14.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 231/20 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1236
tat-13 ta' Settembru 2018
li jtemm l-investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkunsinnati mill-Kambodja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja u kemm jekk le
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 13 u 14(5) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri eżistenti
(1) |
Il-Kunsill, wara investigazzjoni antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament (KE) Nru 1193/2008 (2). Il-miżuri ħadu l-forma ta' dazju ad valorem li jvarja bejn 6,6 % u 42,7 %. |
(2) |
Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 (3), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”), wara rieżami ta' skadenza u rieżami interim parzjali (“l-investigazzjonijiet preċedenti”) skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament bażiku rispettivament, żammet il-miżuri definittivi u emendat il-livell tagħhom. Id-dazji antidumping definittivi fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-RPĊ ivarjaw bejn il-15,3 % u 42,7 % (“il-miżuri fis-seħħ”). |
(3) |
Permezz tar-Regolament (UE) 2016/32 (4), il-Kummissjoni, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, estendiet id-dazju kontra d-dumping ta' 42,7 % impost fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-RPĊ għal importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkunsinnati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le. |
1.2. Talba
(4) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq aċidu ċitriku li joriġina mir-RPĊ minn importazzjonijiet konsenjati mill-Kambodja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja u kemm jekk le, u biex tagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni. |
(5) |
It-talba saret fit-30 ta' Ottubru 2017 mill-industrija Ewropea li timmanifattura l-aċidu ċitriku. |
(6) |
It-talba kien fiha biżżejjed evidenza dwar bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Unjoni, ir-RPĊ u l-Kambodja li dehret li tinbet minn prassi, proċess jew xogħol li għalihom ma kienx hemm kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jiġifieri t-trasbord, b'operazzjonijiet ta' proċessar minuri jew mingħajrhom, tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ via l-Kambodja lejn l-Unjoni. |
(7) |
Barra minn hekk, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li l-prassi msemmija iktar 'il fuq kienet qed timmina l-effetti rimedjali tal-miżuri antidumping eżistenti, kemm f'termini tal-kwantitajiet, kif ukoll tal-prezzijiet, u li l-prezzijiet tal-prodott taħt investigazzjoni kienu l-oġġett ta' dumping f'relazzjoni mal-valur normali stabbilit preċedentement għall-prodott ikkonċernat. |
1.3. Il-prodott ikkonċernat u l-prodott taħt investigazzjoni
(8) |
Il-prodott ikkonċernat mill-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni huwa l-aċidu ċitriku (inkluż iċ-ċitrat trisodiku diidrat (“melħ ċitriku”)), li jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 2918 14 00 (il-kodiċi TARIC 2918140090) u ex 2918 15 00 (il-kodiċi TARIC 2918150019) u li joriġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”). |
(9) |
Il-prodott taħt investigazzjoni huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda kkonsenjat mill-Kambodja, kemm jekk iddikjarat li joriġina fil-Kambodja u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa' taħt l-istess kodiċijiet tan-NM bħall-prodott ikkonċernat (“il-prodott taħt investigazzjoni”). |
(10) |
L-investigazzjoni wriet li l-aċidu ċitriku u l-melħ ċitriku, esportati mir-RPĊ għall-Unjoni u dawk ikkonsenjati mill-Kambodja għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u għandhom l-istess użi, u għaldaqstant għandhom jitqiesu li huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
