9.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1106

tat-8 ta' Awwissu 2018

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-mudelli għad-dikjarazzjoni ta' konformità li għandhom jiġu ppubblikati u miżmuma minn amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti u mhux sinifikanti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikoli 25(8) u 26(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jobbliga lill-amministraturi ta' parametri referenzjarji li jagħżlu li ma jikkonformawx ma' rekwiżit wieħed jew aktar ta' dan ir-Regolament jippubblikaw u jżommu dikjarazzjoni ta' konformità li tiddikjara għaliex mhuwiex xieraq li jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti. L-Artikolu 26(3) ta' dak ir-Regolament jimponi obbligu fuq l-amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti, iżda b'rabta ma' firxa usa' ta' rekwiżiti.

(2)

Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tippermetti lil kull min jaqraha li jidentifika b'mod ċar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1011 li l-amministratur tal-parametru referenzjarju għażel li ma japplikax u r-raġunijiet għaliex l-amministratur iqis li huwa xieraq li ma jikkonformax ma' dawk id-dispożizzjonijiet.

(3)

L-Artikoli 25(7) u 26(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedu li d-dikjarazzjoni ta' konformità tiddikjara b'mod ċar għaliex l-amministratur iqis li jkun xieraq li ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li l-mudelli jirrekjedu spjegazzjoni separata għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet li ma tiġix applikata mill-amministratur.

(4)

L-eżenzjonijiet fakultattivi fir-rigward tal-parametri referenzjarji sinikanti fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 huma subsett tal-eżenzjonijiet potenzjali għal parametri referenzjarji mhux sinifikanti fl-Artikolu 26(1) tal-istess Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ standards tekniċi ta' implimentazzjoni rikjesti fl-Artikolu 25(8) u l-Artikolu 26(5) fir-rigward ta' dawk l-eżenzjonijiet u sabiex jiġi evitat piż amministrattiv potenzjali mhux meħtieġ fuq l-amministraturi tal-parametri referenzjarji, huwa mixtieq li dawn l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni jinġabru f'Regolament wieħed.

(5)

L-amministraturi jistgħu jagħżlu li jużaw dikjarazzjoni ta' konformità waħda għal grupp ta' parametri referenzjarji, sakemm dan tippermetti l-identifikazzjoni ċara tad-dispożizzjonijiet li l-amministratur ikun għażel li ma japplikax għal kull parametru referenzjarju kopert mid-dikjarazzjoni ta' konformità. Il-parametri referenzjarji sinifikanti u dawk mhux sinifikanti ma għandhomx jiġu inklużi f'dikjarazzjoni ta' konformità waħda. Jekk grupp ta' parametri referenzjarji ikun jinkludi parametri referenzjarji sinifikanti u oħrajn mhux sinifikanti iridu jitħejjew tal-anqas żewġ dikjarazzjonijiet ta' konformità.

(6)

Jinħtieġ li l-amministraturi jingħataw biżżejjed żmien biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika xahrejn wara li jkun daħal fis-seħħ,

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(8)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mudelli tad-dikjarazzjoni ta' konformità

1.   Il-mudell tad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) 2016/1011 huwa stipulat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-mudell tad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 huwa stipulat fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-29 ta' Ottubru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS I

Mudell għad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) 2016/1011

Entrata

Kaxxa tat-test

A.   Informazzjoni Ġenerali

1.

Id-data ta' meta nħoloq dan id-dokument u, fejn japplika, ta' meta ġie aġġornat l-aħħar

1.

Maħluq: [jj/xx/ss]

L-aħħar darba li ġie aġġornat: [jj/xx/ss]

2.

Isem l-amministratur

2.

[Kif jidher fir-“Reġistru tal-amministraturi u l-parametri referenzjarji” ppubblikat mill-ESMA]

3.

Awtorità Nazzjonali Kompetenti Rilevanti

3.

[L-awtorità kompetenti li awtorizzat jew irreġistrat l-amministratur f'konformità mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011]

It-taqsima li jmiss:

tidentifika l-parametru referenzjarju sinifikanti jew il-parametri referenzjarji sinifikanti li għalihom ma japplikawx xi dispożizzjonijiet,

tidentifika d-dispożizzjonijiet li l-amministratur għażel li ma japplikax, u

tispjega għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax ma' kull dispożizzjoni bħal din.

