5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/16


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1640

tat-13 ta' Lulju 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar ir-rekwiżiti ta' governanza u kontroll għal kontributuri taħt superviżjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 16(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jimponi ċerti rekwiżiti ta' governanza u kontroll fuq il-kontributuri taħt superviżjoni, inkluż rekwiżit li jkollhom fis-seħħ qafas ta' kontroll li jiżgura l-integrità, l-eżattezza u l-affidabbiltà tad-data tal-input u rekwiżit li jkollhom fis-seħħ sistemi u kontrolli effettivi sabiex jiżguraw l-integrità u l-kredibbiltà tal-kontribuzzjonijiet kollha tad-data tal-input. Uħud minn dawn ir-rekwiżiti huma diġà indirizzati fl-Artikoli 11 u 15 tar-Regolament (UE) 2016/1011 u r-regolamenti delegati korrispondenti. Madankollu, f'ċerti aspetti d-dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tmur lil hinn minn dawk fl-Artikoli 11 u 15 tar-Regolament (UE) 2016/1011 u ċerti kontributuri taħt superviżjoni jistgħu ma jkunux soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 u 15 għax huma jikkontribwixxu data għal parametri referenzjarji fornuti minn amministraturi li huma eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali, ir-rekwiżiti stabbiliti b'dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni huma mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 11 u 15 tar-Regolament (UE) 2016/1011 u r-regolamenti delegati korrispondenti u għalhekk huma applikabbli biss sa fejn dawn jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

(2)

Il-qafas ta' kontroll stabbilit minn kontributur taħt superviżjoni jenħtieġ li jinkludi proċedura għall-iskoperta u l-ġestjoni ta' każijiet ta' ksur tar-Regolament (UE) 2016/1011 u ksur tal-kodiċi ta' kondotta applikabbli, u l-politiki dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, sorveljanza u reviżjoni perjodika tal-proċess biex tiġi kkontribwita data tal-input. Dan huwa biex il-kontributuri taħt superviżjoni jkunu jistgħu jiżguraw li qed jaġixxu b'mod legali u li jippreżentaw data tal-input li tkun preċiża u affidabbli.

(3)

It-taħriġ li s-sottomittenti impjegati minn kontributur taħt superviżjoni huma meħtieġa li jkollhom skont l-Artikolu 16(2)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jenħtieġ li jinkludi wkoll taħriġ f'kif il-parametru referenzjarju huwa maħsub li jkejjel is-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika u t-taħriġ fl-elementi kollha tal-kodiċi ta' kondotta applikabbli lill-kontribut tad-data tal-input. Din hija għodda essenzjali fl-iżgurar li s-sottomittenti jaġixxu b'mod xieraq u f'konformità mal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju.

(4)

Il-miżuri għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess li kontributur taħt superviżjoni hu rikjest li jkollu fis-seħħ skont l-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jenħtieġ li jinkludu miżuri ta' separazzjoni tas-sottomittenti minn impjegati oħra tal-kontributur u l-miżuri dwar il-politika ta' rimunerazzjoni tal-kontributur għas-sottomittenti sabiex jitnaqqsu l-inċentivi fuq is-sottomittenti biex jimmanipulaw tal-kontribut tad-data tal-input.

(5)

Is-sistemi taż-żamma tar-rekords li kontributur taħt superviżjoni hu rikjest li jkollu fis-seħħ skont l-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jenħtieġ li jinkludu r-rekwiżit li jinżammu rekords tal-komunikazzjonijiet fir-rigward tal-forniment tad-data tal-input, inklużi l-ismijiet tas-sottomettenti. Dan isir biex ikun hemm livell adegwat ta' trasparenza.

(6)

Jekk il-kontributuri jkunu jistgħu jużaw id-diskrezzjoni, jinħoloq riskju li esperti differenti jużawha b'mod differenti jew li saħansitra l-istess espert jużaha b'mod differenti matul iż-żmien. Id-diskrezzjoni tkabbar ukoll il-vulnerabbiltà tal-parametru referenzjarju għall-manipulazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li l-politiki stabbiliti skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jinkludu qafas biex tiġi żgurata l-konsistenza fl-użu tal-ġudizzju jew l-eżerċizzju ta' diskrezzjoni u biex jitnaqqas ir-riskju ta' manipulazzjoni. Jenħtieġ li tali qafas jimponi obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet interni regolari tal-applikazzjoni tal-ġudizzju espert. Jenħtieġ li dan jidentifika wkoll it-tipi ta' informazzjoni li għandhom jitqiesu jew ma jitqisux sabiex il-marġni ta' diskrezzjoni jiġi stabbilit b'mod xieraq.

(7)

Jenħtieġ li l-amministraturi jingħataw żmien biżżejjed biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament għalhekk jibda japplika xahrejn wara li jidħol fis-seħħ.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(9)

L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament ma jkoprix, jew japplika għal, kontributuri taħt superviżjoni li jikkontribwixxu biss data għal parametri referenzjarji mhux sinifikanti.