1.4. Bidu
(11) |
Wara li ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li kien hemm biżżejjed evidenza biex tinbeda investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ u li tagħmel l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkonsenjati mill-Kambodja, kemm jekk huma ddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, kemm jekk le, soġġetti għar-reġistrazzjoni. |
(12) |
L-investigazzjoni nbdiet permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2300 tat-13 ta' Diċembru 2017 (5) (“ir-Regolament tal-bidu”). |
1.5. Il-perjodu ta' investigazzjoni u l-perjodu ta' rapportar
(13) |
L-investigazzjoni kopriet il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2014 sat-30 ta' Settembru 2017 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”, jew “PI”). Ġiet miġbura data għall-perjodu ta' investigazzjoni biex tiġi investigata, fost l-oħrajn, il-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ wara l-kontinwazzjoni tal-miżuri kif ukoll wara ż-żieda tad-dazji antidumping definittivi permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 u l-eżistenza ta' prassi, proċess jew xogħol li għalihom ma kienx hemm kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Inġabret data aktar iddettaljata għall-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2016 sat-30 ta' Settembru 2017 (“il-perjodu ta' rapportar” jew “PR”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jimminaw l-effett ta' rimedju tal-miżuri fis-seħħ f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza ta' dumping. |
1.6. Investigazzjoni
(14) |
Il-Kummissjoni uffiċjalment infurmat lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tal-Kambodja, lill-produtturi esportaturi u l-kummerċjanti f'dawk il-pajjiżi, lill-importaturi fl-Unjoni li kien magħruf li kienu kkonċernati, u lill-industrija tal-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni. Intbagħtu Kwestjonarji/Formoli għal Talba ta' Eżenzjoni lill-produtturi/esportaturi fil-Kambodja u fir-RPĊ fl-Unjoni magħrufa mill-Kummissjoni jew li kienu ppreżentaw ruħhom qabel l-iskadenzi stabbiliti fil-premessa 16 tar-Regolament tal-bidu. |
(15) |
Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ skont iż-żmien stipulat fir-Regolament tal-bidu. |
(16) |
Tweġibiet għall-kwestjonarji/formoli ta' eżenzjoni waslu minn produttur esportatur wieħed mill-Kambodja, Wang Kang Biochemical Co., Ltd. (“WKB”), u ħames importaturi tal-Unjoni. |
(17) |
Saret żjara ta' verifika f'Marzu tal-2018 fil-bini ta' WKB. |
(18) |
Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll bosta dipartimenti u aġenziji governattivi fil-Kambodja, inkluż il-Ministeru tal-Kummerċ, il-Ministeru tal-Finanzi, il-Ministeru tal-Industrija u l-Artiġjanat, l-Awtoritajiet Doganali u l-Kunsill ta' Żvilupp tal-Kambodja. |
2. IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI
2.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
(19) |
F'konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jinħtieġ li l-elementi li ġejjin jiġu analizzati suċċessivament sabiex tiġi vvalutata ċ-ċirkomvenzjoni possibbli:
|
2.2. Bidla fix-xejra tal-kummerċ
(20) |
Il-bidliet fix-xejra tal-kummerċ bejn il-Kambodja, ir-RPĊ u l-Unjoni fil-PI huma analizzati fuq il-bażi tal-istatistika tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-Kambodja. |
(21) |
Matul il-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet doganali tal-Kambodja, il-Kummissjoni rċeviet il-bażi tad-data tat-tranżazzjonijiet kollha tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet taħt l-intestatura 2918 tas-Sistema Armonizzata (HS) għall-PI. Il-bażi tad-data ppermettiet għall-identifikazzjoni tax-xahar u s-sena ta' kull tranżazzjoni singola, id-deskrizzjoni tal-kodiċi doganali tal-Kambodja sa livell ta' tmien numri, deskrizzjoni dettaljata tal-prodott, l-isem tal-esportatur/importatur, il-volum u l-valur tat-tranżazzjoni, il-pajjiż tal-importazzjoni/tal-oriġini/tad-destinazzjoni. |
