29.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/775

tat-28 ta' Mejju 2018

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fir-rigward tar-regoli biex jiġi indikat il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ingredjent primarju ta' ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(8) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistabbilixxi regoli u rekwiżiti ġenerali rigward l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel li japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 26(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jirrikjedi l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew il-post ta' provenjenza fejn in-nuqqas ta' din l-indikazzjoni jista' jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta' provenjenza tal-ikel, b'mod partikolari jekk l-informazzjoni li jkun hemm mal-ikel jew it-tikketta b'mod globali tista' b'xi mod ieħor timplika li l-ikel għandu pajjiż differenti tal-oriġini jew post differenti ta' provenjenza. Dan l-Artikolu għandu l-għan li jipprevjeni informazzjoni li tiżgwida dwar l-ikel li timplika ċerta oriġini ta' prodott tal-ikel, meta fil-fatt l-oriġini vera tiegħu tkun differenti.

(3)

L-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistipula li fejn jingħata l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel u fejn dan ma jkunx l-istess bħal dak tal-ingredjent primarju tiegħu, il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ingredjent primarju kkonċernat għandu jingħata wkoll jew jiġi indikat bħala differenti minn dak tal-ikel. Jiddikjara wkoll li l-applikazzjoni ta' dawn ir-rekwiżiti għandha tkun soġġetta għall-adozzjoni ta' att ta' implimentazzjoni.

(4)

L-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jindirizza każijiet fejn il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza jingħata jew b'mod obbligatorju, f'konformità mal-Artikolu 26(2)(a) tar-Regolament, jew inkella b'mod volontarju permezz ta' kwalunkwe indikazzjoni bħal dikjarazzjonijiet, termini, preżentazzjoni bl-istampi jew simboli.

(5)

Indikazzjonijiet volontarji bħal dikjarazzjonijiet ġeografiċi inklużi fihom, jew li jakkumpanjaw l-isem tal-ikel, jistgħu jkunu wkoll parti mid-denominazzjonijiet tal-prodott protetti bħala indikazzjonijiet ġeografiċi skont il-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE.

(6)

L-indikazzjonijiet tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ikel li huma parti mid-denominazzjonijiet tal-prodott protetti bħala indikazzjonijiet ġeografiċi skont ir-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 (2), (UE) Nru 1308/2013 (3), (KE) Nru 110/2008 (4) jew (UE) Nru 251/2014 (5) jew protetti skont il-ftehimiet internazzjonali li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Fid-dawl tal-fatt li għal dawn id-denominazzjonijiet tal-prodott hemm rabta intrinsinka bejn il-karatteristiki tal-prodott u l-oriġini ġeografika, li huma regolati b'regoli speċifiċi, inklużi r-regoli dwar it-tikkettar u, filwaqt li jitqies il-karattru speċifiku ta' dawn l-ismijiet bħala drittijiet ta' proprjetà intellettwali, hemm bżonn li jiġi eżaminat aktar kif l-oriġini tal-ingredjent primarju prevista fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jenħtieġ li tiġi indikata għal dawn l-ismijiet imsemmija.

(7)

L-indikazzjonijiet tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ikel li huma parti minn trademarks reġistrati jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. It-trademarks jistgħu jkunu magħmulin minn kwalunkwe sinjali, b'mod partikolari kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, figuri, kuluri, il-forma tal-oġġetti jew tal-pakkett tal-oġġetti, jew minn ħsejjes, sakemm dawn is-sinjali jagħtu karattru distinttiv lill-oġġetti jew lis-servizzi ta' impriża partikolari. L-għan tat-trademarks huwa li jippermetti lill-konsumatur jidentifika s-sors kummerċjali partikolari jew l-oriġini kummerċjali b'rabta ma' oġġett speċifiku u/jew servizzi speċifiċi. Filwaqt li jitqies il-karattru speċifiku u l-għan tat-trademarks, huwa xieraq li jiġi eżaminat aktar kif l-oriġini tal-ingredjent primarju previst fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jenħtieġ li tiġi indikata meta meħtieġ għat-trademarks.

(8)

Jenħtieġ li ismijiet abitwali u ġeneriċi, inklużi termini ġeografiċi li litteralment jindikaw l-oriġini, iżda li l-fehim komuni tagħhom ma jkunx indikazzjoni tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel, ma jiġux koperti b'dan ir-Regolament.

(9)

Jenħtieġ li, għall-fini ta' dan ir-Regolament, il-marki ta' identifikazzjoni li jakkumpanjaw l-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali ma jitqisux bħala indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza.

(10)

Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati aħjar, hemm bżonn li, permezz ta' dan ir-Regolament, jiġu stabbiliti regoli speċifiċi li jenħtieġ li jiġu applikati fejn jingħata l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ingredjent primarju. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li tali informazzjoni hija preċiża biżżejjed u li jkollha tifsira.