Ir-rekwiżiti imposti skont dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għal dawk imposti taħt l-Artikoli 11 u 15 ir-Regolament (UE) 2016/1011 u l-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 11(5) u l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) 2016/1011 (3).

Artikolu 2

Qafas ta' kontroll

Il-qafas ta' kontroll li kontributur taħt superviżjoni hu rikjest li jkollu fis-seħħ skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jinkludi l-istabbiliment u ż-żamma ta' mill-inqas il-kontrolli li ġejjin:

(a)

mekkaniżmu għas-sorveljanza effettiva li jissorvelja l-proċess li jikkontribwixxi d-data tal-input li jinkludi sistema ta' ġestjoni tar-riskju, l-identifikazzjoni ta' persunal superjuri li huma responsabbli għall-proċess ta' kontribuzzjoni tad-data u l-involviment ta' kull funzjoni ta' konformità u awditjar intern fl-organizzazzjoni tal-kontributur;

(b)

politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, inkluża protezzjoni xierqa għall-informaturi;

(c)

proċedura għall-iskoperta u l-ġestjoni ta' każijiet ta' ksur tar-Regolament (UE) 2016/1011 u ksur tal-kodiċi ta' kondotta applikabbli żviluppata taħt l-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament, inkluża l-proċedura għall-investigazzjoni ta' kull ksur skopert u r-reġistrazzjoni tal-azzjonijiet meħuda bħala konsegwenza;

(d)

rieżamijiet perjodiċi tal-proċess tal-kontribuzzjoni ta' data, proċess li għandu jitwettaq mill-inqas kull sena u kull meta jkun hemm bidla fil-kodiċi ta' kondotta applikabbli.

Artikolu 3

Kontrolli fuq is-sottomittenti

1.   Is-sistemi u l-kontrolli li kontributur taħt superviżjoni għandu jkollu fis-seħħ skont l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandhom jinkludu proċess dokumentat u effettiv għall-kontribuzzjoni ta' data, u għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

proċess għall-ħatra tas-sottomittenti u l-proċeduri biex isiru kontribuzzjonijiet meta sottomittent ikun mhux disponibbli għall-għarrieda, inkluża l-ħatra ta' sostituti;

(b)

proċeduri u sistemi għall-monitoraġġ tad-data użata għall-kontribuzzjonijiet, u l-kontribuzzjonijiet huma nfushom, li huma kapaċi li jipproduċu allerti f'konformita ma' parametri predefiniti mill-kontributur.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kull rekwiżit impost skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-kontributur għandu jqis il-kriterji li ġejjin biex jiddetermina għall-finijiet tal-Artikolu 16(2)(a) ta' dak ir-Regolament jekk huwiex proporzjonali li jkun fis-seħħ proċess ta' ffirmar minn persuna fiżika li jkollha pożizzjoni fi grad ogħla minn dik tas-sottomettenti:

(a)

il-livell ta' diskrezzjoni involut fil-proċess ta' kontribuzzjoni;

(b)

in-natura, l-iskala u l-komplessità tal-attivitajiet tal-kontributur taħt superviżjoni;

(c)

jekk jistgħux jinqalgħu kunflitti ta' interess bejn il-kontribuzzjoni ta' data tal-input għal parametru referenzjarju u kull kummerċ jew attivitajiet oħra mwettqa mill-kontributur.

3.   Meta l-kontrolli stabbiliti minn kontributur taħt superviżjoni jinkludu proċess ta' ffirmar minn persuna fiżika li jkollha pożizzjoni fi grad ogħla minn dik tas-sottomettenti, dawk il-kontrolli għandhom jinkludu regoli ċari dwar iż-żmien tal-iffirmar u, jekk dawn jinkludu l-possibbiltà ta' ffirmar wara s-sottomissjoni tad-data tal-input, għandhom jispeċifikaw f'liema ċirkostanzi huwa permess l-iffirmar wara s-sottomissjoni u l-ammont massimu ta' żmien li fih tali ffirmar għandu jseħħ.

Artikolu 4

Taħriġ għas-sottomittenti

1.   Is-sistemi u l-kontrolli li kontributur taħt superviżjoni għandu jkollu fis-seħħ skont l-Artikolu 16(2)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandhom jinkludu programmi ta' taħriġ biex jiżguraw li kull sottomittent għandu:

(a)

għarfien u esperjenza xierqa ta' kif il-parametru referenzjarju huwa maħsub biex ikejjel is-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika;

(b)

għarfien adegwat tal-elementi kollha tal-kodiċi ta' kondotta applikabbli żviluppati skont l-Artikolu 15(1) ta' dak ir-Regolament, jekk ikun hemm.

