7.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/30


REGOLAMENT (UE) 2018/1092 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Lulju 2018

li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Novembru 2016 dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tikkomplementa, tikkonsolida u tagħti spinta lill-isforzi kollaborattivi tal-Istati Membri biex jiżviluppaw kapaċitajiet tad-difiża li jwieġbu għall-isfidi tas-sigurtà, kif ukoll li titrawwem industrija tad-difiża li tkun kompetittiva, innovattiva u effiċjenti fl-Unjoni kollha. Hija pproponiet, b'mod partikolari, li jitnieda Fond Ewropew għad-Difiża (“il-Fond”) b'appoġġ għall-investiment fir-riċerka konġunta u fl-iżvilupp konġunt tat-tagħmir u tat-teknoloġiji fil-qasam tad-difiża, biex b'hekk jiġu inkuraġġuti l-akkwist konġunt u l-manutenzjoni konġunta tat-tagħmir u t-teknoloġiji fil-qasam tad-difiża. Il-Fond ma jkunx jissostitwixxi l-isforzi nazzjonali f'dan ir-rigward u jenħtieġ li jkun mezz li jinċentiva lill-Istati Membri biex jikkooperaw u jinvestu aktar fil-qasam tad-difiża. Il-Fond ikun jappoġġa l-kooperazzjoni matul iċ-ċiklu kollu tal-iżvilupp tal-prodotti u tat-teknoloġija fil-qasam tad-difiża, biex b'hekk jitrawmu s-sinerġiji u l-kosteffettività. L-objettiv ikun li jsiru disponibbli kapaċitajiet, li tkun żgurata bażi kompetittiva u innovattiva għall-industrija tad-difiża fl-Unjoni kollha, inkluż permezz ta' kooperazzjoni transfruntiera u l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u li jsir kontribut għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża.

(2)

Sabiex jitrawmu l-kompetittività, l-effiċjenza u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (il-“Programm”). Jenħtieġ li l-Programm ikollu l-għan li jtejjeb il-kompetittività tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, li tikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċitajiet tad-difiża, fost l-oħrajn b'rabta maċ-ċiberdifiża, billi jappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-impriżi fl-Unjoni kollha, inkluż l-SMEs u l-kumpanniji b'kapitalizzazzjoni medja (mid-caps), iċ-ċentri ta' riċerka u l-universitajiet, u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, fil-fażi tal-iżvilupp tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża, biex b'hekk jiġi ffaċilitat l-isfruttament aħjar tal-ekonomiji ta' skala fl-industrija tad-difiża u tiġi promossa l-istandardizzazzjoni tas-sistemi tad-difiża filwaqt li tittejjeb l-interoperabbiltà tagħhom. Il-fażi tal-iżvilupp, li tiġi wara l-fażi tar-riċerka u t-teknoloġija, tinvolvi riskji u spejjeż sinifikanti li joħolqu ostakli għall-isfruttament ulterjuri tar-riżultati tar-riċerka u għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni. Waqt li jappoġġa l-fażi tal-iżvilupp, il-Programm ikun qiegħed jikkontribwixxi għal sfruttament aħjar tar-riżultati tar-riċerka dwar id-difiża u jgħin biex jixxejjen id-distakk bejn ir-riċerka u l-produzzjoni. Il-Programm ikun qiegħed jippromwovi wkoll l-forom kollha ta' innovazzjoni, billi l-effetti pożittivi ta' tali appoġġ ikun mistenni li jinfirex għas-settur ċivili. Il-Programm jikkomplementa l-attivitajiet imwettqa f'konformità mal-Artikolu 182 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u ma jkoprix il-produzzjoni jew l-akkwist ta' prodotti jew teknoloġiji tad-difiża.

(3)

Sabiex jinkisbu soluzzjonijiet aktar innovattivi u biex jitrawwem suq intern miftuħ, jenħtieġ li l-Programm jipprovdi appoġġ qawwi għall-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs u jgħin biex jinħolqu opportunitajiet tas-suq ġodda.

(4)

Jenħtieġ li l-Programm ikopri perijodu ta' sentejn mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020. Jenħtieġ li l-ammont finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm jiġi ddeterminat għal dak il-perijodu.

(5)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-durata sħiħa tal-Programm, li jrid jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza prinċipali, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill waqt il-proċedura baġitarja annwali.

(6)

Fl-implimentazzjoni tal-Programm, l-istrumenti kollha ta' finanzjament jenħtieġ li jintużaw f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), bil-ħsieb li jiġi massimizzat l-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża. Madankollu, fid-dawl tad-durata ta' sentejn tal-Programm, l-użu ta' strumenti finanzjarji jista' joħloq diffikultajiet prattiċi. Għaldaqstant, matul dak il-perijodu inizjali, jenħtieġ li tingħata prijorità għall-użu ta' għotjiet u, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, għall-akkwist pubbliku. L-istrumenti finanzjarji jistgħu jkunu għodda xierqa għall-użu fil-Fond wara l-2020.

(7)

Il-Kummissjoni tista' tafda parti mill-implimentazzjoni tal-Programm lill-entitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(8)

Wara li jaqblu dwar il-prijoritajiet komuni b'rabta mal-kapaċitajiet ta' difiża fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet, b'kont meħud ukoll tar-Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża, u bil-ħsieb li jinkiseb il-Livell ta' Ambizzjoni tal-UE kif maqbul mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Novembru 2016 u approvat mill-Kunsill Ewropew fil-15 ta' Diċembru 2016, l-Istati Membri jidentifikaw u jikkonsolidaw ir-rekwiżiti militari u jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-proġett.

(9)

Fejn adatt, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru wkoll maniġer tal-proġett, bħal organizzazzjoni internazzjonali tal-ġestjoni tal-proġetti, pereżempju l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti, jew entità, bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, biex imexxi l-ħidma marbuta mal-iżvilupp ta' azzjoni kollaborattiva appoġġata mill-Programm. Meta ssir tali ħatra, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-maniġer tal-proġett dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-azzjoni qabel ma jsir il-pagament lill-benefiċjarju tal-azzjoni eliġibbli biex il-maniġer tal-proġett ikun jista' jiżgura li l-benefiċjarji jirrispettaw l-iskadenzi.

(10)

Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni ma jaffettwax it-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża fl-Unjoni f'konformità mad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew l-esportazzjoni ta' prodotti, tagħmir jew teknoloġiji tad-difiża. Jenħtieġ li lanqas ma jaffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika dwar it-trasferiment fl-Unjoni u l-esportazzjoni ta' tali prodotti, inkluż f'konformità mar-regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari stipulati fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (6).

