6.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/35


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/831

tal-5 ta' Ġunju 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 10/2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a), (d), (e), (h), u (i), l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 12(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 (2) jistabbilixxi lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni li jistgħu jintużaw fil-materjali u fl-oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel.

(2)

Mill-aħħar darba li ġie emendat ir-Regolament (UE) Nru 10/2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat opinjonijiet xjentifiċi oħra dwar sustanzi partikolari li jistgħu jintużaw f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel (“FCM”) kif ukoll dwar l-użu permess ta' sustanzi li diġà tkun inħarġet awtorizzazzjoni għalihom. Sabiex jiġi żgurat li r-Regolament (UE) Nru 10/2011 jirrifletti s-sejbiet l-iktar reċenti tal-Awtorità, jeħtieġ li dak ir-Regolament jiġi emendat.

(3)

L-Awtorità adottat opinjonijiet li jivvalutaw mill-ġdid il-kontaminazzjoni tal-perklorat fl-ikel u l-esponiment għall-perklorat fid-dieta tal-bniedem (3) (4). Is-sustanza aċidu perkloriku, mlieħa (perklorat) (FCM Nru 822) hija inkluża bħala addittiv jew għajnuna għall-produzzjoni tal-polimeri fit-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011. Limitu ta' migrazzjoni speċifiku (LMS) ta' 0,05 mg/kg japplika għal dik is-sustanza abbażi tal-preżunzjoni ta' esponiment djetetiku konvenzjonali mill-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel li persuna li tiżen 60 kg tikkonsma 1 kg ikel kuljum. Fir-rivalutazzjonijiet tal-perklorat fl-ikel, l-Awtorità stabbiliet Doża Tollerabbli ta' Kuljum (DTK) ta' 0,3 μg/kg f'piż tal-ġisem għal kuljum u nnotat li, fuq medda qasira u twila ta' esponiment fis-sorsi kollha tal-ikel għall-perklorat f'gruppi ta' popolazzjoni żagħżugħa, id-DTK inqabżet, filwaqt li, fuq medda qasira u twila ta' żmien, l-esponiment tal-popolazzjoni adulta kienet fil-livell tad-DTK. Biex iqis dan, l-LMS għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-DTK u għandu jiġi allokat mill-FCM fattur ta' allokazzjoni konvenzjonali ta' 10 % tad-DTK. Konsegwentement, l-LMS ta' 0,05 mg/kg għall-perklorat għandu jitbaxxa għal 0,002 mg/kg sabiex jiġi żgurat li l-migrazzjoni ta' perklorat mill-plastik FCM ma tkunx ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem.

(4)

L-Atorità adottat opinjoni xjentifika favorevoli (5) dwar l-użu tas-sustanza aċidu fosforuż, taħlita ta' triesteri ta' 2,4-bis(1,1-dimetilpropil)fenil u ta' 4-(1,1-dimetilpropil)fenil (sustanza FCM Nru 974 u Nru tal-CAS 939402-02-5). Din is-sustanza hija awtorizzata b'limitu ta' migrazzjoni ta' 5 mg/kg ta' ikel. Abbażi ta' evidenza xjentifika ġdida, l-Awtorità kkonkludiet li din is-sustanza mhix ta' tħassib dwar is-sikurezza għall-konsumatur jekk il-limitu tal-migrazzjoni speċifiku tagħha jinżied minn 5 sa 10 mg/kg ta' ikel, sakemm ir-ristrezzjonijiet l-oħrajn jintlaħqu. Għaldaqstant, il-limitu tal-migrazzjoni ta' din is-sustanza jenħtieġ li jinżied minn 5 sa 10 mg/kg, dment li jinżammu r-ristrezzjonijiet l-oħrajn.

(5)

L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (6) favorevoli dwar l-użu tas-sustanza 1,2,3,4-tetraidronaftalen-2,6-aċidu dikarbossiliku, ester tad-dimetil (is-sustanza FCM Nru 1066 u Nru tal-CAS 23985-75-3). L-Awtorità kkonkludiet li s-sustanza mhix ta' tħassib dwar is-sigurtà għall-konsumatur jekk tintuża bħala komonomeru għall-manifattura ta' saff ta' poliesteru intiż biex jintuża bħala saff ta' ġewwa f'materjal tal-plastik b'bosta saffi intiż li jiġi f'kuntatt ma' ikel li għalih is-simulanti tal-ikel A, B, C u/jew D1 huma assenjati fit-Tabella 2 tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 10/2011. Il-migrazzjoni tas-somma tas-sustanza u d-dimeri tagħha (ċikliċi u katina miftuħa) ma għandhiex taqbeż 0,05 mg/kg ta' ikel. Għalhekk, jenħtieġ li dak il-monomeru jiddaħħal fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jenħtieġ jiġu ssodisfati.