(22) |
Barra minn hekk, waqt il-konsultazzjonijiet mal-Ministeru tal-Kummerċ tal-Kambodja u mal-Ministeru tal-Industrija u l-Artiġjanat, ġie kkonfermat li l-uniku produttur esportatur tal-Kambodja li kkoopera, WKB, huwa l-uniku esportatur u produttur tal-prodott taħt investigazzjoni eżistenti fil-Kambodja. |
(23) |
Il-prodott ikkonċernat kien importat lejn il-Kambodja, kemm direttament miċ-Ċina u wkoll mit-Tajlandja u mill-Vjetnam, mill-uniku produttur esportatur tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Kambodja, WKB, u minn kumpaniji oħrajn tal-Kambodja mhux esportaturi. |
(24) |
L-importazzjonijiet minn kumpaniji oħrajn, li huma attivi l-aktar fl-industrija tal-ilbies u t-tessuti, kienu relattivament baxxi fil-volum u ġew ikkonsmati internament fil-Kambodja – l-ebda tranżazzjoni tal-esportazzjoni ta' aċidu ċitriku jew ta' melħ ċitriku minbarra l-esportazzjonijiet minn WKB huma nnutati fir-rekords doganali. Għalhekk, dawn l-importazzjonijiet jistgħu jiġu esklużi mill-analiżi ta' bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-Kambodja, ir-RPĊ u l-Unjoni. |
(25) |
WKB dehret l-ewwel darba fl-istatistika doganali tal-Kambodja bħala importatriċi tal-aċidu ċitriku fl-2015. L-importazzjonijiet ta' WKB huma sostanzjali meta mqabbla mal-bqija tal-importazzjonijiet tal-Kambodja u juru xejra ta' żieda fil-perjodu ta' bejn l-2015 u l-PR. |
(26) |
WKB dehret ukoll l-ewwel fl-istatistika tal-esportazzjoni bħala esportatriċi ta' melħ ċitriku kemm lejn l-Unjoni u pajjiżi terzi fl-2015. |
(27) |
Data dwar l-importazzjonijiet tal-Kambodja tal-prodott ikkonċernat li joriġina fiċ-Ċina u l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni mill-Kambodja lejn l-Unjoni jintwerew fit-tabelli hawn taħt. Għandu jiġi enfasizzat li l-volumi ta' esportazzjonijiet huma ħafna ogħla minn volumi ta' importazzjonijiet, li huwa spjegat hawn taħt skont il-proċess ta' produzzjoni ta' WKB. Tabella 1 Il-volumi tal-importazzjoni (tunnellati) mir-RPĊ lejn il-Kambodja
Tabella 2 Il-volumi ta' esportazzjoni (tunnellati) mill-Kambodja
|
(28) |
Iż-żieda fil-volumi, kemm tal-esportazzjonijiet mill-Kambodja lejn l-Unjoni kif ukoll tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Kambodja, seħħet wara t-tkomplija tal-miżuri u ż-żieda tad-dazji antidumping definittivi permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82. Din tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ u l-Kambodja minn naħa, u l-Kambodja u l-Unjoni, min-naħa l-oħra. |
2.3. L-allegata prattika ta' ċirkomvenzjoni
2.3.1. Raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju antidumping
(29) |
Skont is-sejbiet tal-investigazzjoni, hemm kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika rigward il-bidu tal-attività ekonomika u l-istabbiliment ta' produzzjoni minn WKB fil-Kambodja. Il-fatt li investitur Ċiniż investa f'WKB ma jbiddilx dawk is-sejbiet. Fil-fatt, ir-raġuni ewlenija għalfejn il-faċilitajiet ta' produzzjoni jinsabu fil-Kambodja kien minħabba pakkett ta' inċentivi offruti lill-investitur Ċiniż. |
(30) |
WKB ġiet stabbilita fl-2014 (il-produzzjoni bdiet fl-2015). Qabel l-istabbiliment ta' WKB, Er-Kang Group (il-grupp ewlieni ta' WKB) ma kienx involut fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fir-RPĊ. Er-Kang group ukoll m'għandu l-ebda attività ta' produzzjoni fil-Malasja, fejn il-miżuri ġew riċentement estiżi bir-Regolament (UE) 2016/32. |
(31) |
L-istabbiliment ta' WKB kien parti minn proġett ta' investiment akbar. Fl-istess ħin, żewġ kumpaniji oħra (produttur ta' lamtu u produttur ta' lamtu speċjalizzat) ġew stabbiliti fuq l-istess post minn Er-Kang Group. |
(32) |
Id-deċiżjoni biex tillokalizza l-produzzjoni fil-Kambodja kienet xprunata sa ċertu punt mill-aċċess għall-materji primi (kassava) imma saħansitra iktar minħabba l-pakkett ta' inċentivi offruti mill-Gvern Kambodjan. Kif ġie kkonfermat matul il-konsultazzjonijiet mal-Kunsill tal-Iżvilupp tal-Kambodja u mal-Ministeru tal-Finanzi tal-Kambodja, l-investiment totali ta' Er-Kang Group ġie kkwalifikat bħala proġett ta' investiment kwalifikat (“QIP”). Il-QIP, mal-issodisfar ta' ċerti kriterji b'kontenut ta' valur tal-investiment u l-impjiegi lokali (il-limiti huma definiti skont is-settur ta' attività) u ta' obbligi ta' esportazzjoni, jagħti ċerti privileġġi fir-rigward ta' dazji doganali fuq l-importazzjoni u t-taxxi fuq magni importati u materja prima u tal-perjodu ta' grazzja għat-taxxa fuq id-dħul. |
2.3.2. L-allegazzjoni ta' trasbord
(33) |
Kif indikat fil-premessa (6), il-prattika ta' ċirkomvenzjoni allegata fit-talba kienet tat-trasbord, b'operazzjonijiet ta' proċessar minuri jew mingħajrhom, tal-prodott ikkonċernat li jgħaddi mill-Kambodja lejn l-Unjoni. |
(34) |
Sabiex tevalwa din l-allegazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat il-kwantitajiet u t-tip tal-prodott ikkonċernat importat lejn il-Kambodja, jekk il-produzzjoni jew ċerti stadji tal-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat isseħħux fil-Kambodja, id-dettalji tal-proċess ta' produzzjoni, u l-kwantitajiet u tipi tal-prodott taħt investigazzjoni li huwa esportat lejn l-Unjoni. |
(35) |
Peress li l-uniku esportatur tal-prodott taħt investigazzjoni, kif spjegat fil-premessa (22), hija WKB, il-Kummissjoni llimitat l-eżami tagħha għal din il-kumpanija. |
(36) |
L-investigazzjoni kkonfermat li WKB għandha linja ta' produzzjoni sħiħa u attiva (inkluż tat-tankijiet tal-fermentazzjoni) tal-prodott taħt investigazzjoni li tinsab fil-Kambodja u li l-prodott esportat lejn l-Unjoni aktar tard huwa prodott hemmhekk. |
(37) |
WKB għandha proċess ta' produzzjoni ta' melħ ċitriku fejn l-aċidu ċitriku jintuża bħala waħda mill-materji primi tagħhom. Dan l-aċidu ċitriku huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu importat mir-RPĊ iżda wkoll mit-Tajlandja. Id-deċiżjoni dwar il-pajjiż sors hija bbażata fuq il-livelli tal-prezzijiet. Dawn l-operazzjonijiet huma għalhekk ekonomikament razzjonali u ma juru l-ebda intenzjoni ta' ċirkomvenzjoni. Fil-fatt, jekk l-unika intenzjoni kienet biss li jiġu evitati l-miżuri, WKB timporta biss mir-RPĊ u mbagħad sempliċement tesporta l-prodott lejn l-Unjoni direttament jew wara bidliet żgħar. |
(38) |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li huwa biss ammont relattivament żgħir ta' aċidu ċitriku li jintuża fil-proċess tal-manifattura, meta mqabbel mal-ammont finali ta' melħ ċitriku prodott. L-aċidu ċitriku huwa miżjud fi stadju iktar tard tal-proċess ta' produzzjoni sabiex jitnaqqas il-valur pH tal-prodott finali. |
(39) |
Fl-aħħar nett, l-ebda aċidu ċitriku impurtat minn WKB, kemm jekk ta' oriġini Ċiniż jew Tajlandiż, mhuwa aktar tard mibjugħ jew esportat mill-kumpanija. |
(40) |
Is-sejbiet tal-premessi (37) sa (39) ġew ikkonfermati wara verifika fuq il-post ta' xiri, il-movimenti tal-istokk tal-materja prima inkwistjoni u r-rekords ta' konsum kif ukoll l-istokkijiet u l-volumi tal-bejgħ tal-prodott finali, jiġifieri melħ ċitriku. |
(41) |
Fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, huwa konkluż li l-allegazzjonijiet ta' trasbord u ċirkomvenzjoni tal-miżuri imposti fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ permezz ta' kunsinni mill-Kambodja ma jistgħux jiġu kkonfermati. L-aċidu ċitriku huwa materja prima (importat mir-RPĊ jew mit-Tajlandja) li jintuża minn WKB f'ammonti limitati għall-produzzjoni ta' melħ ċitriku. |
