|
26.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 189/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1048
tat-18 ta' Lulju 2018
li jistipula rekwiżiti dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u l-proċeduri operattivi dwar navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8b(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
It-tkabbir kontinwu tal-avjazzjoni qed ipoġġi aktar pressjoni fuq l-użu tal-ispazju tal-ajru disponibbli, u b'hekk il-ħtieġa li jintuża bl-aktar mod effettiv u effiċjenti possibbli. Il-forniment tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jew tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS) bl-użu tan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni (PBN) jista' jġib miegħu benefiċċji ta' sikurezza, ta' kapaċità u ta' effiċjenza bis-saħħa tal-ottimizzazzjoni tar-rotot tas-servizz tat-traffiku tal-ajru u tal-proċeduri ta' avviċinament strumentali. Sabiex jinkisbu dawk il-benefiċċji u sabiex titjieb il-prestazzjoni tan-netwerk Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, jenħtieġ li jiġu previsti rekwiżiti armonizzati dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u proċeduri operattivi dwar il-PBN. |
|
(2) |
Dawk ir-rekwiżiti u l-proċeduri li jikkonċernaw il-PBN jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ir-regoli żviluppati mill-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-implimentazzjoni tagħhom jenħtieġ li tkun b'konformità mal-Pjan Globali tan-Navigazzjoni tal-Ajru tal-ICAO (2) u l-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM (3). |
|
(3) |
L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (4) u b'mod partikolari mal-punt SERA.5015(a) tiegħu, l-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (5) u b'mod partikolari il-punt ORO.GEN.110 (d) tiegħu, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 kif implimentat bl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 (6), u b'mod partikolari l-punt TCO.205 tiegħu, jeħtieġu li l-inġenju tal-ajru jkun mgħammar u li l-ekwipaġġ tat-titjira jkun kwalifikat biex jopera fuq ir-rotta jew proċedura ppjanata. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jiġu kkomplementati minn rekwiżiti komuni dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u li jispeċifikaw il-proċeduri u r-rotot korrispondenti tat-titjira. |
|
(4) |
L-implimentazzjoni ta' PBN f'żoni ta' mmanuvrar f'terminal ta' densità għolja, kif meħtieġ skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2014 (7), hija mistennija li ttejjeb il-preċiżjoni tal-avviċinament tat-trajettorja kif ukoll tiffaċilita s-sekwenzjar tat-traffiku fi stadju aktar bikri, biex b'hekk tkun tista' titnaqqas il-konsum tal-fjuwil u l-impatt ambjentali fil-fażijiet tal-inżul u tal-wasla. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament ikunu konsistenti ma' dawk tar-Regolament (UE) Nru 716/2014. |
|
(5) |
L-użu ta' sistemi ta' awmentazzjoni bbażati fuq is-satelliti (SBASs), b'mod partikolari fil-forma tas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), jenħtieġ li tiġi promossa, billi konsiderazzjonijeit ta' sigurtà u ta' kosteffiċjenza jappoġġaw l-istabbiliment tal-prestazzjoni tal-Lokalizzatur ta' avviċinamenti minima bi gwida vertikali (LPV). Madankollu, jenħtieġ li jiġu ffaċilitati operazzjonijiet oħra b'kapaċitajiet PBN billi jiġu previsti valuri minimi oħra minbarra LPV. |
|
(6) |
Fl-iżvilupp tal-Pjan ta' Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot, il-Maniġer tan-Netwerk imsemmi fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (8) irid, skont dak ir-Regolament, jiddependi fuq proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'mod kooperattiv. Skont dan, b'rabta mal-forniment ta' ATM/ANS b'konformità ma' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Maniġer tan-Netwerk jikkoordina mal-fornituri ta' ATM/ANS, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat li r-rotot ATS użati għall-fini tat-tranżizzjonar lejn jew minn netwerk en route jkunu konsistenti mal-ispeċifikazzjoni tar-rotot tat-tluq standard strumentali (SID) u tar-rotot tal-wasla standard strumentali (STAR) servuti. |
