21.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/65


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1263

tal-20 ta' Settembru 2018

li jistabbilixxi l-formoli għat-tressiq ta' informazzjoni minn fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti skont ir-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/644 jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi biex jitrawmu servizzi aħjar tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, minbarra dawk stabbiliti fid-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dawk id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, b'mod partikulari, is-sorveljanza regolatorja marbuta mas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, kif ukoll it-trasparenza tat-tariffi għal ċerti servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2018/644 jirrikjedi li l-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jressqu informazzjoni dwarhom infushom lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti, permezz ta' formola stabbilita mill-Kummissjoni.

(3)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/644 jirrikedji li l-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jressqu informazzjoni darba biss, u li jinfurmaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali b'kull bidla f'dik l-informazzjoni fi żmien 30 jum. L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2018/644 jirrikjedi li l-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jressqu informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom kull sena. Jixraq għalhekk li jiġu stabbiliti żewġ formoli għat-tressiq ta' dik l-informazzjoni.

(4)

Sabiex jiġi evitat l-għadd doppju tal-pakketti, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, meta jipprovdu informazzjoni dwar in-numru u l-fatturat tal-pakketti ttrattati tul l-aħħar sena kalendarja, jindikaw jekk is-servizzi tal-konsenja tal-pakketti humiex ikkuntrattati mal-mittent jew inkella ikunux qegħdin jitwettqu f'isem fornitur oħra tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti. L-informazzjoni mressqa għandha tinkludi wkoll informazzjoni dwar jekk il-pakketti humiex qegħdin jintbagħtu lejn jew jaslu minn destinazzjonijiet ġewwa l-Unjoni jew barra minnha, billi dan ikollu impatt fuq il-passi fil-katina tal-konsenja postali li jieħu l-istess fornitur.

(5)

Ġaladarba l-informazzjoni rikjesta għandha tiġi pproċessata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-għarfien espert ta' dawk l-awtoritajiet, il-formoli tfasslu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp Ewropew tar-Regolaturi tas-Servizzi Postali.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21 tad-Direttiva 97/67/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-formoli għat-tressiq tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/644 huma stabbiliti fl-Annessi I u II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 112, 2.5.2018, p. 19.

(2)  Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).


ANNESS I

Image Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni