6.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/828

tal-15 ta' Frar 2018

li jemenda r- Regolament (UE) 2015/68 fir-rigward ta' rekwiżiti marbuta mas-sistemi tal-ibbrejkar antilokk, mal-apparati ta' ħżin tal-enerġija bi pressjoni għolja u mal-konnessjonijiet idrawliċi tat-tip ta' linja waħda

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 17(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-premessa (6) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/68 (2) jantiċipa li l-Kummissjoni tivvaluta r-rekwiżiti għall-immuntar tas-sistemi tal-ibbrejkjar antilokk (ABS) fuq it-tratturi b'veloċità massima tad-disinn ta' bejn 40 u 60 km/h mill-1 ta' Jannar 2020. Wara valutazzjoni ta' dak ir-rekwiżit, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tneħħija tar-rekwiżit tal-ABS mir-Regolament Delegat għal dawk il-vetturi tevita kostijiet finanzjarji sproporzjonati għall-industrija u għall-utenti, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal dewmien fl-użu effettiv tat-teknoloġija l-aktar reċenti tal-ibbrejkjar fis-suq. Għalhekk, ir-rekwiżit li jitwaħħlu dawk il-vetturi jiġu mgħammra bl-ABS jenħtieġ li jitħassar.

(2)

Il-kondizzjonijiet ta' tħaddim tal-apparati ta' ħżin tal-enerġija bi pressjoni għolja jenħtieġ li jippermetti firxa ta' pressjoni skont l-aħħar żviluppi u jipprevedi t-test korrispondenti. Il-valuri ta' limitu tal-pressjoni għandhom jenħtieġ li jiġu adattati skont dan.

(3)

Sabiex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel għall-projbizzjoni ta' konnessjonijiet idrawliċi tat-tip ta' linja waħda, l-Istati Membri u l-industrija, meta japplikaw ir-rekwiżiti tal-ibbrejkjar tar-Regolament Delegat (UE) 2015/68 għal tratturi ġodda konnessi ma' karrijiet diġà fis-servizz, filwaqt li titqies ir-rata tat-tiġdid tal-flotta ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija rmunkati, l-applikazzjoni ta' rekwiżiti tranżizzjonali dwar konnessjonijiet idrawliċi tat-tip ta' linja waħda tal-apparati tal-ibbrejkjar u tal-agganċamenti tal-ibbrejkjar tal-karrijiet jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2024.

(4)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2015/68 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Filwaqt li jitqies li dan ir-Regolament fih għadd ta' emendi importanti tar-Regolament (UE) 2015/68, meħtieġa għal applikazzjoni bla xkiel tiegħu, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b'urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/68

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/68 qed jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 16 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 16

Rekwiżiti applikabbli għall-konnessjonijiet idrawliċi tat-tip ta' linja waħda u għat-tratturi mgħammra bihom

1.   Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni applikabbli għall-konnessjonijiet idrawliċi tat-tip ta' linja waħda tal-apparati tal-ibbrejkjar u tal-agganċamenti tal-ibbrejkjar tal-karrijiet u għal tratturi mgħammra b'konnessjonijiet idrawliċi tat-tip ta' linja waħda huma stabbiliti fl-Anness XIII. Dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2024.

2.   Il-manifatturi ma għandhomx jinstallaw konnessjonijiet idrawliċi tat-tip ta' linja waħda ma' tratturi ġodda wara l-31 ta' Diċembru 2024.”.

(2)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni paragrafu jitħassar;

(b)

ir-raba' paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“B'effett mill-1 ta' Jannar 2025, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' tratturi ġodda mgħammra b'konnessjonijiet idrawliċi tat-tip ta' linja waħda.”.

(3)

L-Annessi I, IV u XIII tar-Regolament (UE) 2015/68 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/68 tal-15 ta' Ottubru 2014 li jissupplementa r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ibbrejkjar tal-vettura għall-approvazzjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 17, 23.1.2015, p. 1).