(11)

Peress li l-objettiv tal-Programm hu li jappoġġa l-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni billi jtaffi r-riskju waqt il-fażi tal-iżvilupp tal-proġetti ta' kooperazzjoni, jenħtieġ li l-azzjonijiet marbuta mal-iżvilupp ta' prodott jew teknoloġija tad-difiża, jiġifieri l-istudji dwar il-fattibbiltà u miżuri oħra ta' akkumpanjament, id-disinn (inkluż l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li fuqhom huwa bbażat id-disinn), il-prototipi tas-sistema, l-ittestjar, l-ikkwalifikar, iċ-ċertifikazzjoni u ż-żieda fl-effiċjenza matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott jew teknoloġija tad-difiża, ikunu eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm. Il-modernizzazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża eżistenti, inkluż l-interoperabbiltà tagħhom, jenħtieġ li jkunu wkoll eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm. Azzjonijiet għall-modernizzazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża eżistenti jenħtieġ li jkunu eliġibbli biss fejn l-informazzjoni li diġà teżisti u li hija meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni ma tkunx soġġetta għal kwalunkwe restrizzjoni b'mod li tillimita l-abbiltà li titwettaq l-azzjoni.

(12)

Peress li l-għan tal-Programm huwa, b'mod partikolari, li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-impriżi fl-Istati Membri, jenħtieġ li azzjoni tkun eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm biss jekk trid titwettaq minn konsorzju ta' mill-anqas tliet impriżi bbażati f'mill-inqas tliet Stati Membri differenti.

(13)

Ħafna drabi l-kollaborazzjoni transfruntiera bejn l-impriżi fl-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża ġiet imfixkla mid-diffikultà li jintlaħaq ftehim dwar l-ispeċifikazzjonijiet jew l-istandards tekniċi komuni. L-assenza jew l-insuffiċjenza ta' speċifikazzjonijiet jew standards tekniċi komuni wassal għal kumplessità akbar, dewmien u spejjeż eżaġerati fil-fażi tal-iżvilupp. Għall-azzjonijiet li jinvolvu livell ogħla ta' maturità teknoloġika, ftehim dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni jenħtieġ li jkun kondizzjoni primarja għall-eliġibbiltà għall-finanzjament skont il-Programm. Jenħtieġ li l-istudji dwar il-fattibbiltà u l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jappoġġaw l-istabbiliment ta' speċifikazzjonijiet jew standards tekniċi komuni jkunu eliġibbli wkoll għall-finanzjament skont il-Programm.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li, fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jiġu rrispettati, l-azzjonijiet relatati ma' prodotti jew teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom ikunu pprojbiti mid-dritt internazzjonali jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm. F'dak ir-rigward, l-eliġibbiltà ta' azzjonijiet għall-iżvilupp ta' prodotti jew teknoloġiji ġodda tad-difiża, bħal dawk li huma speċifikament imfassla biex iwettqu attakki letali mingħajr ebda kontroll uman fuq id-deċiżjonijiet dwar l-attakki, jenħtieġ li wkoll jkunu soġġetti għal żviluppi fid-dritt internazzjonali.

(15)

Peress li l-Programm għandu l-għan li jtejjeb il-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, jenħtieġ li, fil-prinċipju, l-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni u li mhumiex soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz biss ikunu eliġibbli għall-finanzjament. Barra minn hekk, biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi essenzjali marbutin mas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi li jintużaw mill-benefiċjarji u mis-subkuntratturi f'azzjoni ffinanzjata skont il-Programm, jenħtieġ li ma jkunux jinstabu fit-territorju ta' pajjiż terz.

(16)

F'ċerti ċirkostanzi, jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mill-prinċipju li l-benefiċjarji u s-subkuntratturi involuti f'azzjoni ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz. F'dak il-kuntest, l-impriżi stabbiliti fl-Unjoni li huma kkontrollati minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz jenħtieġ li jkunu jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament dment li jkunu ssodisfati kondizzjonijiet rilevanti u stretti relatati mal-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbilit fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), inkluż f'termini tat-tisħiħ tal-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea. Il-parteċipazzjoni ta' impriżi bħal dawn jenħtieġ li ma tmurx kontra l-objettivi tal-Programm. Jenħtieġ li l-benefiċjarji jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi li jridu jintużaw fl-azzjoni. Jenħtieġ li t-tħassib tal-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-provvista jiġi kkunsidrat ukoll.

(17)

Jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn il-benefiċjarji u s-subkuntratturi involuti fl-azzjoni u l-impriżi li huma stabbiliti f'pajjiż terz jew li huma kkontrollati minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz ukoll tkun soġġetta għal kondizzjonijiet rilevanti relatati mal-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda aċċess mhux awtorizzat minn pajjiż terz jew entità ta' pajjiż terz għal informazzjoni klassifikata marbuta mat-twettiq tal-azzjoni. L-aċċess għal informazzjoni klassifikata huwa awtorizzat skont ir-regoli ta' sigurtà rilevanti applikabbli għall-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea u għall-informazzjoni kklassifikata skont il-klassifikazzjonijiet tas-sigurtà nazzjonali.

(18)

L-azzjonijiet eliġibbli żviluppati fil-kuntest ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni jkunu jiżguraw kooperazzjoni msaħħa bejn l-impriżi fl-Istati Membri differenti fuq bażi kontinwa u b'hekk jikkontribwixxu direttament għall-objettivi tal-Programm. Għalhekk, jenħtieġ li tali azzjonijiet ikunu eliġibbli għal rata ogħla ta' finanzjament. L-azzjonijiet eliġibbli żviluppati b'livell ta' parteċipazzjoni adegwat min-naħa tal-mid-caps u l-SMEs, u b'mod partikolari l-SMEs transfruntieri, jappoġġaw il-ftuħ tal-katini tal-provvista u jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Programm. Għaldaqstant, jenħtieġ li tali azzjonijiet ikunu eliġibbli għal rata ogħla ta' finanzjament, inkluż biex jiġi kkumpensat ir-riskju akbar u l-piż amministrattiv akbar.

(19)

Jekk xi konsorzju jkun jixtieq jieħu sehem f'azzjoni eliġibbli skont il-Programm u l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tkun ser tieħu l-għamla ta' għotja, jenħtieġ li l-konsorzju jaħtar wieħed mill-membri tiegħu bħala koordinatur. Il-koordinatur jenħtieġ li jkun il-punt ewlieni ta' kuntatt mal-Kummissjoni.

