5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/21


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1641

tat-13 ta' Lulju 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ulterjorment l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn amministraturi ta' parametri referenzjarji kritiċi jew sinifikanti dwar il-metodoloġija użata biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju, ir-rieżami u l-approvazzjoni interni tal-metodoloġija u dwar il-proċeduri biex isiru bidliet materjali fil-metodoloġija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jeħtieġ li l-amministratur ta' parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, familja ta' parametri referenzjarji, jippubblika jew jagħmel disponibbli l-elementi ewlenin tal-metodoloġija użata biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, parametri referenzjarji f'familja ta' parametri referenzjarji, dettalji dwar ir-rieżami intern u l-approvazzjoni tal-metodoloġija, u l-proċeduri għall-konsultazzjoni, dwar bidliet materjali fil-metodoloġija u n-notifika tal-utenti dwarhom. Dan ir-Regolament ikompli jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-amministraturi fir-rigward tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika u sinifikanti tagħhom. Dan ma japplikax għal amministraturi li jipprovdu biss parametri referenzjarji mhux sinifikanti. Meta amministraturi jipprovdu parametri referenzjarji mhux sinifikanti kif ukoll sinfikanti jew ta' importanza kritika, dawn għandhom jikkonformaw ma' dan ir-Regolament għall-parametri referenzjarji ta' importanza kritika u sinifikanti tagħhom. L-ESMA tista' toħroġ linji gwida dwar l-istess suġġett għal amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti.

(2)

Il-metodoloġiji tal-parametri referenzjarji huma differenti ħafna. Jenħtieġ għalhekk li l-elementi ewlenin speċifikati minn dan ir-Regolament jiġu ppubblikati jew isiru disponibbli biss sa fejn huma relevanti għall-parametru referenzjarju partikolari inkwistjoni.

(3)

Żewġ elementi ewlenin tal-metodoloġija li għandhom jiġu żvelati sabiex jiġu żgurati l-affidabbiltà u l-preċiżjoni ta' parametru referenzjarju sinifikanti jew ta' importanza kritika huma l-kwantità minima u l-kwalità minima tad-data tal-input meħtieġa biex tiġi applikata l-metodoloġija u jitwettaq il-kalkolu. Barra minn hekk, l-użu ta' diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-parametri referenzjarji jżid il-vulnerabbiltà tagħhom għall-manipulazzjoni. Għalhekk, sabiex jiġi minimizzat dan ir-riskju ta' manipulazzjoni, l-amministratur għand jiżvela, bħala parti mill-elementi ewlenin tal-metodoloġija tiegħu, ir-regoli ċari li jkun identifika dwar kif u meta tista' tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni.

(4)

Biex jiġu megħjuna l-utenti potenzjali biex jagħżlu l-aktar parametru referenzjarju xieraq minn fost firxa ta' parametri referenzjarji potenzjalment xierqa, jenħtieġ li dawn jingħataw informazzjoni li tippermettilhom li jifhmu dak li parametru referenzjarju għandu l-għan li jkejjel, liema data tal-input tintuża u kif tintgħażel, x'inhuma l-komponenti tal-parametru referenzjarju, min hu involut fil-ġbir tad-data u fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju, meta u sa fejn tista' tintuża d-diskrezzjoni, x'inhuma l-limitazzjonijiet tal-metodoloġija u meta u kif il-parametru referenzjarju jista' jinbidel.

(5)

Sabiex l-utenti u l-utenti potenzjali jkollhom biżżejjed informazzjoni dwar il-proċess tal-amministratur ta' rieżami tal-metodoloġija internament, jenħtieġ li l-amministratur jippubblika l-politiki u l-proċeduri tiegħu relatati ma' dan il-proċess, flimkien mad-dettalji tal-korpi involuti u l-arranġamenti tal-governanza rilevanti skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/1011.

(6)

Sabiex l-utenti u l-utenti potenzjali jifhmu kif amministratur se jikkonsulta dwar bidla materjali proposta f'parametru referenzjarju sinifikanti jew ta' importanza kritika u r-raġunament wara bidla bħal din, jenħtieġ li l-amministratur jiżvela ċerta informazzjoni, inkluż kif se jivvaluta l-impatt tal-bidla proposta.

(7)

F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, dan ir-Regolament jevita li jqiegħed piż eċċessiv fuq l-amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti (meta mqabbla ma' dawk ta' importanza kritika) billi jippermettilhom li jagħżlu li jnaqqsu l-iżvelar għal ġabra aktar limitata ta' elementi, jew li jiżvelaw inqas dettalji ta' ċerti elementi, fir-rigward tal-parametri referenzjarji sinifikanti tagħhom.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(9)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijietu l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(10)

Sabiex ikun hemm konsistenza mar-Regolament Delegat li jispeċifika aktar l-elementi tal-kodiċi ta' kondotta li għandhom jiġu żviluppati mill-amministraturi ta' parametri referenzjarji li huma bbażati fuq data tal-input mill-kontributuri, huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament Delegat tiġi posposta b'xahrejn,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament ma għandux ikopri, jew japplika għal, amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti.