|
(7) |
Jenħtieġ li r-rekwiżiti għall-fornituri ta' ATM/ANS li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' PBN stipulata f'dan ir-Regolament jinkludu, b'mod partikolari, rekwiżiti xierqa għall-implimentazzjoni f'kull tarf tar-runway ta' strument tal-proċeduri tal-avviċinament 3D u, fejn dawn il-fornituri ma jkunux stabbilixxew rotot SID jew rotot STAR, l-implimentazzjoni ta' dawk ir-rotot. Madankollu, dawk ir-rekwiżiti jistgħu f'ċerti sitwazzjonijiet ikollhom konsegwenzi negattivi li jegħlbu l-benefiċċji potenzjali tas-sikurezza, tal-kapaċità u ta' effiċjenza. Għalhekk, il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom f'dawk is-sitwazzjonijiet ikunu intitolati li jiddevjaw minn dawk ir-rekwiżiti u minflok ikunu soġġetti għal ċerti rekwiżiti alternattivi li jkunu adattati aħjar għal dawk is-sitwazzjonijiet speċifiċi, filwaqt li xorta waħda jintlaħqu dawk il-benefiċċji kemm jista' jkun. |
|
(8) |
Barra minn hekk, fl-interess ta' ambjent bla periklu u bla xkiel, il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom jitħallew jipprovdu s-servizzi tagħhom kif ukoll permezz ta' mezzi oħra għajr bl-użu tal-PBN b'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, għal perjodu ta' żmien raġonevoli. Madankollu, jenħtieġ li ma jibqgħux jitħallew jagħmlu dan, ħlief permezz ta' miżuri ta' kontinġenza, mill-1 ta' Ġunju 2030, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi razzjonalizzat il-forniment ta' ATM/ANS u jiġu evitati spejjeż bla bżonn, b'mod partikolari għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, li jirriżultaw mill-eżistenza ta' saffi multipli ta' infrastruttura tan-navigazzjoni. |
|
(9) |
Fl-interess tas-sikurezza, jenħtieġ li tkun żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel u kkoordinata sabiex il-forniment ta' ATM/ANS bl-użu tan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li b'mod effettiv u f'waqtu, il-fornituri ta' ATM/ANS jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal dak il-għan. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu l-istabbiliment ta' pjan ta' tranżizzjoni, li kull fornitur għandu jżomm aġġornat sabiex jitqiesu l-iżviluppi rilevanti kollha relatati mat-tranżizzjoni. Dawk il-pjanijiet ta' tranżizzjoni, u kwalunkwe aġġornament tagħhom li huma sinifikanti għax jimplikaw tibdiliet sostanzjali fil-pjanijiet u għax huma kapaċi materjalment li jaffettwaw l-interessi tal-partijiet interessati, jenħtieġ li jiġu stabbiliti wara proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati, sabiex jiġi żgurat li l-fehmiet tagħhom jiġu kkunsidrati fejn xieraq, u wara l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti, sabiex tkun żgurata l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1). |
|
(10) |
Eċċezzjonalment, jista' jkun hemm sitwazzjonijiet fejn, wara l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti PBN stipulati f'dan ir-Regolament, jirriżulta impossibbli għall-fornituri ta' ATM/ANS, minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, biex jipprovdu s-servizzi tagħhom b'konformità ma' dawk ir-rekwiżiti. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu fuq dawk il-fornituri biex jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha taħt il-kontroll tagħhom sabiex jiġi evitat li jinħolqu sitwazzjonijiet bħal dawn u biex mill-aktar fis possibbli meta madankollu jitqajmu dawn is-sitwazzjonijiet, jerġa' jkun hemm konformità ma' dawk ir-rekwiżiti, għalhekk jenħtieġ li jiġu miltuba jieħdu l-miżuri ta' kontinġenza neċessarji biex jitkompla l-forniment sikur tas-servizzi tagħhom permezz ta' mezzi oħra, b'mod partikolari billi jużaw il-proċeduri ta' navigazzjoni konvenzjonali. |