ANNESS

L-Annessi I, IV u XIII tar-Regolament Delegat (UE) 2015/68 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 2.2.1.21.2 jitħassar;

(b)

il-punt 2.2.1.23 jinbidel b'dan li ġej:

“2.2.1.23

It-tratturi għajr dawk imsemmija fil-punt 2.2.1.21.1 li huma mgħammra b'sistemi tal-ibbrejkjar antilokk għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness XI.”;

(c)

fil-punt 2.2.2.15.1.1, il-kliem “Din il-pressjoni ma għandhiex tkun aktar minn 11 500 kPa” jitħassru;

(d)

jiddaħħlu l-punti 2.2.2.15.1.1.1 u 2.2.2.15.1.1.2 li ġejjin:

“2.2.2.15.1.1.1.

Din il-pressjoni baxxa fl-apparati ta' ħżin tal-enerġija idrawlika m'għandhiex taqbeż 11 500 kPa għal sistemi li jużaw apparati ta' ħżin tal-enerġija bi pressjoni massima tat-tħaddim ta' 15 000 kPa.

2.2.2.15.1.1.2.

Din il-pressjoni baxxa fl-apparati ta' ħżin tal-enerġija idrawlika tista taqbeż 11 500 kPa għal sistemi li jużaw apparati ta' ħżin li jkunu kkargati sa pressjoni massima tat-tħaddim ta' 15 000 kPa biex jikkonformaw mal-prestazzjoni tal-ibbrejkjar preskritta.”.

(2)

Fl-Anness IV, parti C (Sistemi tal-ibbrejkjar idrawliċi b'enerġija maħżuna), jiżdied il-punt 1.3.2.1.1 li ġej:

“1.3.2.1.1.

fil-każ ta' sistemi li jużaw apparat tal-ħżin tal-enerġija li kkargat mitluba għal pressjoni operattiva massima ta' aktar minn 15 000 kPa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-ibbrejkjar preskritta, il-pressjoni fl-apparat tal-ħżin tal-enerġija fil-bidu tat-test għandha tkun il-pressjoni massima prevista mill-manifattur.”.

(3)

L-Anness XIII huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1.1 jinbidel b'li ġej:

“1.1.

Konnessjoni idrawlika tat-tip ta' linja waħda tista' tiġi installata fuq tratturi li jkunu mgħammra bi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe konnessjoni imsemmija fil-punt 2.1.4 tal-Anness I;

(b)

kwalunkwe konnessjoni tat-tipi msemmija fil-punti 2.1.5.1.1, 2.1.5.1.2 u 2.1.5.1.3 tal-Anness I. F'dan il-każ, sabiex jiġi evitat li jkun hemm duplikazzjoni ta' konnettur, il-konnettur maskili ta' konnessjoni idrawlika tat-tip ta' linja waħda jista' jkun il- konnettur maskili deskritti fil-punt 2.1.5.1.1 tal-Anness I, bil-kundizzjoni li l-pressjonijiet li jiġu ġġenerati fuq dak il-konnettur jikkonformaw mal-punti 1.1.1, 1.1.2 u 1.1.3”.

(b)

Jiddaħħlu l-punti 1.1.1., 1.1.2 u 1.1.3. li ġejjin:

“1.1.1.

Fil-każ li l-linja ta' kontroll u l-linja supplimentari ta' vettura rmunkata jkunu konnessi, il-pressjoni pm iġġenerata għandha tkun skont id-Dijagramma 2 tal-Appendiċi 1 tal-Anness II.

1.1.2.

Fil-każ li tkun konnessa vettura rmunkata b'konnessjoni idrawlika tat-tip ta' linja waħda, il-pressjoni pm iġġenerata għandha tkun skont il-punt 2 jew 3 ta' dan l-Anness.

1.1.3.

Id-ditezzjoni tal-linji konnessi msemmija fil-punti 1.1.1. u 1.1.2 għandha ssir b'mezzi awtomatiċi.”.