(20)

Il-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp teknoloġiku fl-industrija tad-difiża tal-Unjoni jenħtieġ li tippermetti li jinżammu u jiġu żviluppati l-ħiliet u l-għarfien espert fl-industrija tad-difiża tal-Unjoni u jenħtieġ li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-awtonomija teknoloġika u industrijali tagħha. F'dak il-kuntest, il-Programm jista' wkoll jgħin biex jiġi identifikat fejn l-Unjoni hija dipendenti fuq pajjiżi terzi għall-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji tad-difiża. Tali promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp teknoloġiku jenħtieġ li ssir ukoll b'mod konsistenti mal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kontribut ta' azzjoni għal dawk l-interessi u għall-prijoritajiet marbuta mal-kapaċità ta' difiża maqbula fost l-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni jservi bħala kriterju għall-għotja. Fl-Unjoni, il-prijoritajiet komuni marbuta mal-kapaċità tad-difiża jiġu identifikati b'mod partikolari permezz tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet. Il-proċessi l-oħra tal-Unjoni, fosthom ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża u l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet rilevanti permezz ta' kooperazzjoni msaħħa. Fejn adatt, il-prijoritajiet reġjonali u internazzjonali, inkluż dawk fil-kuntest tan-NATO, jistgħu wkoll jitqiesu, bil-kundizzjoni li jservu l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u ma jipprevjenu l-ebda Stat Membru milli jipparteċipa, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa li tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn.

(21)

L-Istati Membri jaħdmu individwalment u b'mod konġunt fuq l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu operazzjonali ta' inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti mingħajr ekwipaġġ. Użu operazzjonali f'dan il-kuntest jinkludi t-twettiq ta' attakki fuq bersalli militari. Ir-riċerka u l-iżvilupp assoċjati mal-iżvilupp ta' sistemi bħal dawn, inkluż kemm is-sistemi militari kif ukoll dawk ċivili, ingħataw appoġġ minn fondi tal-Unjoni. Huwa ppjanat li dan ikompli, possibbilment anke fil-qafas tal-Programm. Jenħtieġ li xejn f'dan ir-Regolament ma jtellef l-użu leġittimu ta' tali prodotti jew teknoloġiji tad-difiża żviluppati mill-Programm.

(22)

Sabiex ikun żgurat li l-azzjonijiet iffinanzjati jkunu vijabbli, l-impenn tal-Istati Membri li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-finanzjament tal-azzjoni jenħtieġ li jiġi stabbilit bil-miktub, pereżempju b'ittra ta' intenzjoni mill-Istati Membri kkonċernati.

(23)

Sabiex ikun żgurat li l-azzjonijiet iffinanzjati jikkontribwixxu għall-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija Ewropea tad-difiża, jenħtieġ li dawn ikunu orjentati lejn is-suq, motivati mid-domanda u kummerċjalment vijabbli fuq perijodu ta' żmien bejn medju u twil, inkluż għat-teknoloġiji b'użu doppju. Għalhekk, jenħtieġ li l-kriterji ta' eliġibbiltà jqisu l-fatt li l-Istati Membri beħsiebhom jakkwistaw il-prodott finali tad-difiża, jew jużaw it-teknoloġija, b'mod ikkoordinat, filwaqt li jenħtieġ li l-kriterji tal-għoti jqisu l-fatt li l-Istati Membri jieħdu impenn politiku jew legali, biex b'mod konġunt jużaw, jippossjedu jew iżommu l-prodott jew it-teknoloġija finali tad-difiża.

(24)

Jenħtieġ li l-kriterji tal-għoti kollha jitqiesu meta jiġu evalwati l-azzjonijiet proposti għall-finanzjament skont il-Programm. Billi dawk il-kriterji mhumiex eliminatorji, jenħtieġ li azzjonijiet proposti li jonqsu milli jissodisfaw waħda jew aktar minn dawk il-kriterji ma jiġux esklużi awtomatikament.

(25)

L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni mill-Programm jenħtieġ li ma taqbiżx l-20 % tal-ispiża eliġibbli tal-azzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-prototipi tas-sistema, li ta' spiss ikun l-akbar spiża waqt il-fażi tal-iżvilupp. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li jkun kopert l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli għal azzjonijiet oħra fil-fażi tal-iżvilupp. Fiż-żewġ każijiet, l-ispejjeż eliġibbli jenħtieġ li jinftiehmu fis-sens tal-Artikolu 126 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(26)

Peress li l-Programm jenħtieġ li jikkomplementa l-attivitajiet ta' riċerka, b'mod partikolari fil-qasam tad-difiża, u għal raġunijiet ta' konsistenza u simplifikazzjoni amministrattiva, jenħtieġ li, kemm jista' jkun, japplikaw għall-Programm l-istess regoli bħal dawk fl-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (PADR) u l-Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (“Orizzont 2020”). Huwa għaldaqstant xieraq li r-rimborż tal-ispejjeż indiretti jiġi previst b'rata fissa ta' 25 % bħal taħt il-PADR u l-Orizzont 2020.

(27)

Billi l-appoġġ tal-Unjoni għandu l-għan li jtejjeb il-kompetittività tas-settur tad-difiża u jikkonċerna biss il-fażi speċifika tal-iżvilupp, l-Unjoni jenħtieġ li ma jkollhiex sjieda jew drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq il-prodotti jew it-teknoloġiji tad-difiża li jinħolqu bl-azzjonijiet iffinanzjati. L-iskema tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali applikabbli trid tiġi miftiehma kuntrattwalment mill-benefiċjarji. L-Istati Membri interessati jenħtieġ ukoll li jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw f'akkwisti pubbliċi kooperattivi ta' segwitu. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-riżultati tal-azzjonijiet iffinanzjati skont i-Programm ma jkunux soġġetti għal kontroll jew restrizzjoni min-naħa ta' pajjiż terz jew entità ta' pajjiż terz.

(28)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi programm ta' ħidma ta' sentejn f'konformità mal-objettivi tal-Programm. Il-programm ta' ħidma jenħtieġ li jistipula fid-dettall il-kategoriji ta' proġetti għall-finanzjament skont il-Programm, inkluż prodotti u teknoloġiji tad-difiża bħal sistemi ppilotati mill-bogħod, komunikazzjonijiet, pożizzjonar, navigazzjoni u sinkronizzazzjoni bis-satellita, aċċess awtonomu għall-ispazju u osservazzjoni permanenti tad-dinja, sostenibbiltà tal-enerġija, u ċ-ċibersigurtà u s-sigurtà marittima, kif ukoll kapaċitajiet militari ta' livell għoli fis-sistemi tal-ajru, tal-art, tal-baħar u f'oqsma konġunti, inkluż għarfien aħjar tas-sitwazzjoni, il-protezzjoni, il-mobbiltà, il-loġistika u l-appoġġ mediku u l-abilitaturi strateġiċi.

