26.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 189/9 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1049
tal-25 ta' Lulju 2018
li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-prodotti li joriġinaw mill-pjanti u mill-annimali li għalihom japplikaw il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi (“l-MRLs”) stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 396/2005, u li huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament, huma mniżżlin fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. |
(2) |
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/62 (2). |
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2018/62 introduċa, inter alia, il-prodott bażiku “weraq tar-ravanell” fil-Parti B tal-Anness I u rabtu mal-prodott “kaboċċi (”kales“)” fil-Parti A tal-istess Anness. Għaldaqstant, l-MRLs għall-kaboċċi (“kales”) japplikaw ukoll għall-weraq tar-ravanell. |
(4) |
Informazzjoni reċenti tissuġġerixxi li l-MRLs għall-kaboċċi (“kales”) jaf ma jkunux adattati għall-weraq tar-ravanell fil-każijiet kollha u li huma meħtieġa provi tar-residwi speċifiċi fuq il-weraq tar-ravanell li jikkonfermaw l-MRLs adattati. |
(5) |
Għalhekk, huwa xieraq li jiġi previst perjodu tranżitorju qabel ma l-MRLs għall-kaboċċi (“kales”) jibdew japplikaw għall-prodott “weraq tar-ravanell” sabiex ikun jista' jsir il-ġbir tad-data neċessarja. Għal dan il-għan jenħtieġ li tiddaħħal nota ġdida f'qiegħ il-paġna (3) marbuta mal-prodott “weraq tar-ravanell” fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 396/2005. |
(6) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 jiġi emendat skont dan. |
(7) |
Sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm tfixkil żejjed fil-kummerċ minħabba l-modifiki għall-weraq tar-ravanell introdotti mir-Regolament (UE) 2018/62 u sabiex jiġi permess it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li l-istaġun tal-ħsad tagħhom jibda fir-Rebbiegħa 2018, dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika mill-1 ta' April 2018. |
(8) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, tiddaħħal in-nota f'qiegħ il-paġna (3) u tintrabat mal-entrata għal “weraq tar-ravanell”:
“(3) |
L-MRLs għandhom japplikaw għall-weraq tar-ravanell mill-1 ta' Jannar 2022”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' April 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/62 tas-17 ta' Jannar 2018 li jibdel l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 18, 23.1.2018, p. 1).