|
(11) |
Huwa neċessarju li jitħalla żmien biżżejjed għall-partijiet ikkonċernati biex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, ir-rekwiżit rigward l-użu esklużiv ta' PBN għandu japplika minn data xierqa aktar 'il quddiem, sabiex jippermetti żmien biżżejjed għal tranżizzjoni bla xkiel u bla periklu. Barra minn hekk, jenħtieġ li ċerti dispożizzjonijiet tal-Anness japplikaw minn data xierqa aktar 'il quddiem, fid-dawl taż-żmien addizzjonali meħtieġ għall-partijiet ikkonċernati biex jadattaw għar-rekwiżiti inkwistjoni. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-opinjoni maħruġa mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni skont l-Artikolu 17(2)(b) u l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. |
|
(13) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
(1) Dan ir-Regolament jistipula r-rekwiżiti dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u l-proċeduri operattivi dwar navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni
(2) Dan ir-Regolament japplika għall-fornituri ta' servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS), u operaturi ta' ajrudromi (minn issa 'l quddiem “il-fornituri ta' ATM/ANS”) li huma responsabbli milli jistabbilixxu proċeduri ta' avviċinament strumentali jew rotot tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS), meta huma jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ispazju tal-ajru kif ġej:
|
(a) |
'il fuq mit-territorju li għalih japplika t-Trattat; |
|
(b) |
kwalunkwe spazju tal-ajru ieħor fejn l-Istati Membri huma responsabbli mill-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni (PBN)” tfisser navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni kif definit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012; |
|
(2) |
“rotta ATS” tfisser rotta ATS kif definit fl-Artikolu 2(46) tar-Regolament (UE) Nru 923/2012; |
|
(3) |
“proċedura ta' avviċinament strumentali” tfisser proċedura ta' avviċinament strumentali kif definit fl-Artikolu 2(90) tar-Regolament (UE) Nru 923/2012; |
|
(4) |
“proċeduri ta' navigazzjoni konvenzjonali” tfisser rotot ATS u proċeduri ta' avviċinament strumentali bbażati fuq l-użu ta' għajnuniet ta' navigazzjoni bbażati fuq l-art li ma jippermettux il-konformità mar-rekwiżiti PBN stabbiliti f'dan ir-Regolament; |
|
(5) |
“runway ta' strument” tfisser runway ta' strument kif definit fl-Anness I, punt 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 (11); |
|
(6) |
“speċifikazzjoni ta' navigazzjoni” tfisser sett ta' rekwiżiti għal inġenji tal-ajru u għal ekwipaġġ tal-ajru meħtieġa biex jappoġġaw l-operazzjonijiet ta' navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni fi ħdan spazju tal-ajru definit; |
|
(7) |
“speċifikazzjoni tal-prestazzjoni ta' navigazzjoni meħtieġa (RNP) X” tfisser speċifikazzjoni tan-navigazzjoni bbażata fuq navigazzjoni taż-żona li tinkludi r-rekwiżit tas-sistema abbord għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni u t-twissija, fejn “X” tindika l-preċiżjoni tan-navigazzjoni laterali f'mili nawtiċi jew it-tip ta' operazzjoni u l-funzjonalitajiet meħtieġa; |
|
(8) |
“navigazzjoni laterali (LNAV)”, “navigazzjoni laterali/navigazzjoni vertikali (LNAV/VNAV)” u “prestazzjoni ta' lokalizzatur bi gwida vertikali (LPV)” tfisser tikketti li jidentifikaw it-tipi differenti ta' minima operazzjonali fuq il-mapep tal-avviċinament li juru l-proċeduri ta' avviċinament ibbażati fuq Sistemi Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) li huma kklassifikati bħala approċċi RNP (RNP APCH); |