(29)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi assistita minn kumitat tal-Istati Membri (“il-kumitat”) biex tistabbilixxi l-programm ta' ħidma. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex issib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat. F'dak il-kuntest, il-kumitat jista' jiltaqa' fil-format ta' esperti fid-difiża nazzjonali biex tingħata assistenza speċifika lill-Kummissjoni. Huwa f'idejn l-Istati Membri biex jaħtru r-rappreżentanti rispettivi tagħhom f'dak il-kumitat. Il-membri tal-kumitat jenħtieġ li jingħataw opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta' implimentazzjoni u jesprimu l-fehmiet tagħhom.

(30)

Fid-dawl tal-politika tal-Unjoni dwar l-SMEs li jitqiesu bħala element ewlieni biex ikunu żgurati t-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali fl-Unjoni, u fid-dawl tal-fatt li l-azzjonijiet sostnuti tipikament jeħtieġu kollaborazzjoni transnazzjonali, hu importanti li l-programm ta' ħidma jirrifletti u jippermetti aċċess u parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs miftuħa u trasparenti, u li għalhekk tali azzjonijiet jibbenefikaw minn tal-inqas 10 % tal-baġit totali, li jippermetti lill-SMEs jiġu inklużi fil-katini tal-valur tal-azzjonijiet. Jenħtieġ li kategorija ta' proġetti tkun speċifikament iddedikata għall-SMEs.

(31)

Biex tiżgura s-suċċess tal-Programm, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel ħilitha biex iżżomm djalogu ma' spettru wiesa' tal-industrija Ewropea, inklużi l-SMEs u l-fornituri mhux tradizzjonali għas-settur tad-difiża.

(32)

Sabiex jinkisbu il-benefiċċji tal-għarfien espert tagħha fis-settur tad-difiża, u skont il-kompetenzi mogħtija lilha permezz tat-TUE, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jenħtieġ li tiġi mistiedna bħala osservatur fil-kumitat. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jenħtieġ ukoll li jiġi mistieden jassisti.

(33)

Bħala regola ġenerali, biex jintgħażlu l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati skont il-Programm, il-Kummissjoni jew l-entitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jenħtieġ li jorganizzaw sejħiet kompetittivi kif previst f'dak ir-Regolament, u jenħtieġ li jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi jibqgħu sempliċi kemm jista' jkun u jiġġeneraw ammont minimu ta' spejjeż addizzjonali. Madankollu, f'ċerti ċirkostanzi debitament iġġustifikati u eċċezzjonali, il-finanzjament mill-Unjoni jista' jingħata wkoll skont l-Artikolu 190 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (7).

(34)

Wara l-evalwazzjoni tal-proposti bl-għajnuna ta' esperti indipendenti, li l-kredenzjali ta' sigurtà tagħhom jenħtieġ li jiġu vvalidati mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħżel l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Programm. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi bażi ta' data ta' esperti indipendenti. Jenħtieġ li l-bażi tad-data ma ssirx pubblika. L-esperti indipendenti jenħtieġ li jinħatru abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom, b'kont meħud tal-kompiti li jiġu assenjati lilhom. Sa fejn possibbli, meta taħtar l-esperti indipendenti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu miżuri adatti għall-fini ta' kompożizzjoni bbilanċjata fi ħdan il-gruppi tal-esperti u l-bordijiet ta' evalwazzjoni f'termini ta' varjetà ta' ħiliet, esperjenzi, għarfien, diversità ġeografika u ta' ġeneru, b'kont meħud tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-azzjoni. Wieħed jenħtieġ li jfittex ukoll rotazzjoni adatta ta' esperti u bilanċ xieraq bejn is-settur privat u dak pubbliku. Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħat ta' implimentazzjoni jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, kif ukoll għall-għoti tal-finanzjament lill-azzjonijiet magħżula. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu infurmati dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-progress fl-azzjonijiet iffinanzjati.

(35)

Jenħtieġ li l-proċedura ta' eżami tintuża għall-adozzjoni ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni b'kont meħud tal-implikazzjonijiet sostanzjali tagħhom għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(36)

Jenħtieġ li fi tmiem il-Programm, il-Kummissjoni tfassal rapport ta' implimentazzjoni, li jeżamina l-attivitajiet finanzjarji mil-lat tar-riżultati tal-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom u, fejn possibbli, mil-lat tal-impatt tagħhom. Jenħtieġ li r-rapport ta' implimentazzjoni janalizza wkoll il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs u l-mid-caps fl-azzjonijiet appoġġati mill-Programm kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-mid-caps fil-katina tal-valur globali. Ir-rapport jenħtieġ li jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-oriġini tal-benefiċjarji u d-distribuzzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ġġenerati.

(37)

Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa permezz ta' miżuri proporzjonali tul iċ-ċiklu kollu tal-infiq, li jinkludi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod ħażin u, fejn xieraq, pieni amministrattivi u finanzjarji.

(38)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw l-aktar promozzjoni wiesgħa possibbli tal-Programm sabiex tiżdied l-effikaċja tiegħu u b'hekk jittejbu l-kompetittività tal-industrija tad-difiża u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Istati Membri.

(39)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri fid-dawl tal-ispejjeż u r-riskji assoċjati, iżda jistgħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (il-“Programm”) għall-azzjoni tal-Unjoni li jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“prototip tas-sistema” tfisser mudell ta' prodott jew teknoloġija li jista' juri l-prestazzjoni f'ambjent operattiv;

(2)

“kwalifika” tfisser il-proċess kollu biex jintwera li d-disinn ta' prodott, ta' komponent jew ta' teknoloġija tanġibbli jew intanġibbli relatati mad-difiża jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati, filwaqt li jipprovdi evidenza oġġettiva li turi li jkunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti partikolari ta' disinn;

(3)

“ċertifikazzjoni” tfisser il-proċess li permezz tiegħu awtorità nazzjonali tiċċertifika li l-prodott, li l-komponent jew t-teknoloġija tanġibbli jew intanġibbli relatati mad-difiża jikkonforma mar-regolamenti applikabbli;

(4)

“intrapriża” tfisser entità, irrispettivament mill-istatus legali tagħha jew mill-mod kif hija ffinanzjata, li tkun involuta f'attività ekonomika, u li hi stabbilita fl-Istat Membru li fih tkun inkorporata, f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru;

(5)

“struttura maniġerjali eżekuttiva” tfisser korp ta' intrapriża maħtura skont il-liġi nazzjonali, u, fejn applikabbli, li jirrapportaw lill-uffiċjal kap eżekuttiv, li jkollu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-intrapriża, u li jissorvelja u jimmonitorja t-teħid ta' deċiżjonijiet tat-tmexxija;

(6)

“entità ta' pajjiż terz” tfisser entità stabbilita f'pajjiż terz jew li, fejn tkun stabbilita fl-Unjoni, ikollha l-istrutturi eżekuttivi maniġerjali tagħha f'pajjiż terz;

(7)

“kontroll” tfisser il-kapaċità tal-eżerċizzju ta' influwenza deċiżiva fuq intrapriża, direttament, jew indirettament permezz ta' intrapriża intermedjarja waħda jew aktar;

(8)

“intrapriżi żgħar u ta' daqs medju” jew “SMEs” tfisser intrapriżi żgħar u ta' daqs medju kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (9);

(9)

“kumpanija b'kapitalizzazzjoni medja” jew “mid-cap” tfisser intrapriża li mhijiex SME u li jkollha sa 3 000 impjegat, fejn l-għadd tal-persunal jiġi kkalkolat skont l-Artikoli 3 sa 6 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(10)

“konsorzju” tfisser raggruppament kollaborattiv ta' intrapriżi kostitwit biex iwettaq azzjoni skont il-Programm.

