23.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 264/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1586

tat-22 ta' Ottubru 2018

li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta, il-fond minimu tal-baħar u l-projbizzjoni tas-sajd fuq ħabitats protetti għat-tartaruni tal-kosta li jistadu fl-ibħra territorjali tal-Kroazja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 13(5) u (10) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi s-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, gangmi, tartaruni tal-borża, tartaruni, tartaruni tal-kosta jew xbieki oħrajn simili 'il fuq minn fejn tikber l-alka f'qiegħ il-baħar, b'mod partikolari il-Posidonia oceanica jew fanerogami marini oħrajn.

(2)

Meta xi Stat Membru jitlobha dan, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5).

(3)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' tagħmir irmunkat sa tliet mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta' fond ta' 50 m meta dak il-fond jintlaħaq 'il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

(4)

Meta xi Stat Membru jitlobha, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(1), 13(5) u (9).

(5)

Fis-26 ta' Jannar 2016 il-Kummissjoni rċeviettalba mill-Kroazja għal deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament, għall-użu tat-tartarun tal-kosta tradizzjonali bid-daqs tal-malja kbir “šabakun”, li jistad għall-aċċol (Seriola dumerili), tat-tartarun tal-kosta tradizzjonali “oližnica”, li jistad għall-kurunell (Atherina boyeri) u tat-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “girarica” u “migavica”, li jistadu għall-arżnell (Spicara smaris) fl-ibħra territorjali Kroati.

(6)

Fl-istess talba, il-Kroazja talbet għal deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, għall-użu ta' tartaruni tal-kosta tradizzjonali “girarica” u “migavica”, li jistadu għall-arżnell ((Spicara smaris).

(7)

It-talba tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati mill-Kroazja u tkopri bastimenti li għandhom esperjenza f'dan it-tip ta' sajd ta' aktar minn ħames snin u joperaw bil-pjan ta' ġestjoni li implimentat il-Kroazja skont id-Digriet Ministerjali (2) skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 fit-30 ta' Marzu 2018 (“il-pjan ta' ġestjoni Kroat”).

(8)

F'April u Ottubru 2016, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga li talbet il-Kroazja u l-pjan ta' ġestjoni relatat. L-STECF enfasizza l-ħtieġa għal kjarifiki dwar it-tagħmir tas-sajd użat, il-qabdiet sekondarji, il-monitoraġġ u d-dejta xjentifika. Il-Kroazja pprovdiet kjarifiki xierqa lill-Kummissjoni u rrevidiet kif xieraq il-pjan tal-ġestjoni permezz tal-introduzzjoni ta' miżuri addizzjonali dwar il-kontroll, il-ġestjoni tal-flotot, il-ġbir tad-dejta u l-monitoraġġ.

(9)

Id-derogi li talbet il-Kroazja huma konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5) u fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(10)

B'mod partikolari, hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi meta wieħed iqis kemm l-istruttura morfoloġika distinta tal-Kroazja, magħmula minn kosta twila li fiha bosta gżejjer, u kemm il-firxa spazjali tal-ispeċijiet fil-mira, li hija limitata esklussivament f'ċerti siti speċifiċi u f'żoni kostali f'fond ta' anqas minn 50 metru. Għalhekk, il-postijiet għas-sajd huma limitati.

(11)

F'dak li għandu x'jaqsam mas-sajd għall-arżnell, it-talba tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti li huma twal 12-il metru jew inqas, b'magna li għandha qawwa ta' 85 kW jew inqas u bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li jintużaw tradizzjonalment fejn tikber il-Posidonia, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Barra minn hekk, l-attività tas-sajd fir-rigward tal-arżnell jaffettwa madwar 5 % taż-żona fejn f'qiegħ il-baħar tikber l-alka Posidonia oceanica fiż-żona koperta mill-pjan ta' ġestjoni u inqas minn 5 % ta' din l-alka fl-ibħra territorjali tal-Kroazja, skont ir-rekwiżiti tal-punti (ii) u (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(12)

Is-sajd ma jistax isir b'tagħmir ieħor, peress li t-tartaruni tal-kosta biss għandhom il-karatteristika teknika meħtieġa biex iwettaq dan it-tip ta' sajd.

(13)

Barra minn hekk, is-sajd ma jħalli ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, minħabba li t-tartaruni tal-kosta huma tagħmir selettiv ferm li ma jmissx ma qiegħ il-baħar u ma jistax jopera fejn f'qiegħ il-baħar tikber il-Posidonia oceanica.

(14)

It-talba tkopri 87 bastiment. Għalhekk, id-deroga mitluba mill-Kroazja taffettwa għadd limitat ta' bastimenti, meta mqabbel maż-żona tad-distribuzzjoni kbira tal-flotta li tuża dan it-tip ta' tagħmir, li jirrappreżenta madwar 1 % tal-flotta u 2 % tat-tunnellaġġ gross (GT).