|
(9) |
“raġġ sa punt ta' tmiem fiss (radius to fix, RF)” tfisser trajettorja ċirkolari ta' raġġ kostanti li jdur madwar ċentru definit u li jittermina f'punt fiss; |
|
(10) |
“avviċinament 2D” tfisser proċedura ta' avviċinament strumentali, ikklassifikati bħala proċedura ta' avviċinament mhux ta' preċiżjoni, kif definit fl-Artikolu 2(90) tar-Regolament (UE) Nru 923/2012; |
|
(11) |
“avviċinament 3D” tfisser proċedura ta' avviċinament strumentali, ikklassifikata bħala avviċinament bi gwida vertikali jew avviċinament ta' preċiżjoni, kif definit fl-Artikolu 2(90) tar-Regolament (UE) Nru 923/2012; |
|
(12) |
“sistema ta' awmentazzjoni bbażata fuq is-satelliti (SBAS)” tfisser sistema ta' awmentazzjoni b'kopertura wiesgħa li biha l-utent ta' GNSS jirċievi informazzjoni ta' awmentazzjoni minn transmitter ibbażata fuq is-satellita; |
|
(13) |
“speċifikazzjoni tan-navigazzjoni taż-żona (RNAV) X” tfisser speċifikazzjoni tan-navigazzjoni bbażata fuq navigazzjoni taż-żona li ma tinkludix ir-rekwiżit tas-sistema abbord għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni u t-twissija, fejn “X” tindika l-preċiżjoni tan-navigazzjoni laterali f'mili nawtiċi; |
|
(14) |
“rotta tal-wasla strumentali standard (STAR)” tfisser rotta tal-wasla deżinjata ta' regola ta' titjira strumentali li tgħaqqad punt sinifikanti, normalment fuq rotta ta' servizz tat-traffiku tal-ajru (ATS), b'punt mnejn tista' tinbeda proċedura ppubblikata ta' avviċinament strumentali; |
|
(15) |
“rotta tat-tluq strumentali standard (SID)” tfisser rotta tat-tluq deżinjata ta' regola ta' titjira strumentali li tgħaqqad l-ajrudrom ma' punt sinifikanti speċifikat, normalment fuq rotta ATS deżinjata, mnejn tinbeda il-fażi en route ta' titjira; |
|
(16) |
“funzjonalità ta' navigazzjoni” tfisser il-kapaċità dettaljata tas-sistema ta' navigazzjoni meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-operazzjonijiet proposti fl-ispazju tal-ajru; |
Artikolu 3
Rekwiżiti PBN
Il-fornituri tal-ATM/ANS għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-implimentazzjoni tan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni stipulata fis-Subparti PBN tal-Anness.
Artikolu 4
Miżuri tranżizzjonali
1. Il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw tranzizzjoni bla xkiel u sikura għall-għoti tas-servizzi tagħhom billi jużaw in-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni b'konformità mal-Artikolu 3.
Dawk il-miżuri għandhom jinkludu l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' tranżizzjoni. Il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom iżommu aġġornat il-pjan ta' tranżizzjoni tagħhom.
Il-pjan ta' tranżizzjoni għandu jkun konsistenti mal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM u mal-proġetti komuni msemmija fl-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
2. Il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom jikkonsultaw il-partijiet kollha li ġejjin dwar l-abbozz tal-pjan ta' tranżizzjoni u dwar l-abbozz ta' kwalunkwe aġġornamenti sinifikanti u jqisu l-fehmiet tagħhom fejn xieraq:
|
(a) |
l-operaturi tal-ajrudromi, l-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' dawn l-utenti tal-ispazju tal-ajru affettwati mill-forniment tas-servizzi tagħhom; |
|
(b) |
il-Maniġer tan-Netwerk imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 677/2011; |
|
(c) |
il-fornituri ta' ATM/ANS li jipprovdu s-servizzi tagħhom fil-blokok tal-ispazju tal-ajru kontigwi. |
3. Wara li tkun saret il-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom jissottomettu r-riżultati tal-konsultazzjoni, kif ukoll l-abbozz tal-pjan ta' tranżizzjoni, jew l-abbozz tal-aġġornament sinifikanti tiegħu, għall-approvazzjoni lill-awtorità kompetenti responsabbli għall-ispazju tal-ajru kkonċernat.