Artikolu 3

Objettivi

Il-Programm għandu jkollu l-objettivi li ġejjin:

(a)

li jrawwem il-kompetittività, l-effiċjenza u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża fl-Unjoni kollha, li tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni, billi tappoġġa l-azzjonijiet fil-fażi tal-iżvilupp tagħhom;

(b)

li jappoġġa u jivvalorizza l-kooperazzjoni, inkluża dik transfruntiera, bejn l-intrapriżi, inkluż l-SMEs u l-mid-caps, madwar l-Unjoni, u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, fl-iżvilupp ta' prodotti jew teknoloġiji tad-difiża, filwaqt li jsaħħaħ u jtejjeb l-aġilità tal-katini ta' provvista u tal-valur tad-difiża, u jrawwem l-istandardizzazzjoni tas-sistemi tad-difiża u l-interoperabbiltà tagħhom.

Din il-kooperazzjoni għandha sseħħ f'konformità mal-prijoritajiet tal-kapaċità tad-difiża miftehma mill-Istati Membri fi ħdan il-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u b'mod partikolari fil-kuntest tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet.

F'dak il-kuntest, il-prijoritajiet reġjonali u internazzjonali, meta jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni kif determinat skont il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, u b'kont meħud tal-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn, jistgħu wkoll jitqiesu, fejn xieraq, kull fejn ma jeskludux il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru;

(c)

li jitrawwem użu aħjar tar-riżultati tar-riċerka dwar id-difiża u jsir kontribut għall-iżvilupp wara l-fażi ta' riċerka, biex b'hekk tiġi appoġġata l-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża fis-suq intern u fis-suq globali, inkluż permezz tal-konsolidazzjoni, fejn xieraq.

Artikolu 4

Baġit

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020 għandu jkun ta' EUR 500 miljun fil-prezzijiet attwali.

L-approprijazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet ġenerali ta' finanzjament

1.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tista' tingħata bit-tipi ta' finanzjament previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, b'mod partikolari l-għotjiet u, f'każijiet eċċezzjonali, l-akkwist pubbliku.

2.   It-tipi ta' finanzjament imsemmija fil-paragrafu 1 u l-metodi ta' implimentazzjoni, għandhom jintgħażlu skont il-ħila tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, l-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju ta' kunflitt ta' interess.

3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata direttament jew indirettament mill-Kummissjoni kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, billi l-kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja jiġu fdati lill-entitajiet elenkati fil-punt (c) tal-Artikolu 58(1) ta' dak ir-Regolament.

4.   L-Istati Membri għandhom jaħtru, fejn adatt maniġer tal-proġett. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-maniġer tal-proġett dwar il-progress li sar b'rabta mal-azzjoni qabel ma jsir il-ħlas lill-benefiċjarji eliġibbli.

Artikolu 6

Azzjonijiet eliġibbli

1.   Il-Programm għandu jagħti appoġġ lill-azzjonijiet tal-benefiċjarji waqt il-fażi tal-iżvilupp li jkopru kemm prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża kif ukoll it-titjib tal-prodotti u tat-teknoloġiji eżistenti dment li l-użu ta' informazzjoni li kienet teżisti qabel meħtieġa għat-twettiq tal-azzjoni għat-titjib ma tkunx soġġetta għal restrizzjoni minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz, direttament, jew indirettament permezz ta' intrapriża intermedjarja waħda jew aktar.

Azzjoni eliġibbli għandha tkun relatata ma' waħda jew aktar minn dan li ġej:

(a)

studji, bħal studji tal-fattibbiltà, u miżuri oħra ta' akkumpanjament;

(b)

id-disinn ta' prodott, ta' komponent jew ta' teknoloġija tanġibbli jew intanġibbli relatati mad-difiża, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li skonthom ikun ġie żviluppat tali disinn, inkluż testijiet parzjali għat-tnaqqis tar-riskju f'ambjent industrijali jew rappreżentattiv;

(c)

il-ħolqien ta' prototipi tas-sistema ta' prodott, komponent jew ta' teknoloġija tanġibbli jew intanġibbli relatati mad-difiża;

(d)

l-ittestjar ta' prodott, komponent jew ta' teknoloġija tanġibbli jew intanġibbli relatati mad-difiża;

(e)

il-kwalifikazzjoni ta' prodott, komponent jew teknoloġija tanġibbli jew intanġibbli relatati mad-difiża;

(f)

iċ-ċertifikazzjoni ta' prodott, komponent jew ta' teknoloġija tanġibbli jew intanġibbli relatati mad-difiża;

(g)

l-iżvilupp ta' teknoloġiji jew assi li jżidu l-effiċjenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti u teknoloġiji relatati mad-difiża.

2.   Azzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn intrapriżi li jikkooperaw f'konsorzju ta' mill-inqas tliet entitajiet eliġibbli li jkunu stabbiliti f'mill-inqas tliet Stati Membri differenti. Mill-inqas tlieta minn dawk l-entitajiet eliġibbli stabbiliti f'mill-inqas żewġ Stati Membri differenti m'għandhomx ikunu kkontrollati, direttament jew indirettament, mill-istess entità, jew m'għandhomx jikkontrollaw lil xulxin.

3.   Il-konsorzju kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandu joffri prova tal-vijabbiltà billi juri li l-ispejjeż tal-azzjoni li mhumiex koperti mill-appoġġ tal-Unjoni jridu jkunu koperti minn mezzi oħra ta' finanzjament, bħalma huma l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri.

4.   Fir-rigward tal-azzjonijiet imsemmija fil-punti (c) sa (g) tal-paragrafu 1, il-konsorzju għandu jagħti prova tal-kontribut tagħhom għall-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea billi juri li mill-inqas żewġ Stati Membri beħsiebhom jakkwistaw il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija b'mod ikkoordinat, inkluż permezz tal-akkwist konġunt fejn applikabbli.