Jekk dan id-dokument ikun relatat ma' aktar minn parametru referenzjarju sinifikanti wieħed ipprovdut mill-amministratur, trid timtela taqsima separata għal kull sett ta' parametri referenzjarju li għalih:

id-dispożizzjonijiet li l-amministratur jagħżel li ma japplikax ikunu l-istess għal dawk il-parametri referenzjarji kollha, u

għal kull dispożizzjoni, l-ispjegazzjoni għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni tkun l-istess għall-parametri referenzjarji kollha.

B.    [Ikteb isem l-amministratur kif stipulat fl-entrata 2 tat-taqsima A] jagħżel li ma japplikax id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-parametru referenzjarju sinifikanti jew tal-parametri referenzjarji sinifikanti identifikati hawn taħt

1.

Il-parametru referenzjarju jew paramatri referenzjarji li għalihom ma tapplikax/japplikawx id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet li ġejjin

1.

[Ikteb isem il-parametru referenzjarju, jew ta' kull wieħed mill-parametri referenzjarji, fosthom in-numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) tiegħu jew tagħhom jew, fejn ma hemmx ISIN, kwalunkwe identifikatur ieħor li jkun disponibbli]

2.

Indikazzjoni ta' fejn id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għall-parametru referenzjarju rilevanti jew għal kull wieħed mill-parametri referenzjarji rilevanti hija ppubblikata

2.

[eż. il-ħolqa tal-paġna web]

3.

(i)

Id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1011 li ma japplikawx

(ii)

Għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet spjega għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni partikolari

3(i)

[Għal kull dispożizzjoni ikteb in-numru tal-Artikolu, il-paragrafu u, fejn japplika, il-punt speċifiku tar-Regolament (UE) 2016/1011 u t-test sħiħ tad-dispożizzjoni]

3(ii)

[Għal kull dispożizzjoni ikteb spjegazzjoni speċifika, dettaljata u ċara dwar għala mhuwiex xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni, b'kunsiderazzjoni tan-natura u l-impatt tal-parametru referenzjarju jew parametri referenzjarji u d-daqs tal-amministratur.]

ANNESS II

Mudell għad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011

Entrata

Kaxxa tat-test

A.   Informazzjoni Ġenerali

1.

Id-data ta' meta nħoloq dan id-dokument u, fejn japplika, ta' meta ġie aġġornat l-aħħar

1.

Maħluq: [jj/xx/ss]

L-aħħar darba li ġie aġġornat: [jj/xx/ss]

2.

Isem l-amministratur

2.

[Kif jidher fir-“Reġistru tal-amministraturi u l-parametri referenzjarji” ppubblikat mill-ESMA]

It-taqsima li jmiss:

tidentifika l-parametru referenzjarju jew il-parametri refererenzjarji mhux sinifikanti li għalihom ma japplikawx xi dispożizzjonijiet,

tidentifika d-dispożizzjonijiet li l-amministratur għażel li ma japplikax, u

tispjega għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax ma' kull dispożizzjoni bħal din.

Jekk dan id-dokument jirrelata ma' familja ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti pprovduta mill-amministratur, trid timtela taqsima separata għal kull grupp ta' parametri referenzjarji li għalih:

id-dispożizzjonijiet li l-amministratur jagħżel li ma japplikax ikunu l-istess għal dawk il-parametri referenzjarji kollha, u

għal kull dispożizzjoni, l-ispjegazzjoni għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni tkun l-istess għall-parametri referenzjarji kollha.

B.    [Ikteb isem l-amministratur kif stipulat fl-entrata 2 tat-taqsima A] jagħżel li ma japplikax id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti jew tal-parametri referenzjarji mhux sinifikanti identifikati hawn taħt

1.

Il-parametru referenzjarju jew paramatri referenzjarji li għalihom ma tapplikax/japplikawx id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet li ġejjin

1.

[Ikteb isem il-parametru referenzjarju, jew ta' kull wieħed mill-parametri referenzjarji, fosthom in-numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) tiegħu jew tagħhom jew, fejn ma hemmx ISIN, kwalunkwe identifikatur ieħor li jkun disponibbli]

2.

(i)

Id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1011 li ma japplikawx

(ii)

Għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet spjega għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni partikolari

2(i)

[Għal kull dispożizzjoni ikteb in-numru tal-Artikolu, il-paragrafu u, fejn japplika, il-punt speċifiku tar-Regolament (UE) 2016/1011 u t-test sħiħ tad-dispożizzjoni]

2(ii)

[Għal dispożizzjoni, ikteb spjegazzjoni speċifika, dettaljata u ċara għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni.]