(42) |
Wara l-iżvelar, l-industrija tal-Unjoni kkummentat fuq dawk is-sejbiet fejn tefgħet dubji dwar il-proporzjon ta' aċidu ċitriku użat fil-proċess ta' produzzjoni ta' melħ ċitriku u dwar it-trattament ġenerali ta' aċidu ċitriku bħala materja prima fil-proċess tal-produzzjoni ta' melħ ċitriku. Skont l-industrija tal-Unjoni, l-aċidu ċitriku jkun semiprodott minflok materja prima, u huwa l-proċess ta' fermentazzjoni li jwassal biex l-aċidu ċitriku aktar tard jinbidel f'melħ ċitriku. |
(43) |
F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-proċess tal-produzzjoni użat minn WKB huwa differenti mill-proċess ta' produzzjoni applikat mill-industrija tal-Unjoni. Kif indikat fil-premessi (37), (38) u (40), l-ammont ta' aċidu ċitriku mixtri u użat fil-proċess ta' produzzjoni, l-oriġini tiegħu u l-istadju li fih huwa miżjud għall-proċess tal-produzzjoni ġew ivverifikati fuq il-post f'bini tal-WKB. Barra minn hekk, anke kieku l-allegazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-proċess tal-produzzjoni kellhom ikunu kkonfermati, dawn ma jaffettwawx b'mod ġenerali l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta' ċirkomvenzjoni tal-miżuri fid-dawl tas-sejbiet fil-premessa (49). |
(44) |
Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni indikat li fis-sit web uffiċjali tagħha, WKB kienet iddeskriviet lilha nnifisha kemm bħala produttur ta' aċidu ċitriku kif ukoll ta' melħ ċitriku. Kien biss wara Settembru 2017 li s-sit web ġie modifikat u li l-aċidu ċitriku tneħħa mil-lista ta' prodotti. |
(45) |
F'dan ir-rigward, huwa ċar fuq il-bażi tal-istatistika doganali dettaljata tal-Kambodja kif ukoll ir-rekords tal-produzzjoni, tax-xiri u tal-bejgħ ta' WKB li hija qatt ma kienet involuta fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ ta' aċidu ċitriku. |
(46) |
Kif spjegat fil-premessi minn (47) sa (50), l-operazzjonijiet ta' WKB fil-Kambodja wkoll ma jistgħux jitqiesu bħala trasformazzjoni minuri tal-prodott sabiex jiġu evitati dazji antidumping, kif ġie allegat fit-talba. Barra minn hekk, hekk kif l-aċidu ċitriku u l-melħ ċitriku huma t-tnejn koperti mill-miżuri antidumping, din it-trasformazzjoni minuri ma tikkostitwixxix prattika differenti minn trasbord, u l-investigazzjoni wriet li WKB mhux qed tagħmel prattiki ta' trasbord. |
2.3.3. Operazzjonijiet ta' assemblaġġ
(47) |
Skont il-premessa (12) tar-Regolament ta' bidu, jekk prattiki ta' ċirkomvenzjoni mill-Kambodja koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord, jiġu identifikati matul il-kors tal-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista' tkopri dawn il-prattiki wkoll. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk operazzjonijiet ta' assemblaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku kinux qed iseħħu fil-Kambodja u jekk tali operazzjonijiet jikkostitwixxux ċirkomvenzjoni. |
(48) |
F'konformità mal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku, biex tiġi stabbilita l-eżistenza taċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping permezz ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ, il-Kummissjoni trid tivverifika li l-partijiet (materja prima) użati fl-operazzjoni ta' assemblaġġ mill-pajjiżi soġġetti għall-miżuri antidumping, jikkostitwixxu 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet (materja prima) tal-prodott assemblat u li l-valur miżjud għall-partijiet (materja prima) li ddaħħlu ma kienx akbar minn 25 % tal-kost tal-manifattura. |
(49) |
Fil-każ ta' WKB, instab li l-materja prima li toriġina mill-pajjiż suġġett għall-miżuri (jiġifieri l-aktar ir-RPĊ) ma kinitx tikkostitwixxi 60 % jew aktar tal-valur totali tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni. |