5.   Azzjonijiet kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti komuni maqbula b'mod konġunt minn tal-inqas żewġ Stati Membri. Azzjonijiet kif imsemmija fil-punti (c) sa (g) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq speċifikazzjonijiet tekniċi komuni maqbula b'mod konġunt mill-Istati Membri li jridu jikkofinanzjaw jew li beħsiebhom jakkwistaw b'mod konġunt il-prodott finali jew li jużaw b'mod konġunt it-teknoloġija, kif imsemmi fil-paragrafi 3 u 4, biex b'hekk tissaħħaħ l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi.

6.   Azzjonijiet għall-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom hija pprojbita skont il-liġi internazzjonali ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament skont il-Programm.

Artikolu 7

Entitajiet eliġibbli

1.   Il-benefiċjarji u s-subkuntratturi involuti fl-azzjoni għandhom ikunu intrapriżi pubbliċi jew privati stabbiliti fl-Unjoni.

2.   L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tal-benefiċjarji u tas-subkuntratturi involuti fl-azzjoni li jintużaw għall-finijiet tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Programm għandhom ikunu jinsabu fit-territorju tal-Unjoni għad-durata kollha tal-azzjoni, u l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom għandhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni.

3.   Għall-finijiet tal-azzjonijiet iffinanzjati skont il-Programm, il-benefiċjarji u s-subkuntratturi involuti fl-azzjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, u soġġett għall-Artikolu 15(2), intrapriża stabbilita fl-Unjoni u kkontrollata minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz għandha tkun eliġibbli bħala benefiċjarju jew subkuntrattur involut fl-azzjoni biss jekk garanziji approvati mill-Istat Membru li fih tkun stabbilita f'konformità mal-proċeduri nazzjonali tiegħu jsiru disponibbli għall-Kummissjoni. Dawk il-garanziji jistgħu jirreferu għall-istruttura maniġerjali eżekuttiva tal-intrapriża stabbilita fl-Unjoni. Jekk jitqies adatt mill-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-intrapriża, dawk il-garanziji jistgħu jirreferu wkoll għal drittijiet governattivi speċifiċi fil-kontroll fuq l-intrapriża.

Il-garanziji għandhom jipprovdu l-assigurazzjonijiet li l-involviment f'azzjoni ta' tali impriża ma jmurx kontra l-interessi ta' sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif stabbilit fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni skont it-Titolu V tat-TUE, jew l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3. Il-garanziji għandhom ukoll jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12. Il-garanziji għandhom b'mod partikolari jissostanzjaw li, għall-finijiet tal-azzjoni, hemm fis-seħħ miżuri biex ikun żgurat li:

(a)

kontroll fuq l-intrapriża mhux eżerċitat b'mod li jillimita jew jirrestrinġi l-abbiltà tagħha sabiex twettaq l-azzjoni u tikseb riżultati, li jimponi restrizzjonijiet dwar l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi, r-riżorsi, il-propjetà intellettwali jew l-għarfien espert tagħha meħtieġa għall-finijiet ta' azzjoni, jew li jimmina l-kapaċitajiet u l-istandards tagħha neċessarji għat-twettieq tal-azzjoni;

(b)

aċċess minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz għal informazzjoni sensittiva relatata mal-azzjoni jiġi pprevenut u l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-azzjoni jkollhom awtorizzazzjonijiet tas-sigurtà nazzjonali, fejn adatt;

(c)

sjieda tal-propjetà intellettwali li ġejja mill-azzjoni u r-riżultati tagħha jibqgħu fi ħdan il-benefiċjarju waqt u wara t-tlestija tal-azzjoni, ma jkunux soġġetti għal kontroll jew restrizzjoni minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz, u mhumiex esportati barra mill-Unjoni u lanqas ma huwa l-aċċess għalihom minn barra l-Unjoni mogħti mingħajr l-approvazzjoni tal-Istat Membru li fih hi stabbilita l-intrapriża u skont l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.

Jekk jitqies adatt mill-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-intrapriża, jistgħu jkunu pprovduti garanziji addizzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 13 bi kwalunkwe intrapriża li titqies eliġibbli f'konformità ma' dan il-paragrafu.

5.   Fejn ma jkunx hemm sostituti kompetittivi diġà disponibbli fl-Unjoni, il-benefiċjarji u s-subkuntratturi involuti fl-azzjoni jistgħu jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi tagħhom li jinsabu jew li jinżammu barra mit-territorju tal-Istati Membri dment li dak l-użu ma jmurx kontra l-interessi ta' sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, ikun konsistenti mal-objettivi tal-Programm u jkun konsistenti għalkollox mal-Artikolu 12.

L-ispejjeż marbuta ma' dawk l-attivitajiet ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Programm.

6.   Meta jwettqu azzjoni eliġibbli, il-benefiċjarji u s-subkuntratturi involuti fl-azzjoni jistgħu wkoll jikkooperaw ma' intrapriżi stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri jew ikkontrollati minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz, inkluż billi jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi ta' tali intrapriżi, dment li dan ma jmurx kontra l-interessi ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Tali kooperazzjoni għandha tkun konsistenti mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3 u għandha tkun għalkollox konformi mal-Artikolu 12.

Ma għandu jkun hemm ebda aċċess mhux awtorizzat minn pajjiż terz jew minn entità oħra ta' pajjiż terz għal informazzjoni klassifikata relatata mat-twettiq tal-azzjoni u għandhom jiġu evitati effetti negattivi potenzjali fuq is-sigurtà tal-provvista tal-inputs kritiċi għall-azzjoni.

L-ispejjeż marbuta ma' dawk l-attivitajiet ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Programm.

7.   Il-benefiċjarji għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà. Fil-każ ta' bidla waqt it-twettiq tal-azzjoni li tista' titfa' dubju fuq l-issodisfar tal-kriterji ta' eliġibbiltà, l-intrapriża għandha tinforma lill-Kummissjoni, li għandha tivvaluta jekk il-kriterji ta' eliġibbiltà għadhomx sodisfatti u għandha tindirizza l-impatt potenzjali fuq il-finanzjament tal-azzjoni.

8.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, is-subkuntratturi involuti fl-azzjoni tirreferi għas-subkuntratturi b'relazzjoni kuntrattwali diretta ma' benefiċjarju, subkuntratturi oħra li għalihom huwa allokat mill-anqas 10 % tal-ispiża eliġibbli totali tal-azzjoni, kif ukoll subkuntratturi li jistgħu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni klassifikata sabiex iwettqu l-kuntratt.

Artikolu 8

Dikjarazzjoni mill- intrapriżi

Kull intrapriża f'konsorzju li tixtieq tieħu sehem f'azzjoni għandha tiddikjara, permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub, li taf sew u li hija konformi mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli relatata mal-attivitajiet fil-qasam tad-difiża.

