jagħżlu li ma japplikawx. L-amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ċerti dispożizzjonijiet li jeħtieġu li dawn jistabbilixxu miżuri organizzattivi biex inaqqsu r-riskju ta' kunflitti ta' interess li jirriżultaw mill-involviment tal-impjegati tagħhom fil-forniment ta' parametru referenzjarju. Meta jqisu l-kriterji speċifikati fil-punti (a), (c) u (i) tal-Artikolu 25(3) ta' dak ir-Regolament, għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti iqisu wkoll jekk mezzi oħra adegwati jkunux fis-seħħ biex jipproteġu l-integrità tal-parametru referenzjarju, minflok il-miżuri organizzattivi li huma meħtieġa minn dawk id-dispożizzjonijiet. |
|
(3) |
Meta jqisu l-kriterji speċifikati fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw ukoll l-impatt tal-parametru referenzjarju fuq suq speċifiku wieħed jew aktar, l-ekonomija b'mod aktar ġenerali u l-importanza tal-parametru referenzjarju biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jużaw l-informazzjoni li tinsab fid-dominju pubbliku jew li tkun tpoġġiet għad-dispożizzjoni tagħhom permezz ta' żvelar mill-amministratur jew b'xi mod ieħor. |
|
(4) |
Meta jqisu l-kriterju speċifikat fil-punt (f) tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw ukoll jekk l-amministratur għandux mezzi tekniċi alternattivi adegwati u mekkaniżmi ta' kontroll biex iżomm il-kontinwità tal-forniment tal-parametru referenzjarju u s-saħħa tiegħu, b'kont meħud tan-natura tad-dispożizzjonijiet li l-amministratur jagħżel li ma japplikax. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-amministraturi jingħataw żmien biżżejjed biex jippreparaw l-applikazzjonijiet u biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament għalhekk jibda japplika xahrejn wara li jidħol fis-seħħ. |
|
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni. |
|
(7) |
L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-vulnerabbiltà tal-parametri referenzjarji għall-manipulazzjoni
Il-kriterji ulterjuri li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 meta tkun qed tqis il-vulnerabbiltà tal-parametri referenzjarji għall-manipulazzjoni għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
jekk il-parametru referenzjarju jkunx ibbażat fuq data tat-tranżazzjonijiet; |
|
(b) |
jekk il-kontributuri jkunux entitajiet taħt superviżjoni; |
|
(c) |
jekk japplikawx miżuri li jżidu r-robustezza tad-data tal-input; |
|
(d) |
jekk l-istruttura organizzattiva tal-amministratur tnaqqasx l-inċentivi għall-manipulazzjoni; |
|
(e) |
jekk l-amministratur ikollux interess finanzjarju fi strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju; |
|
(f) |
jekk hemmx każijiet ippruvati ta' manipulazzjoni tal-istess parametru referenzjarju jew parametru referenzjarju b'metodoloġija simili fornut minn amministratur ta' daqs u struttura organizzattiva simili. |
Artikolu 2
Natura tad-data tal-input
Il-kriterji ulterjuri li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011meta tkun qed titqies in-natura tad-data tal-input għandhom tal-inqas jinkludu dan li ġej:
|
(a) |
f'każijiet fejn id-data tal-input hija data dwar it-tranżazzjonijiet, jekk l-amministratur huwiex parteċipant fis-suq jew fir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju huwa maħsub biex ikejjel; |
|
(b) |
f'każijiet id-data tal-input tiġi pprovduta minn kontributuri, jekk il-kontributuri għandhomx interess finanzjarju fi strumenti finanzjarji jew f'kuntratti finanzjarji li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju jew jistgħux jagħmlu qligħ mill-prestazzjoni ta' fond ta' investiment li huwa mkejjel mill-parametru referenzjarju; |
|
(c) |
f'każijiet meta d-data tal-input tkun ġejja minn boroż jew sistemi ta' negozjar li jinsabu f'pajjiż terz, jekk japplikax qafas regolatorju u superviżorju għal dawk il-boroż jew sistemi ta' negozjar li jżomm l-integrità tad-data tal-input; |
|
(d) |
f'każijiet meta d-data tal-input tikkonsisti fi kwotazzjonijiet, jekk il-kwotazzjonijiet humiex impenjati jew indikattivi u jekk japplikawx mekkaniżmi ta' kontroll adegwati għalihom. |
Artikolu 3
Livell ta' kunflitti ta' interess
Il-kriterji ulterjuri li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011, meta tkun qed tqis il-livell ta' kunflitti ta' interess għandhom mill-inqas jinkludu dan li ġej:
|
(a) |
jekk l-amministratur ikollux interess finanzjarju fi strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju jew jistax jagħmel qligħ mill-prestazzjoni ta' fond ta' investiment li huwa mkejjel mill-parametru referenzjarju; |
|
(b) |
f'każijiet meta l-parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq kontribuzzjonijiet ta' data tal-input, jekk ir-relazzjoni tal-amministratur mal-kontributuri hijiex irregolata minn mekkaniżmi ta' kontroll adegwati; |
|
(c) |
jekk l-amministratur ikollux kontrolli jew miżuri oħra fis-seħħ li jtaffu l-kunflitti potenzjali ta' interess effettivament. |
Artikolu 4
Il-grad ta' diskrezzjoni tal-amministratur
Aktar kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011meta tkun qed tqis il-grad ta' diskrezzjoni tal-amministratur għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
f'każijiet fejn il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tippermetti għal ġudizzju espert mill-amministratur, jekk l-użu tal-ġudizzju jew l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni huwiex trasparenti biżżejjed; |
|
(b) |
f'każijiet meta l-parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq stimi, l-effettività tal-miżuri ta' kontroll intern li l-amministratur għandu fis-seħħ. |
Artikolu 5
L-impatt tal-parametru referenzjarju fuq is-swieq
Aktar kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 meta tkun qed tqis l-impatt tal-parametru referenzjarju fuq is-swieq għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
f'każijiet fejn il-parametru referenzjarju għandu rilevanza partikolari għal suq jew swieq speċifiċi, jekk in-nuqqas ta' affidabbiltà tal-parametru referenzjarju jkollhiex effett ta' tfixkil fuq it-tħaddim ta' dak is-suq jew dawk is-swieq u jekk hemmx sostituti adegwati għal dak il-parametru referenzjarju; |
|
(b) |
f'każijiet meta l-parametru referenzjarju jikkwalifika bħala parametru referenzjarju sinifikanti bis-saħħa tal-punt (b) tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, u meta l-informazzjoni tkun magħrufa mill-awtorità kompetenti, kwalunkwe relazzjoni kwantitattiva rilevanti ta' strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju għall-valur totali tal-istrumenti rispettivi fi Stat Membru. |
Artikolu 6
In-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-forniment tal-parametru referenzjarju
Aktar kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011, b'kont meħud tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-forniment tal-parametru referenzjarju għandhom jinkludu tal-anqas dan li ġej:
|
(a) |
il-grad sa fejn id-data tal-input hija bbażata fuq kontribuzzjonijiet, jekk id-data tal-input hijiex data tat-tranżazzjonijiet u kif dan il-livell huwa rifless fil-mekkaniżmi ta' kontroll li l-amministratur ikollu fis-seħħ; |
|
(b) |
l-ammont ta' data tal-input li tiġi pproċessata u l-għadd ta' sorsi ta' data; |
|
(c) |
jekk l-amministratur ikollux biżżejjed mezzi tekniċi sabiex jipproċessa d-data tal-input kontinwament u b'mod robust; |
|
(d) |
jekk il-metodoloġija tagħtix lok għal riskji operazzjonali fl-ipproċessar tad-data tal-input; |
|
(e) |
il-punt sa fejn l-amministratur jiddependi fuq il-kontributuri għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju. |
Artikolu 7
L-importanza tal-parametru referenzjarju għall-istabbiltà finanzjarja
Il-kriterji ulterjuri li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011meta tqis l-importanza tal-parametru referenzjarju għall-istabbiltà finanzjarja għandhom jinkludu mill-inqas valutazzjoni tar-relazzjoni bejn il-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju u l-valur tal-assi totali tas-settur finanzjarju u tas-settur bankarju fi Stat Membru, fejn dik l-informazzjoni tkun magħrufa mill-awtorità kompetenti.
Artikolu 8
Il-valur ta' strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji u fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju
Il-kriterji ulterjuri li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 meta tkun qed il-valur ta' strumenti finanzjarji, ta' kuntratti finanzjarji jew ta' fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarji għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
il-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju fuq il-bażi tal-firxiet kollha ta' maturitajiet jew perjodi ta' maturità tal-parametru referenzjarju, meta dawn ikunu magħrufa mill-awtorità kompetenti; |
|
(b) |
jekk l-użu ta' parametru referenzjarju huwiex ikkonċentrat f'kategoriji individwali ta' strument finanzjarju, kuntratt finanzjarju jew fond ta' investiment; |
|
(c) |
f'każijiet meta l-parametru referenzjarju jkun parametru referenzjarju sinifikanti skont il-punt (a) tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, u fejn ikun magħruf mill-awtorità kompetenti, kemm hu qrib il-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarji għal-livelli limitu msemmija fl-Artikolu 20(1)(a) u (c) (i) ta' dak ir-Regolament. |
Artikolu 9
Id-daqs, il-forma ta' organizzazzjoni jew l-istruttura tal-amministratur
Il-kriterji ulterjuri li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011meta tkun qed tqis id-daqs, il-forma ta' organizzazzjoni jew l-istruttura tal-amministratur għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
f'każijiet fejn il-forniment ta' parametri referenzjarji mhuwiex l-attività kummerċjali prinċipali tal-amministratur, jekk il-forniment ta' parametru referenzjarju huwiex separat mil-lat organizzattiv jew jekk mezzi oħra xierqa humiex fis-seħħ biex jiġu evitati kunflitti ta' interess; |
|
(b) |
meta amministratur ikun parti minn grupp u entità waħda jew aktar fi ħdan il-grupp ikunu utenti reali jew potenzjali tal-parametru referenzjarju, jekk l-amministratur ikunx qed jaġixxi b'mod indipendenti u jekk l-amministratur ikollux mezzi oħra xierqa biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess. |
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-25 ta' Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).