(15)

Dawk il-bastimenti jinsabu f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(16)

Il-pjan ta' ġestjoni Kroat jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti kollha fuq is-sajd ikkonċernat u jiggarantixxi li ma jkun hemm ebda żieda oħra tal-isforz tas-sajd f'konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lis-87 bastiment speċifikat li huma awtorizzati biex jistadu mill-Kroazja. F'dan ir-rigward, huwa nnutat li skont il-pjan ta' ġestjoni Kroat u d-Digriet Ministerjali, ma humiex previsti postijiet għas-sajd għax-xbieki tat-tartaruni tal-kosta “migavica”, “girarica” u “šabakun” fiż-żona tas-sajd iddikjarata bħala “A”, filwaqt li t-tartarun tal-ksota “oližnica” huwa permess biss fiż-subżoni tas-sajd iddikjarati bħala “E4” u “F2”. Barra minn hekk, l-użu tax-xbieki tat-tartaruni tal-kosta huwa pprojbit fiż-żoni identifikati bħala parkijiet nazzjonali u ħabitats speċjali.

(17)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Tabilħaqq, it-tartaruni jinġibdu fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar.

(18)

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 mhumiex applikabbli għax dawn għandhom x'jaqsmu mal-bastimenti tat-tkarkir.

(19)

Fir-rigward tar-rekwiżit għall-konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 li jistabbilixxi d-daqs minimu tal-malja fir-rigward tal-użu tat-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “oližnica” għas-sajd għall-kurunell (Atherina boyeri), il-Kummissjoni tinnota li skont l-Artikolu 9(7) ta' dak ir-Regolament, il-Kroazja awtorizzat deroga mill-Artikolu 9(3) ta' dak ir-Regolament fil-pjan ta' ġestjoni tagħha, billi s-sajd ikkonċernat huwa selettiv ħafna, għandu effett negliġibbli fuq l-ambjent tal-baħar u mhux affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5).

(20)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Kroazja ma awtorizzatx deroga fil-pjan ta' ġestjoni tagħha mir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 rigward l-użu tat-tartarun tal-kosta ta' daqs tal-malja kbir “šabakun”, li jistad għall-aċċol (Seriola dumerili), u fir-rigward tal-użu tat-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “girarica” u “migavica”, li jistadu għall-arżnell (Spicara smaris).

(21)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f'distanza qasira ħafna mill-kosta u għaldaqstant ma jostakolawx l-attivitajiet ta' bastimenti oħra.

(22)

Il-pjan ta' ġestjoni jiżgura li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ikunu minimi minħabba li l-ispeċijiet fil-mira huma l-aċċol (Seriola dumerili), il-kurunell (Atherina boyeri) u l-arżnell (Spicara smaris), li mhumiex imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, u l-attivitajiet tas-sajd huma selettivi ferm.

(23)

L-attivitajiet tas-sajd huma selettivi ferm u ma jimmirawx iċ-ċefalopodi.

(24)

Il-pjan ta' ġestjoni Kroat fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(5) u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u b'hekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3).

(25)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-derogi mitlubin jingħataw.

(26)

Jenħtieġ li l-Kroazja tirrapporta lill-Kummissjoni f'intervalli regolari u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni Kroat.

(27)

Jekk it-tul tad-deroga jkun limitat, ikunu jistgħu jiġu żgurati miżuri ta' ġestjoni korrettivi fil-pront, f'każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri li l-istatus tal-konservazzjoni tal-istokk sfruttat huwa dgħajjef, filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex il-bażi xjentifika tissaħħaħ biex ikun jista' jitfassal pjan ta' ġestjoni aħjar.

(28)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga

1.   L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali tal-Kroazja għas-sajd tal-arżnell (Spicara smaris) bit-tartaruni tal-kosta “girarica” u “migavica”.

2.   L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali tal-Kroazja għat-tipi ta' sajd li ġejjin:

(a)

l-aċċol (Seriola dumerili) mit-tartaruni tal-kosta ta' daqs tal-malja kbir “šabakun”;

(b)

il-kurunell (Atherina boyeri) bit-tartarun tal-kosta “oližnica”; u

(c)

l-arżnell (Spicara smaris) bit-tartaruni tal-kosta “girarica” u “migavica”

3.   It-tartaruni tal-kosta msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintużaw minn bastimenti li:

(a)

għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta' ġestjoni Kroat li adottat il-Kroazja skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(b)

għandhom esperjenza f'dan it-tip ta' sajd ta' aktar minn ħames snin u fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd eżerċitat; u

(c)

għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u li joperaw skont il-pjan ta' ġestjoni Kroat

Artikolu 2

Pjan ta' monitoraġġ u rappurtar

Fi żmien tliet snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-Kroazja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jitfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni Kroat.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-26 ta' Ottubru 2018 sas-26 ta' Ottubru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.

(2)  Pravilnik o obavljanju gospodarskog ribolova na moru obalnim mrežama potegačama, Narodne Novine, ĠU 30/2018, kif emendat bi Pravilnik o izmjeni Pravilnika o obavljanju gospodarskog ribolova na moru obalnim mrežama potegačama, ĠU 49/2018.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).