16.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/12


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/1542

tal-15 ta' Ottubru 2018

li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1544 tal-15 ta' Ottubru 2018 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-użu ta' armi kimiċi, inkluż l-użu ta' kwalunkwe sustanza tossika bħala arma fi kwalunkwe ċirkostanza, huwa kompletament inaċċettabbli, irid jiġi sistematikament u rigorożament ikkundannat u jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà tagħna lkoll. Fit-28 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew talab l-adozzjoni malajr kemm jista' jkun ta' reġim ġdid ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-użu u l-proliferazzjoni ta' armi kimiċi.

(2)

Fil-15 ta' Ottubru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi. Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 tipprevedi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni, entitajiet jew korpi li huma responsabbli jew li jipprovdu sostenn finanzjarju, tekniku jew materjali għall-manifattura jew l-użu ta' armi kimiċi jew li jinvolvu ruħhom fit-tħejjija għall-użu ta' armi kimiċi, kif ukoll dawk li jassistu jew jinkoraġġixxi tali attivitajiet. Dawk il-persuni, entitajiet u korpi huma elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544.

(3)

Hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544.

(4)

Jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jagħmlu proposta għal Regolament li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi.

(5)

Dan ir-Regolament jappoġġa l-Istrateġija tal-UE tal-2003 kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, kif ukoll il-qafas internazzjonali li jirrigwarda l-proliferazzjoni ta' armi kimiċi: il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu tal-Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (“CWC”); id-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Istati Parti għas-CWC li tindirizza t-theddida mill-użu ta' Armi Kimiċi, adottata fis-27 ta' Ġunju 2018; il-Grupp Awstralja; “l-Inizjattiva ta' Sigurtà kontra l-Proliferazzjoni”; u s-Sħubija Internazzjonali kontra l-Impunità għall-Użu ta' Armi Kimiċi. Dan ir-Regolament jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-UNSC rilevanti, partikolarment ir-Riżoluzzjonijiet 1540 (2004), 2118 (2013), 2209 (2015), 2235 (2015) u 2325 (2016).

(6)

Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-isforzi tal-Unjoni biex tittratta l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi u għall-isforzi tal-Unjoni biex tappoġġa l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) u s-Segretarjat Tekniku tagħha. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-armi kimiċi msemmi f'dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-kamp ta' applikazzjoni u d-definizzjoni previsti fis-CWC.

(7)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

(8)

Jenħtieġ li s-setgħa biex tiġi stabbilita u emendata l-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament tiġi eżerċitata mill-Kunsill sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-istabbiliment, l-emendar u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544.

(9)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tkun żgurata ċertezza massima tad-dritt fl-Unjoni, l-ismijiet u kull data rilevanti oħra li jikkonċernaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu ppubblikati. Jenħtieġ li kull ipproċessar ta' data personali jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u li jinfurmaw lil xulxin dwar informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Jenħtieġ li dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proprozjonati u dissważivi.

(12)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ minnufih mal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“armi kimiċi” tfisser armi kimiċi kif definit fl-Artikolu II tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC);

(b)

“pretensjoni” jfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom, u tinkludi b'mod partikolari:

(i)

pretensjoni ta' prestazzjoni ta' kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom;

(ii)

pretensjoni ta' estensjoni jew ta' ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kwalunkwe forma;

(iii)

pretensjoni ta' kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

pretensjoni ta' rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni, inkluż permezz tal-proċedura ta' exequatur ta' sentenza, ta' deċiżjoni arbitrali jew ta' deċiżjoni ekwivalenti, tkun fejn tkun saret jew ingħatat;

(c)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta' liema forma tkun u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, kemm jekk tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar jew f'obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew partijiet differenti; għal din il-fini, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kull dispożizzjoni relatata li tiġi mit-tranżazzjoni jew li tkun konnessa magħha;

(d)

“awtoritajiet kompetenti” tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fis-siti web elenkati fl-Anness II;

(e)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kwalunkwe tip, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(f)

“iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, prodotti jew servizzi b'kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

(g)

“iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew trattar ta' fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluża ġestjoni ta' portafolli;

(h)

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull tip, inkluż, iżda mhux limitat għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta' pagament;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta' dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament jew privatament, inklużi l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, ċertifikati, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji ta' eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħrajn;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz ta' kargu, poloz ta' bejgħ; u

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(i)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li t-Trattat huwa applikabbli għalihom, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom;

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I. jew għall-beneficċju tagħhom.