2.   L-għarfien tas-sottomittenti msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 u tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/1011 kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), sa fejn ikun applikabbli għall-kompiti tas-sottomettenti, għandu jerġa' jiġi vvalutat perjodikament, u fi kwalunkwe każ mill-inqas darba fis-sena, biex jiġi vverifikat li xorta għadu xieraq għal kull wieħed minnhom li jaġixxu bħala sottomittenti.

3.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika fil-każ ta' kontributuri taħt superviżjoni ta' parametri referenzjarji sinifikanti.

Artikolu 5

Kunflitti ta' interess

1.   Il-miżuri għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess li kontributur taħt superviżjoni għandu jkollu fis-seħħ skont l-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandhom jinkludu mill-inqas il-miżuri li ġejjin:

(a)

reġistru ta' kunflitti ta' interess, li għandu jinżamm aġġornat u użat biex jirreġistra kull kunflitt ta' interess identifikat u l-miżuri meħuda biex dawn jiġu mmaniġġati. Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għal awdituri interni jew esterni;

(b)

separazzjoni fiżika tas-sottomittenti mill-impjegati l-oħra tal-kontributur, fejn tali separazzjoni tkun xierqa filwaqt li jitqies il-livell ta' diskrezzjoni involut fil-proċess ta' kontribuzzjoni, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-kontributur u jekk jistgħux jinqalgħu kunflitti ta' interess bejn il-kontribuzzjoni ta' data tal-input għal parametru referenzjarju u kull kummerċ jew attivitajiet oħra mwettqa mill-kontributur;

(c)

proċeduri interni xierqa, inkluż f'każ fejn ma hemm l-ebda separazzjoni organizzattiva jew fiżika tal-impjegati, ir-regoli li jirregolaw l-interazzjoni tas-sottomittenti mal-impjegati front office.

2.   Il-miżuri għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess għandhom jinkludu wkoll politiki dwar ir-rimunerazzjoni fir-rigward ta' sottomittenti li jiżguraw li r-remunerazzjoni ta' sottomittent ma tkunx marbuta ma' xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-valur tal-parametru referenzjarju;

(b)

il-valuri speċifiċi tal-osservazzjonijiet magħmula; kif ukoll

(c)

it-twettiq ta' kull attività speċifika ta' kontributur taħt superviżjoni li tista' tagħti lok għal konflitt ta' interess, bil-kontribuzzjoni ta' data tal-input għal parametru referenzjarju.

Artikolu 6

Żamma ta' rekords

1.   Ir-rekords li għandhom jinżammu skont l-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-komunikazzjonijiet fir-rigward tal-forniment tad-data tal-input għandhom jinkludu rekords tal-kontribuzzjonijiet li saru u l-ismijiet tas-sottomettenti.

2.   Ir-rekords li għandhom jinżammu skont l-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-espożizzjoni tal-kontributur għal strumenti finanzjarji li jużaw il-parametru referenzjarju bħala referenza għandhom jinkludu reġistri tat-tip ta' attività mwettqa mill-kontributur taħt superviżjoni li toħloq l-iskopertura.

3.   Ir-rekords li għandhom jinżammu skont l-Artikolu 16(2)(e) tar-Regolament (UE) 2016/1011 ta' awditi interni u esterni għandhom jinkludu rekords tas-sommarju tal-awditjar, ir-rapport tal-awditjar u kull azzjoni meħuda b'rispons għal kull verifika.

4.   Il-paragrafu 3 ma għandux japplika fil-każ ta' kontributuri taħt superviżjoni ta' parametri referenzjarji sinifikanti.

Artikolu 7

Ġudizzju espert

Il-politiki li kontributur taħt superviżjoni huwa meħtieġ jistabbilixxi skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 meta d-data tal-input tiddependi fuq ġudizzju espert għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

qafas għall-iżgurar tal-konsistenza bejn id-diversi sottomettenti, u l-konsistenza tul iż-żmien, b'rabta mal-użu ta' ġudizzju jew eżerċizzju ta' diskrezzjoni;

(b)

l-identifikazzjoni tat-tipi ta' informazzjoni li jistgħu, jew ma jistgħux, jiġu kkunsidrati fl-użu ta' ġudizzju jew fl-eżerċizzju ta' diskrezzjoni;

(c)

il-proċeduri għar-reviżjoni ta' kull użu ta' ġudizzju jew eżerċizzju ta' diskrezzjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-25 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1638 tat-13 ta' Lulju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar kif jista' jiġi żgurat li d-data tal-input tkun adegwata u verifikabbli, kif ukoll il-proċeduri interni ta' sorveljanza u verifika ta' kontributur li l-amministratur ta' parametru referenzjarju sinifikanti jew kritiku għandu jiżgura li jkunu fis-seħħ meta d-data tal-input tiġi kkontribwita minn funzjoni front office (ara l-paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali); u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1639 tat-13 ta' Lulju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar l-elementi tal-kodiċi ta' kondotta li għandhom jiġu żviluppati minn amministraturi ta' parametri referenzjarji li huma bbażati fuq data tal-input minn kontributuri (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).