Artikolu 9

Konsorzju

1.   Meta l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tingħata permezz ta' għotja, il-membri ta' kwalunkwe konsorzju li jkunu jixtiequ jieħdu sehem f'azzjoni għandhom jaħtru wieħed mill-membri tagħhom biex jaġixxi bħala koordinatur. Il-koordinatur għandu jiġi identifikat fil-ftehim ta' għotja. Il-koordinatur għandu jkun il-punt prinċipali ta' kuntatt bejn il-membri tal-konsorzju fir-relazzjonijiet mal-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-ftehim ta' għotja jew fil-każ ta' nonkonformità mal-obbligi tiegħu skont il-ftehim ta' għotja.

2.   Il-membri ta' konsorzju li jieħdu sehem f'azzjoni għandhom jikkonkludu ftehim intern li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom b'rabta mat-twettiq tal-azzjoni f'konformità mal-ftehim ta' għotja, ħlief fil-każijiet debitament iġġustifikati previsti fil-programm ta' ħidma jew fis-sejħa għall-proposti. Il-ftehim intern għandu jinkludi wkoll arranġamenti dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati mal-prodotti u t-teknoloġiji żviluppati.

Artikolu 10

Kriterji tal-għoti

L-azzjonijiet proposti għall-finanzjament mill-Programm għandhom jiġu evalwati abbażi ta' kull wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

kontribut għall-eċċellenza b'mod partikolari billi jintwera li l-azzjoni proposta tippreżenta vantaġġi sinifikanti fuq il-prodotti jew it-teknoloġiji tad-difiża eżistenti;

(b)

kontribut għall-innovazzjoni, b'mod partikolari billi jintwera li l-azzjoni proposta tinkludi kunċetti u approċċi rivoluzzjonarji jew ġodda, titjib teknoloġiku ġdid promettenti għall-futur jew l-applikazzjoni ta' teknoloġiji jew kunċetti li qabel ma kinux applikati fis-settur tad-difiża;

(c)

kontribut għall-kompetittività u għat-tkabbir ta' intrapriżi relatati mad-difiża fl-Unjoni kollha, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' opportunitajiet kummerċjali ġodda;

(d)

kontribut għall-awtonomija industrijali tal-industrija tad-difiża Ewropea u għall-interessi ta' sigurtà u difiża tal-Unjoni bit-tisħiħ tal-prodotti jew tat-teknoloġiji ta' difiża f'konformità mal-prijoritajiet tal-kapaċità ta' difiża maqbula mill-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet, u, fejn adatt, prijoritajiet reġjonali u internazzjonali dment li jservu l-interessi ta' sigurtà u difiża tal-Unjoni u ma jeskludux il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni ta' xi Stat Membru;

(e)

il-proporzjon tal-baġit ġenerali għall-azzjoni, li jrid jiġi allokat għall-parteċipazzjoni tal-SMEs stabbiliti fl-Unjoni li jġibu magħhom valur industrijali jew teknoloġiku miżjud, bħala membri tal-konsorzju, bħala subkuntratturi jew bħala intrapriżi oħra fil-katina tal-provvista, u b'mod partikolari il-proporzjon tal-baġit ġenerali għall-azzjoni li jrid jiġi allokat lil SMEs li huma stabbiliti fl-Istati Membri li mhumiex dawk fejn l-intrapriżi fil-konsorzju li mhumiex SMEs huma stabbiliti;

(f)

għall-azzjonijiet msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Artikolu 6(1), kontribut għal aktar integrazzjoni tal-industrija tad-difiża Ewropea billi l-benefiċjarji juru li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li konġuntement jużaw, ikollhom pussess jew iżommu l-prodott jew it-teknoloġija finali.

Fejn rilevanti, għandu jittieħed kont tal-kontribut għaż-żieda fl-effiċjenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża, inkluż il-kosteffettività u l-potenzjal għal sinerġiji fil-proċess tal-akkwist u tal-manutenzjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel paragrafu.

Artikolu 11

Rati ta' finanzjament

1.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni mogħtija mill-Programm ma għandhiex taqbeż l-20 % tal-ispiża eliġibbli totali ta' azzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1). Fil-każijiet l-oħra kollha, l-assistenza tista' tkopri l-ispiża eliġibbli totali tal-azzjoni.

2.   Azzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 6(1) li tkun żviluppata fil-kuntest ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti tista' tibbenefika minn rata ta' finanzjament miżjuda b'10 punti perċentwali addizzjonali.

3.   Azzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 6(1) tista' tibbenefika minn rata ta' finanzjament miżjuda, kif imsemmija fit-tieni u tielet subparagrafi ta' dan il-paragrafu, fejn mill-inqas 10 % tal-ispiża eliġibbli totali tal-azzjoni tkun allokata għall-SMEs stabbiliti fl-Unjoni.

Ir-rata ta' finanzjament tista' tiżdied b'punti perċentwali ekwivalenti għall-perċentwal tal-ispiża eliġibbli totali ta' azzjoni allokata għall-SMEs stabbiliti fi Stati Membri li fihom huma stabbiliti intrapriżi fil-konsorzju li mhumiex SMEs, sa 5 punti perċentwali addizzjonali.

Ir-rata ta' finanzjament tista' tiżdied b'punti perċentwali ekwivalenti għad-doppju tal-perċentwal tal-ispiża eliġibbli totali ta' azzjoni allokata għall-SMEs stabbiliti fi Stati Membri għajr dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu.

4.   Azzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 6(1) tista' tibbenefika minn rata ta' finanzjament miżjuda b' 10 punti perċentwali addizzjonali, fejn mill-inqas 15 % tal-ispiża eliġibbli totali tal-azzjoni tkun allokata għal mid-caps stabbiliti fl-Unjoni.

5.   L-ispejjeż eliġibbli indiretti għandhom jiġu determinati bl-applikazzjoni ta' rata fissa ta' 25 % tal-ispejjeż eliġibbli diretti totali, esklużi l-ispejjeż eliġibbli diretti għas-subkuntrattar.

6.   Iż-żieda globali fir-rata ta' finanzjament ta' azzjoni wara l-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 3 u 4 ma għandhiex taqbeż 35 punt perċentwali.

7.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni pprovduta skont il-Programm, inkluż ir-rati ta' finanzjament miżjuda, ma għandhiex tkopri iktar minn 100 % tal-ispiża eliġibbli tal-azzjoni.

Artikolu 12

Sjieda u drittijiet ta' proprjetà intellettwali

1.   L-Unjoni ma għandux ikollha sjieda tal-prodotti jew it-teknoloġiji li jirriżultaw mill-azzjoni u lanqas ma għandu jkollha xi pretensjoni ta' dritt ta' proprjetà intellettwali relatat mal-azzjoni.