(6)

L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (7) favorevoli dwar l-użu tas-sustanza [3-(2,3-epossipropossi)propil]trimetossi silan (is-sustanza FCM Nru 1068, Nru tal-CAS 2530-83-8). L-Awtorità kkonkludiet li minkejja li s-sustanza għandha potenzjal ġenotossiku, din mhix ta' tħassib għas-sikurezza minħabba l-esponiment baxx tagħha, jekk ikun hemm, meta tintuża bħala komponent ta' aġenti tal-kejl li jittrattaw il-fibri tal-ħġieġ inkorporati fi plastiks ta' diffużività baxxa bħal fil-polietileneteraftalat (PET), il-polikarbonat (PC), il-polibutileneteraftalat (PBTP), poliesteri maħduma bis-sħana u ester tal-vinil tal-bisfenol epossidiku maħsuba għal użu uniku u ripetut b'ħażna fit-tul f'temperatura ambjentali, f'kuntatt ripetut għal żmien qasir f'temperatura miżjuda jew għolja u għall-ikel kollu. Minħabba li l-prodotti ta' reazzjoni tas-sustanza li fiha l-funzjoni tal-epossi jaf ukoll ikollhom potenzjal ġenotossiku, ir-residwi tas-sustanza u ta' kull prodott ta' reazzjoni fil-fibri tal-ħġieġ trattati jeħtieġ li ma jkunux traċċabbli f'10 μg/kg u 60 μg/kg tas-sustanza għal kull wieħed mill-prodotti ta' reazzjoni (monomeri idrolizzati u dimeri, trimeri u tetrameri ċikliċi li jkun fihom l-epossi).

(7)

Għalhekk, l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 jenħtieġ jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik li jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 10/2011 kif applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jitqiegħdu fis-suq sas-26 ta' Ġunju 2019 u jistgħu jibqgħu fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2017;15(10):5043.

(4)  EFSA Journal 2014;12(10):3869.

(5)  EFSA Journal 2017;15(5):4841.

(6)  EFSA Journal 2017;15(5):4840.

(7)  EFSA Journal 2017;15(10):5014.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 jiġi emendat kif ġej:

(1)

fil-punt 1, it-Tabella 1 tiġi emendata kif ġej:

(a)

l-entrati li jikkonċernaw is-sustanzi FCM Nru 822 u Nru 974 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“822

71938

 

Aċidu perkloriku, imlieħ

iva

le

le

0,002

 

 

(4)

974

74050

939402-02-5

aċidu fosforuż, triesteri mħalltin ta' 2,4-bis(1,1-dimetilpropil)fenil u 4-(1,1-dimetilpropil)fenil

iva

le

iva

10

 

LMS espress bħala l-ammont totali tal-forom ta' fosfit u fosfat tas-sustanza, 4-tert-amilfenol u 2,4-di-tert-amilfenol. Il-migrazzjoni ta' 2,4-di-tert-amilfenol ma għandhiex taqbeż il-1 mg/kg ikel.”

 

(b)

l-entrati li ġejjin jinżiedu f'ordni numerika għas-sustanzi bin-Nri tal-FCM:

“1066

 

23985-75-3

Aċidu 1,2,3,4-tetraidronaftalen-2,6-dikarbossiliku, ester tad-dimetil

le

iva

le

0,05

 

Biex jintuża biss bħala komonomeru fil-manifattura ta' saff ta' poliesteru li ma jiġix f'kuntatt mal-ikel f'materjal tal-plastik b'għadd ta' saffi, li jintuża f'kuntatt ma' ikel biss li għalih is-simulanti tal-ikel A, B, C u/jew D1 huma assenjati fit-Tabella 2 tal-Anness III. Il-limitu tal-migrazzjoni speċifiku fil-kolonna 8 jirreferi għas-somma tas-sustanza u d-dimeri tagħha (ċikliċi u b'katina miftuħa).

 

1068

 

2530-83-8

[3- (2,3-epossipropossi)propil]trimetossi silan

iva

le

le

 

 

Biex jintuża biss bħala komponent ta' aġent għal-kejl għat-trattament ta' fibri tal-ħġieġ li jiġu inkorporati fi plastik ta' diffusività baxxa msaħħa bil-fibra tal-ħġieġ (polietilentereftalat (PET), polikarbonat (PC), polibutilentereftalat (PBT), poliesteri maħduma bis-sħana u vinilester tal-epossi bisfenol) f'kuntatt mal-oġġetti tal-ikel kollha.

F'fibri tal-ħġieġ trattati, ir-residwi tas-sustanza ma jridux ikunu osservabbli f'0,01 mg/kg fil-każ tas-sustanza u f'0,06 mg/kg fil-każ ta' kull prodotti ta' reazzjoni (monomeri idrolizzati u dimeri, trimeri u tetramer ċikliċi li fihom l-epossi).”