3.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/1095

tas-26 ta' Lulju 2018

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju (2018–2024)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2008, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 242/2008 (1) li kkonkluda l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju u l-Komunità Ewropea (2) (“il-Ftehim”);

(2)

L-aħħar Protokoll għall-Ftehim skada fit-30 ta' Ġunju 2018.

(3)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni Ewropea, Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim (“il-Protokoll”). Il-Protokoll ġie inizjalat fis-16 ta' Marzu 2018.

(4)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1069 (3), il-Protokoll ġie ffirmat fl-1 ta' Awwissu 2018, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(5)

L-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu sħiħ ta' applikazzjoni tal-Protokoll.

(6)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (EU) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprevedi li matul sena speċifika jew xi perjodu rilevanti ieħor tal-implimentazzjoni ta' protokoll għal Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u b'kont meħud tal-perjodi ta' validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu infurmati dwar kwalunkwe allokazzjoni ġdida tal-opportunitajiet tas-sajd mhux użati.

(7)

Il-Protokoll ser japplika b'mod proviżorju mid-data li fiha jiġi ffirmat, sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni jinbdew malajr. Għaldaqstant, jenħtieġ ukoll li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)   L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-qafas tal-Protokoll għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)

bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni:

 

Spanja: 16-il bastiment

 

Franza: 12-il bastiment

(b)

bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:

 

Spanja: 6 bastimenti

 

Il-Portugall: 2 bastimenti

(2)   Ir-Regolament (UE) 2017/2403 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim u għall-Protokoll.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

G. BLÜMEL


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 242/2008 tas-17 ta' Marzu 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju, min-naħa l-oħra (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 51).

(2)  ĠU L 48, 22.2.2008, p. 41.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1069 tas-26 ta' Lulju 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju (2018–2024) (ĠU L 194, 31.7.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).