2.   Ir-riżultati tal-azzjonijiet li jirċievu finanzjament mill-Programm ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll jew restrizzjoni minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz, direttament, jew indirettament permezz ta' intrapriża intermedja waħda jew aktar, inkluż f'termini ta' trasferiment teknoloġiku.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika dwar l-esportazzjoni ta' prodotti relatati mad-difiża.

4.   B'rabta mar-riżultati ġġenerati mill-benefiċjarji li jkun irċevew finanzjament mill-Programm, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun notifikata bi kwalunkwe trasferiment ta' sjieda lil pajjiż terz jew entità ta' pajjiż terz. Jekk tali trasferiment ta' sjieda jmur kontra l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3, għandu jkun hemm rimborż tal-finanzjament previst skont il-Programm.

5.   Jekk l-assistenza tal-Unjoni tkun provduta fil-forma ta' akkwist pubbliku ta' studju, l-Istati Membri kollha għandu jkollhom id-dritt, mingħajr ħlas, għal liċenzja mhux esklussiva għall-użu tal-istudju fuq talba bil-miktub tagħhom.

Artikolu 13

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għandha tiġi mistiedna biex tagħti l-fehmiet u l-parir espert tagħha lill-kumitat bħala osservatur. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jiġi mistieden ukoll biex jassisti.

Il-kumitat għandu wkoll jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet speċjali, inkluż sabiex jiġu diskussi aspetti tad-difiża.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 14

Programm ta' ħidma

1.   Il-Kummissjoni, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, għandha tadotta programm ta' ħidma ta' sentejn. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13(2). Il-programm ta' ħidma għandu jkun konsistenti mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.

2.   Il-programm ta' ħidma għandu jistabbilixxi fid-dettall il-kategoriji tal-proġetti li jridu jiġu ffinanzjati mill-Programm. Dawk il-kategoriji għandhom ikunu konformi mal-prijoritajiet tal-kapaċità tad-difiża msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3.

Dawk il-kategoriji għandhom ikopru l-kapaċitajiet rigward prodotti u teknoloġiji innovattivi tad-difiża fl-oqsma ta':

(a)

tħejjija, protezzjoni, introduzzjoni u sostenibbiltà;

(b)

ġestjoni u superjorità ta' informazzjoni u kmand, kontroll, komunikazzjoni, kompjuters, intelligence, sorveljanza, rikonjizzjoni (C4ISR), ċiberdifiża u ċibersigurtà; u

(c)

involviment u effetturi.

Il-programm ta' ħidma għandu jinkludi wkoll kategorija ta' proġetti ddedikati speċifikament għall-SMEs.

3.   Il-programm ta' ħidma għandu jiżgura li mill-anqas 10 % tal-baġit ġenerali jkun għall-benefiċċju tal-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs.

Artikolu 15

Proċedura ta' evalwazzjoni u għoti

1.   Fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-finanzjament mill-Unjoni għandu jingħata wara sejħiet kompetittivi maħruġin skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012. F'ċerti ċirkostanzi debitament iġġustifikati u eċċezzjonali, il-finanzjament mill-Unjoni jista' jingħata wkoll skont l-Artikolu 190 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012.

2.   Il-proposti ppreżentati wara s-sejħa għal proposti għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni abbażi tal-kriterji ta' eliġibbiltà u ta' għoti stabbiliti fl-Artikoli 6, 7, 8 u 10.

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita, fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti, minn esperti indipendenti, li l-kredenzjali ta' sigurtà tagħhom għandhom ikunu vvalidati mill-Istati Membri. Dawk l-esperti għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni minn firxa kemm jista' jkun wiesgħa ta' Stati Membri u għandhom jintgħażlu abbażi ta' sejħiet għal applikazzjonijiet bil-ħsieb ta' stabbiliment ta' bażi ta' data ta' kandidati.

Il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 13 għandu jkun infurmat fuq bażi annwali bil-lista ta' esperti fil-bażi ta' data, biex ikun trasparenti b'rabta mal-kredenzjali tal-esperti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li esperti ma jevalwawx, ma jagħtux pariri jew ma jagħtux assistenza dwar kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom ikollhom konflitt ta' interessi.

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tagħti l-finanzjament għal azzjonijiet magħżula wara kull sejħa jew wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 190 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 16

Pagamenti akkont annwali

Il-Kummissjoni tista' taqsam l-impenji baġitarji f'pagamenti akkont annwali.

Artikolu 17

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja regolarment l-implimentazzjoni tal-Programm u għandha tirrapporta kull sena dwar il-progress li jkun sar skont il-punt (e) tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti ta' sorveljanza meħtieġa.

2.   Biex tappoġġa effiċjenza u effettività akbar ta' azzjonijiet ta' politika tal-Unjoni futuri, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport ta' evalwazzjoni retrospettiv u għandha tibagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq konsultazzjonijiet rilevanti mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin u għandu, b'mod partikolari, jevalwa l-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dan għandu janalizza wkoll il-parteċipazzjoni transfruntiera, inkluż tal-SMEs u l-mid-caps, f'azzjonijiet imwettqa skont il-Programm kif ukoll l-integrazzjoni tal-SMEs u tal- mid-caps fil-katina tal-valur globali. Ir-rapport għandu jkun fih ukoll informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini tal-benefiċjarji u, fejn possibbli, id-distribuzzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ġġenerati.

Artikolu 18

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti sabiex tiżgura li, meta jkunu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b'kontrolli effettivi u, jekk jiġu identifikati irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn adatt, b'pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar jew, fil-każ ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, is-setgħa ta' verifika f'konformità mal-ftehimiet milħuqa magħhom, abbażi ta' dokumenti u żjarat fuq il-post, fir-rigward ta' kull benefiċjarju, kuntrattur u subkuntrattur ta' għotja, li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont il-Programm.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, fosthom kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11), bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi tip ta' attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew ma' deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt li jkun iffinanzjat skont dan il-Programm.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2, u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu dawk il-verifiki u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 51.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Lulju 2018.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1).

(6)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR SORSI TA' FINANZJAMENT GĦALL-PROGRAMM EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP FL-INDUSTRIJA TAD-DIFIŻA

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, li l-finanzjament tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża se jiġi kopert fis-snin 2019-2020 kif ġej:

EUR 200 miljun mill-marġini mhux allokat;

EUR 116,1 miljun mis-CEF;

EUR 3,9 miljun mill-EGNOS;

EUR 104,1 miljun mill-Galileo;

EUR 12-il miljun mill-Copernicus;

EUR 63,9 miljun mill-ITER;