Artikolu 2

Elementi ewlenin tal-metodoloġija użata biex tiddetermina parametru referenzjarju ta' importanza kritika jew sinifikanti

1.   L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn amministratur ta' parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, familja ta' parametri referenzjarji f'konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandha tinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin, sakemm ikunu rilevanti għal dak il-parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji jew għad-data tal-input użata biex jiġi ddeterminat dan:

(a)

definizzjoni u deskrizzjoni tal-parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji u tas-suq jew tar-realtà ekonomika li huwa maħsub li jkejjel;

(b)

il-munita jew unità oħra ta' kejl tal-parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji;

(c)

il-kriterji użati mill-amministratur biex jintgħażlu s-sorsi tad-data tal-input użata biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji;

(d)

it-tipi ta' data tal-input użati biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji u l-prijorità mogħtija lil kull tip;

(e)

il-kompożizzjoni ta' kull bord ta' kontributuri u l-kriterji użati għad-determinazzjoni tal-eliġibilità għas-sħubija fil-bord;

(f)

deskrizzjoni tal-komponenti tal-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji u l-kriterji użati għall-għażla u l-ippeżar tagħhom;

(g)

kwalunkwe rekwiżiti minimi tal-likwidità tal-komponenti tal-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji;

(h)

kwalunkwe rekwiżit minimu għall-kwantità ta' data tal-input, u kwalunkwe standard minimu għall-kwalità tad-data tal-input, użati biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji;

(i)

ir-regoli ċari li jidentifikaw kif u meta tista' tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni fid-determinazzjoni ta' parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji;

(j)

jekk il-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji jqisux kwalunkwe investiment mill-ġdid ta' dividendi jew kupuni mħallsa mill-kostitwenti tiegħu;

(k)

jekk il-metodoloġija tistax tinbidel perjodikament biex tiżgura li l-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji rilevanti jkunu għadhom rappreżentattivi tas-suq jew ir-realtà ekonomika:

(i)

kwalunkwe kriterju li għandu jintuża sabiex jiġi determinat meta tali bidla tkun meħtieġa;

(ii)

kwalunkwe kriterju li għandu jintuża biex jiddetermina l-frekwenza ta' tali bidla; kif ukoll

(iii)

kwalunkwe kriterju li għandu jintuża biex jiġu riekwilibrati l-komponenti tal-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji bħala parti mit-twettiq ta' bidla bħal din;

(l)

il-limitazzjonijiet potenzjali tal-metodoloġija u dettalji dwar kwalunkwe metodoloġija li għandha tintuża f'ċirkostanzi eċċezzjonali, inkluż fil-każ ta' suq illikwidu jew f'perjodi ta' stress jew meta s-sorsi tad-data tat-tranżazzjonijiet jistgħu jkunu insuffiċjenti, mhux preċiżi jew mhux affidabbli;

(m)

deskrizzjoni tar-rwoli ta' kwalunkwe partijiet terzi involuti fil-ġbir tad-data għal, jew b'kalkolu jew it-tixrid tal-parametru referenzjarju jew il-familja ta' parametri referenzjarji;

(n)

il-mudell jew metodu użat għall-estrapolazzjoni u kull interpolazzjoni tad-data ta' referenza.

2.   L-amministraturi jistgħu jagħżlu li jippubblikaw, jew jagħmlu disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-punti (m) u (n) tal-paragrafu 1 għal parametri referenzjarji ta' importanza kritika biss.

Artikolu 3

Dettalji dwar ir-rieżami intern u l-approvazzjoni tal-metodoloġija

1.   L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn amministratur ta' parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, familja ta' parametri referenzjarji f'konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandha tinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

il-politiki u l-proċeduri marbutin mar-rieżami intern u l-approvazzjoni tal-metodoloġija;

(b)

id-dettalji ta' kwalunkwe avveniment li jista' jagħti lok għal rieżami intern, inklużi d-dettalji ta' kwalunkwe mekkaniżmu użat mill-amministratur biex jiddetermina jekk il-metodoloġija tkunx traċċabbli u verifikabbli;

(c)

il-korpi jew funzjonijiet fl-istruttura organizzattiva tal-amministratur li huma involuti fir-rieżami u l-approvazzjoni tal-metodoloġija;

(d)

ir-rwoli mwettqa minn kwalunkwe persuna involuta fir-rieżami jew l-approvazzjoni tal-metodoloġija;

(e)

deskrizzjoni tal-proċedura għall-ħatra u t-tneħħija tal-persuni involuti fir-rieżami jew l-approvazzjoni tal-metodoloġija.

2.   L-amministraturi jistgħu jagħżlu li jippubblikaw, jew jagħmlu disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 1 għall-parametri referenzjarji ta' importanza kritika biss.

Artikolu 4

Bidliet materjali fil-metodoloġija

1.   L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn amministratur ta' parametru referenzjarju jew, fejn applikabbli, familja ta' parametri referenzjarji f'konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 13(1)(c) u (2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandha tinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi żvelata mill-amministratur fil-bidu ta' kull eżerċizzju ta' konsultazzjoni, inkluż rekwiżit li jiġu żvelati l-elementi ewlenin tal-metodoloġija li kienet, fil-fehma tiegħu, se tkun affettwata mill-bidla materjali proposta;

(b)

il-perjodu standard ta' żmien tal-amministratur għall-konsultazzjonijiet;

(c)

iċ-ċirkostanzi li fihom tista' ssir konsultazzjoni fi żmien perjodu iqsar ta' żmien u deskrizzjoni tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta titwettaq konsultazzjoni f'perjodu iqsar ta' żmien.

2.   Ir-raġunament li għandu jiġi pprovdut minn amministratur b'konformità mar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 13(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandha tinkludi, fost affarijiet oħra, jekk ir-rappreżentattività ta' parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji, u l-adegwatezza tiegħu bħala referenza għal strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji, jitpoġġewx f'riskju jekk bidla materjali proposta ma ssirx.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).