(50) |
Minħabba li l-investigazzjoni wriet li l-kriterju ta' 60 % ma ntlaħaqx u li l-operazzjoni ta' assemblaġġ ma tistax titqies bħala ċirkomvenzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, ma tqisx meħtieġ li jiġi eżaminat it-tieni kriterju ta' 25 % tal-valur miżjud fil-kostijiet tal-manifattura. |
2.3.4. Konklużjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni
(51) |
Fid-dawl tal-premessi minn (29) sa (50), kien konkluż li m'hemm l-ebda evidenza ta' ċirkomvenzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-attività ta' WKB. |
(52) |
Billi WKB tirrappreżenta 100 % tal-esportazzjonijiet tal-Kambodja tal-prodott taħt investigazzjoni lejn l-Unjoni matul il-PI, ma setax jiġi stabbilit jekk il-miżuri fis-seħħ fuq importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ humiex qegħdin ikunu soġġetti għal ċirkomvenzjoni permezz ta' importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Kambodja. |
2.4. L-imminar tal-effetti ta' rimedju b'riżultat tad-dazju u evidenza ta' dumping
(53) |
Minħabba li l-investigazzjoni wriet li l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ imwettqa fil-Kambodja ma jistgħux jitqiesu bħala ċirkomvenzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku, ma tqisx meħtieġ li dawn l-aspetti jiġu eżaminati. |
3. TMIEM L-INVESTIGAZZJONI
(54) |
Fid-dawl tas-sejbiet imsemmija fil-premessi minn (51) sa (52), jenħtieġ li l-investigazzjoni preżenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni tintemm. Ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni introdotta bir-Regolament ta' bidu jenħtieġ għalhekk li titwaqqaf, u jenħtieġ li dak ir-Regolament jitħassar. |
(55) |
Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li ttemm l-investigazzjoni u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti li waslu ma kinux ta' natura li jibdlu l-konklużjonijiet ta' hawn fuq. |
(56) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-investigazzjoni li nbdiet permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2300, sabiex ikun iddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' aċidu ċitriku (inkluż iċ-ċitrat trisodiku diidrat), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 2918 14 00 (il-kodiċi TARIC 2918140090) u ex 2918 15 00 (il-kodiċi TARIC 2918150019) u kkunsinnati mill-Kambodja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja u kemm jekk le, humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82, hija b'dan mitmuma.
Artikolu 2
L-awtoritajiet doganali ma għandhomx ikomplu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2300.
Artikolu 3
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2300 qiegħed b'dan jitħassar.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Settembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1193/2008 tal-1 ta' Diċembru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazji provviżorji imposti fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 tal-21 ta' Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u ta' rieżamijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 8).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/32 tal-14 ta' Jannar 2016 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkonsenjat mill-Malasja, kemm jekk dikjarat li joriġina mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU L 10, 15.1.2016, p. 3.)
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2300 tat-12 ta' Diċembru 2017 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkunsinnati mill-Kambodja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 39).
(*1) Aċidu ċitriku biss
(*2) Aċidu ċitriku u melħ ċitriku
(*3) Melħ ċitriku biss
(*4) L-esportazzjonijiet lejn l-UE jibqgħu fil-medda ta' 55 % sa 85 % tal-esportazzjonijiet totali