3.   L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1544, ġew identifikati mill-Kunsill bħala:

(a)

persuni fiżiċi li huma responsabbli għal, li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali lil jew li huma involuti b'mod ieħor:

(i)

fil-manifattura, l-akkwist, il-pussess, l-iżvilupp, it-trasport, il-ħażna jew it-trasferiment ta' armi kimiċi;

(ii)

fl-użu ta' armi kimiċi; jew

(iii)

fi kwalunkwe tħejjija għall-użu ta' armi kimiċi;

(b)

persuni fiżiċi li jassistu, jinkoraġġixxu jew jipperswadu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp biex jimpenjaw ruħhom fi kwalunkwe attività msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu u b'dan il-mod jikkawżaw jew jikkontribwixxu għal theddida li tali attivitajiet jistgħu jittieħdu; u

(c)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi koperti mill-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 3

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b'dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta' dawn il-persuni fiżiċi, inkluż ħlas għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklussivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika abbażi tagħhom, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

se jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sal-miżura li tali pagamenti jkunu maħsuba għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.   B'deroga mill-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali meħuda qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 2 iddaħħlu fil-lista fl-Anness I, jew ikunu s-suġġett ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Unjoni jew deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu se jintużaw esklussivament biex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx imur kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 5

1.   B'deroga mill-Artikolu 2(1) u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, b'dawk il-kundizzjonijiet li jqisu li jkunu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu se jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(b)

il-pagament ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 2(2);

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 6

1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux jipprevjeni lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn terzi fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati milli jikkreditaw il-kontijiet iffriżati, dment li kull żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe tranżazzjoni ta' dan it-tip, mingħajr dewmien.

2.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 2 ġew inklużi fl-Anness I; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali meħuda fi Stat Membru jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 7

1.   Bla preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

jagħtu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f'kull verifika ta' din l-informazzjoni.

2.   Kull informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.   Kull informazzjoni pprovduta jew li tasal f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li tkun ingħatat jew waslet għalihom.

Artikolu 8

Il-parteċipazzjoni b'mod konxju u bi ħsieb, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 9

1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq bona fide fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà ta' kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

2.   Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 10

1.   L-ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni, li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kull pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, partikolarment pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness I;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a) jew f'isimhom.

2.   F'kull proċediment għall-eżekuzzjoni ta' pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni:

(a)

dwar il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 2 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 3, 4 u 5;

(b)

dwar ksur u problemi ta' eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni b'kull informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista' taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissottoponi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, hu għandu jemenda l-Anness I skont dan.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjonitiegħu, inkluż r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika l-entitàt jew il-korp imsemmi fil-paragrafu 2 direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jagħti l-opportunità lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jippreżenta osservazzjonijiet.

3.   Meta jitressqu osservazzjonijiet, jew meta tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-korp.

4.   Il-lista fl-Anness I għandha tiġi riveduta f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 13

1.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-korpi kkonċernati.

2.   L-Anness I għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, il-ġeneru, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn ir-regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 15

1.   Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)

l-inklużjoni tal-kontenut tal-Anness I fil-“Lista kkonsolidata ta' persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-UE” elettronika, u fil-mappa interattiva ta' Sanzjonijiet mill-UE, li huma t-tnejn aċċessibbli għall-pubbliku;

(b)

l-ipproċessar ta' informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta' dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, is-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II huwa nnominat bħala “kontrollur” għall-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 16

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

3.   Meta dan ir-Regolament jistipula rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha b'xi mod ieħor, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jridu jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kull persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

(d)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-Unjoni.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS I

LISTA TA' PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2


ANNESS II

SITI WEB B'INFORMAZZJONI DWAR L-AWTORITAJIET KOMPETENTI U L-INDIRIZZ GĦAN-NOTIFIKI LILL-KUMMISSJONI

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/nl/Beleid/beleidsthemas/vrede_en_veiligheid/sancties

https://diplomatie.belgium.be/fr/politique/themes_politiques/paix_et_securite/sanctions

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/101

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/en/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

L-ITALJA

https://www.esteri.it/mae/it/politica_estera/politica_europea/misure_deroghe

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

http://www.kormany.hu/download/9/2a/f0000/EU%20szankci%C3%B3s%20t%C3%A1j%C3%A9koztat%C3%B3_20170214_final.pdf

MALTA

https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

https://www.bmeia.gv.at/en/european-foreign-policy/foreign-policy/europe/eu-sanctions-national-authorities/

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/ministerios/mne/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 07/99

B-1049 Brussels, Belgium

Email: relex-sanctions@ec.europa.eu