Dik l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk l-abbozz tal-pjan ta' tranżizzjoni, jew l-abbozz tal-aġġornament sinifikanti tiegħu, jikkonformax mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, jekk dan iqisx il-fehmiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru fejn xieraq, inklużi dawk li joperaw inġenji tal-ajru tal-Istat. L-Istat Membru tal-awtorità kompetenti jista' jipprovdi li tali verifika għandha titwettaq f'koordinazzjoni ma' awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istat Membru kkonċernat.
Dik l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-fornituri ta' ATM/ANS bl-eżitu ta' dik il-verifika mingħajr dewmien żejjed. Il-fornituri ta' ATM/ANS ma għandhomx jistabbilixxu jew jimplimentaw il-pjan ta' tranżizzjoni, jew l-aġġornament sinifikanti tiegħu, qabel ma jkunu ġew informati minn dik l-awtorità kompetenti li approvat l-abbozz tal-pjan ta' tranżizzjoni jew l-abbozz tal-aġġornament sinifikanti tiegħu.
Artikolu 5
Użu esklużiv ta' PBN
1. Il-fornituri ta' ATM/ANS ma għandhomx jipprovdu s-servizzi tagħhom billi jużaw proċeduri tan-navigazzjoni konvenzjonali, jew billi jużaw in-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-punt AUR.PBN.2005 tal-Anness.
2. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u għall-possibbiltà li l-fornituri ta' ATM/ANS li jipprovdu s-servizzi tagħhom bl-użu ta' sistemi ta' nżul li jippermettu operazzjonijiet CAT II, CAT IIIA, CAT IIIB jew fi ħdan it-tifsira tal-punti 14, 15 u 16, rispettivament, tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 965/2012.
Artikolu 6
Miżuri ta' kontinġenza
Il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawn jibqgħu kapaċi jipprovdu s-servizzi tagħhom permezz ta' mezzi oħra meta, minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, il-GNSS jew metodi oħra użati għan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni ma jkunux għadhom disponibbli, li jagħmilha impossibbli għalihom biex jipprovdu s-servizzi tagħhom b'konformità mal-Artikolu 3. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu, b'mod partikolari, iż-żamma ta' netwerk ta' għajnuniet ta' navigazzjoni konvenzjonali u infrastruttura relatata tas-sorveljanza u tal-komunikazzjoni.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika mit-3 ta' Diċembru 2020.
B'deroga mill-ewwel subparagrafu:
|
(a) |
l-Artikolu 5 għandu japplika mis-6 ta' Ġunju 2030; |
|
(b) |
għall-ajrudromi elenkati fil-punt 1.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 716/2014 u għal kull tarf tar-runway ta' strument servuti minn proċeduri ta' avviċinament ta' preċiżjoni f'ajrudromi oħra, il-punt AUR.PBN.2005(1) tal-Anness għandu japplika mill-25 ta' Jannar 2024; |
|
(c) |
għal kull tarf tar-runway ta' strument, il-punt AUR.PBN.2005(4) tal-Anness għandu japplika mill-25 ta' Jannar 2024 fir-rigward ta' rotta SID waħda jew rotta STAR waħda stabbilita u mis-6 ta' Ġunju 2030 fir-rigward tar-rotot kollha SID jew STAR stabbiliti |
|
(d) |
għar-rotot ATS taħt FL 150, il-punt AUR.PBN.2005(6) tal-Anness għandu japplika mill-25 ta' Jannar 2024. |
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) ICAO Dok 9750.
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 dwar id-definizzjoni ta' proġetti komuni, it-twaqqif ta' governanza u l-identifikazzjoni ta' inċentivi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ĠU L 123, 4.5.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 tad-29 ta' April 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru ta' pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 12).
(7) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2014 tas-27 ta' Ġunju 2014 dwar l-istabbiliment tal-Proġett Pilota Komuni li jsostni l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 19).