(11)

Għalhekk hu xieraq li din l-indikazzjoni għall-ingredjent primarju tingħata b'referenza għal żona ġeografika li trid tkun faċli għall-konsumatur biex jifhimha. Jenħtieġ li jiġi pprojbit l-użu ta' ismijiet ivvintati għal reġjuni jew żoni ġeografiċi oħra li ma jagħtux informazzjoni utli jew jistgħu jiżgwidaw lill-konsumatur dwar il-post veru ta' provenjenza tal-ingredjent primarju.

(12)

Fejn ingredjent primarju huwa ikel li jkun soġġett għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza, b'mod alternattiv, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-Artikolu 26(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(13)

Meta l-operaturi tan-negozju tal-ikel jagħżlu li jindikaw biss il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ingredjent primarju bħala differenti minn dak tal-ikel, pereżempju minħabba sorsi ta' provvista multipli jew varjabbli u proċessi ta' produzzjoni partikolari, huwa xieraq li jingħata qafas li jieħu inkunsiderazzjoni tad-diversi ċirkustanzi tal-ipproċessar tal-ikel. L-indikazzjoni rilevanti jenħtieġ li tiżgura informazzjoni li l-konsumatur ikun jista' jifhimha.

(14)

Jenħtieġ li l-informazzjoni mogħtija fir-rigward tal-ingredjent primarju skont dan ir-Regolament tikkumplimenta l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi dwar il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel, u jenħtieġ li tkun faċilment viżibbli u tinqara b'mod ċar u, fejn xieraq, ma titħassarx.

(15)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit perjodu tranżitorju xieraq għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, li jirrikjedi li kwalunkwe miżuri ġodda ta' informazzjoni dwar l-ikel jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta' April fi kwlunkwe sena kalendarja.

(16)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 fejn il-pajjiż tal-orġini jew il-post ta' provenjenza ta' oġġett ta' ikel jingħata bi kwalunkwe mezz bħala dikjarazzjonijiet, preżentazzjoni ta' stampi, simboli jew termini, li jirreferu għal postijiet jew żoni ġeografiċi, ħlief għal termini ġeografiċi inklużi f'ismijiet abitwali u ġeneriċi fejn dawk it-termini ġeografiċi litteralment jindikaw l-oriġini, iżda li l-fehim komuni tagħhom ma jkunx indikazzjoni tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 jew ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 jew protetti skont ftehimiet internazzjonali u lanqas ma għandu japplika għal trademarks fejn dawn tal-aħħar jikkostitwixxu indikazzjoni tal-oriġini, sakemm issir l-adozzjoni tar-regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) għal indikazzjonijiet bħal dawn.

Artikolu 2

Indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ingredjent primarju

Għandu jingħata l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza ta' ingredjent primarju meta mhuwiex l-istess bħal dak tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ikel partikolari:

(a)

b'referenza għal waħda miż-żoni ġeografiċi li ġejjin:

(i)

“UE”, “mhux tal-UE” jew “UE jew mhux tal-UE”; jew

(ii)

Reġjun, jew kwalunkwe żona ġeografika oħra f'diversi Stati Membri jew f'pajjiżi terzi, jekk jiġu ddefiniti bħala tali skont id-dritt internazzjonali pubbliku jew li hija mifhuma sew mill-konsumatur medju normalment infurmat; jew

(iii)

Żona tal-FAO, baħar jew korp tal-ilma ħelu, jekk jiġu ddefiniti bħala tali taħt id-dritt internazzjonali jew li hu mifhum sew mill-konsumatur medju normalment infurmat; jew

(iv)

Stati Membru/i jew pajjiż(i) terz(i); jew

(v)

Reġjun, jew kwalunkwe żona ġeografika oħra fi Stat Membru jew f'pajjiż terz, li hija mifhuma sew mill-konsumatur medju normalment infurmat; jew

(vi)

Il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza skont dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal kull ingredjent(i) primarju/i bħala tali.

(b)

jew permezz ta' dikjarazzjoni kif ġej:

“(isem l-ingredjent primarju) joriġina/ma joriġinax minn (il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel)” jew kwalunkwe kliem simili li jista' jkollu l-istess tifsira għall-konsumatur.

Artikolu 3

Preżentazzjoni tal-informazzjoni

1.   L-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 2 għandha tingħata b'tipa ta' daqs li mhuwiex iżgħar mid-daqs minimu tat-tipa kif meħtieġ skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel jingħata fi kliem, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 2 għandha tidher fl-istess parti viżiva bħall-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel u b'tipa li għandha għoli ta' x minn tal-anqas 75 % tal-għoli ta' x tal-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ikel.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel ma jiġix indikat bil-kliem, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 2 għandha tidher fl-istess parti viżiva bħall-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ikel.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ, d-data tal-applikazzjoni u miżuri tranżitorji

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' April 2020.

Ikel li jitqiegħed fis-suq jew li jiġi ttikkettat qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jista' jiġi kkummerċjalizzat fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal- Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).