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 tas-7 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2010 (ĠU L 185, 15.7.2011, p. 1).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-arja) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20).
(11) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b'rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1).
(12) Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10).
ANNESS
Is-Subparti PBN — Navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni
AUR.PBN.1005 Suġġett
Skont l-Artikolu 3, din is-Subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta' navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni (PBN) li magħhom għandhom jikkonformaw il-fornituri ta' ATM/ANS.
AUR.PBN.2005 Rotot u proċeduri
|
(1) |
Il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom jimplimentaw, f'kull tarf tar-runway ta' strument, proċeduri ta' appoġġ skont ir-rekwiżiti tal-speċifikazzjoni tal-approċċ RNP (RNP APCH), inkluż LNAV, LNAV/VNAV u tal-LPV minima u, fejn ikun meħtieġ minħabba d-densità jew il-kumplessità tat-traffiku, ir-raġġ sa punt ta' tmiem fiss għat-trajettorji (RF). |
|
(2) |
Permezz ta' deroga mill-punt (1), fit-trufijiet tar-runway ta' strument meta, minħabba terren, ostakli jew kondizzjonijiet ta' separazzjoni tat-traffiku tal-ajru, l-implimentazzjoni ta' proċeduri ta' avviċinament 3D tkun eċċessivament diffiċli, il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom jimplimentaw proċeduri ta' avviċinament 2D skont ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni (RNP APCH) tal-approċċ RNP. F'dak il-każ, jistgħu wkoll, flimkien mal-implimentazzjoni ta' dawk il-proċeduri tal-approċċ 2D, jimplimentaw proċeduri tal-approċċ 3D skont ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni (RNP AR APCH) meħtieġa tal-awtorizzazzjoni RNP. |
|
(3) |
B'deroga mill-punt (1) fit-trufijiet tar-runway ta' strument mingħajr kopertura SBAS xierqa, il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom jimplimentaw il-proċeduri RNP APCH, inkluż LNAV u LNAV/VNAV minima. Il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom ukoll jimplimentaw LPV minima f'dawk it-trufijiet tar-runway ta' strument, mhux aktar tard minn 18-il xahar mid-data li fiha t-tali kopertura SBAS xierqa tkun disponibbli. |
|
(4) |
Meta l-fornituri ta' ATM/ANS ikunu stabbilixxew rotot SID jew rotot STAR, huma għandhom jimplimentaw dawn ir-rotot skont ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni RNAV 1. |
|
(5) |
Permezz ta' deroga mill-punt (4), meta l-fornituri ta' ATM/ANS ikunu stabbilixxew rotot SID jew rotot STAR u meta r-rekwiżiti ta' prestazzjoni ogħla minn dawk imsemmija f'dak il-punt huma meħtieġa sabiex tinżamm il-kapaċità tat-traffiku tal-ajru u tas-sikurezza f'ambjenti b'densità għolja ta' traffiku, b'kumplessità tat-traffiku jew b'karatteristiċi tat-terren, huma għandhom jimplimentaw dawn ir-rotot skont ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni RNP 1, inklużi wieħed jew aktar minn dawn il-funzjonalitajiet addizzjonali ta' navigazzjoni:
|
|
(6) |
Meta l-fornituri ta' ATM/ANS ikunu stabbilixxew rotot ATS għal operazzjonijiet en route, huma għandhom jimplimentaw dawn ir-rotot skont ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni RNAV 5. |
|
(7) |
Permezz ta' deroga mill-punti (4) u (6), meta l-fornituri ta' ATM/ANS ikunu stabbilixxew rotot ATS, rotot SID jew rotot li STAR għal operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru li jaħdmu bir-rotors, huma għandhom jimplimentaw dawn ir-rotot skont ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet RNP 0.3, RNAV 1 jew RNP 1. F'dak il-każ, huma għandhom ikunu intitolati li jiddeċiedu ma' liema minn dawn it-tliet settijiet ta' rekwiżiti jikkonformaw. |