18.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/85


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/732

tas-17 ta' Mejju 2018

dwar metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet ta' unitajiet ta' karburanti alternattivi bi qbil mad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) tagħha,

Billi:

(1)

Biex tiġi ddeterminata l-aħjar metodoloġija skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/94/UE, u wara li saret sejħa għall-offerti, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija tal-Enerġija Ġermaniża (dena) biex twettaq studju li jidentifika l-għażliet possibbli biex tinsab metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet ta' unitajiet ta' karburanti alternattivi (2).

(2)

Fl-istudju ġew analizzati erba' għażliet prinċipali. Il-Kummissjoni qiset dawk l-għażliet kollha. Kien jidher, abbażi ta' dejta li tista' titkejjel, li l-iktar għażla komprensiva hija dik li biha l-prezzijiet tal-karburanti jingħataw bħala ammonti tal-valuta li tkun tapplika, għal kull 100 km, meta jitqies il-prezz ta' kull unità tal-karburant kif imsemmi fid-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-konsum tal-vetturi skont kif ikun indikat fiċ-ċertifikat tal-konformità. Dik l-għażla tqis mhux biss il-kontenut ta' enerġija li jkun fih il-karburant, iżda wkoll fatturi oħra li huma rilevanti għall-prezz tal-karburant imqabbel mad-distanza li tinsaq il-vettura, b'mod partikolari l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tat-teknoloġiji rispettivi li jkunu marbutin mal-użu tal-karburanti diversi fil-vetturi.

(3)

Skont stħarriġ dwar it-tqabbil tal-prezzijiet tal-karburanti (4), li twettaq mill-Fédération Internationale de l'Automobile wara li saret sejħa għall-offerti, l-iktar metodoloġija li qablu magħha l-konsumaturi kienet waħda li tagħti l-prezzijiet bħala ammonti tal-valuta li tkun tapplika għal kull 100 km.

(4)

Il-metodoloġija li tintgħażel għandha tippermetti lill-utenti jagħmlu tqabbil faċli tal-aktar fatturi rilevanti, anki biex jiddeċiedu fuq il-vetturi li jkunu se jixtru. Għaldaqstant, il-metodoloġija jidher li hija l-aktar addattata biex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u biex iżżid it-trasparenza tal-prezzijiet tal-karburanti. Hija l-iżjed waħda addattata wkoll għall-għanijiet ġenerali tad-Direttiva 2014/94/UE, li wkoll tqiset fl-Istrateġija Ewropea għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi (5), li ġiet adottata fil-kuntest tal-Unjoni tal-Enerġija, jiġifieri biex tikkontribwixxi lejn diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija fit-trasport u lejn it-tnaqqis ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u emissjonijiet oħrajn li jniġġsu f'dan il-qasam.

(5)

Jenħtieġ li jintuża l-valur tal-konsum tal-karburant li jingħata fiċ-ċertifikati tal-konformità tal-vetturi biex jiġu kkalkulati l-prezzijiet tal-karburanti. Dan il-valur huwa bbażat fuq il-proċedura ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief (WLTP) (6) li nbdiet minn Settembru tal-2017 għat-tipi ġodda ta' vetturi u li se tinbeda minn Settembru tal-2018 għall-vetturi l-ġodda kollha. Din il-proċedura ta' ttestjar tissostitwixxi iċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (New European Drive Cycle -NEDC). Il-proċedura ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief tipprevedi kundizzjonijiet ta' ttestjar aktar stretti u konsum ta' karburanti aktar realistiku li jibbenefikaw lill-konsumaturi. Ir-referenza għal dawn il-valuri hija konsistenti mal-informazzjoni għall-konsumaturi prevista skont id-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) relatata mad-disponibilità ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) rigward il-marketing ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda, u minħabba r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/948 (8) wkoll.

(6)

Billi ma jingħatawx valuri tal-konsum tal-karburanti fejn għandu x'jaqsam mat-taħlitiet ta' bijokarburanti mal-petrol jew mad-diżil fiċ-ċertifikat ta' konformità tal-vetturi (9), l-Istati Membri jistgħu jużaw id-dejta li jkollhom huma biex jiddeterminaw dawn il-valuri.

(7)

Biex il-metodoloġija tkun tista' titħaddem dejjem, il-prezz tal-karburant li jrid jitqies jeħtieġ li jkun il-prezz medju tal-karburant rilevanti għal kull unità konvenzjonali għall-massimu tul l-aħħar tliet xhur tal-kalendarju qabel ma jsir il-kalkolu.

(8)

Minħabba d-diffikultajiet li jeżistu biex jintwerew it-tqabbiliet fil-pompi tal-karburanti, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-użu ta' din il-metodoloġija jippreżumi l-istabbiliment ta' kampjuni ta' karrozzi tal-passiġġieri li jkunu jistgħu jitqabblu, mill-inqas mil-lat tal-piż u tal-qawwa tal-magna tagħhom, iżda li jużaw karburanti differenti.

(9)

Biex ikun aktar faċli t-tqabbil ibbażat fuq il-metodoloġija stabbilita f'dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jużaw l-opportunitajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni, bħalma huma l-għodod online. Dawn l-għodod jeħtieġ li jkunu jistgħu joffru l-opportunità li wieħed jikseb l-informazzjoni individwali dwar il-mudelli kollha tal-vetturi li jkun hemm fis-suq jew dwar il-biċċa l-kbira minnhom. Din l-għodda tkun toffri wkoll il-possibbiltà li tinżied informazzjoni oħra.

(10)

Il-Programm ta' Ħidma Pluriennali tal-Kummissjoni għall-assistenza finanzjarja fil-qasam tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - fis-settur tat-Trasport għall-perjodu 2014-2020 (10) jipprevedi azzjoni li l-għan tagħha huwa li tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva 2014/94/UE. Skont il-Programm ta' Ħidma, b'mod notevoli l-għan huwa l-appoġġ għall-implimentazzjoni konsistenti tal-Artikolu 7(3) ta' dik id-Direttiva fl-Istati Membri kollha u l-appoġġ għall-Istati Membri biex jippubblikaw l-informazzjoni għall-konsumaturi permezz tal-għodod diġitali.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/94/UE.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet ta' unitajiet ta' karburanti alternattivi fit-tifsira tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/94/UE, abbażi ta' prezzijiet li jingħataw bħala ammonti tal-valuta li tkun tapplika għal kull 100 km, hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn 24 xahar wara li jidħol fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.

(2)  https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/2017-01-fuel-price-comparison.pdf

(3)  Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27).

(4)  https://publications.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/4e8d1774-fa70-11e7-b8f5-01aa75ed71a1

(5)  COM(2016) 501 final.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 relatata mad-disponibilità ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet tas-CO2 rigward il-marketing ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda (ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/948 tal-31 ta' Mejju 2017 dwar l-użu tal-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 approvati għat-tip u mkejla skont il-Proċedura tat-Test Dinji Armonizzat għall-Vetturi Ħfief meta din l-informazzjoni tingħata lill-konsumaturi b'konformità mad-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 100).

(9)  Id-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 88).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)1921 tas-26 ta' Marzu 2014 kif emendata.


ANNESS

1.

Il-metodoloġija komuni stabbilita f'dan l-Anness tikkonċerna l-karburanti alternattivi kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/94/UE.

2.

Biex jintwerew il-prezzijiet fl-istazzjonijiet tal-karburnti, kif imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/94/UE, il-metodoloġija tipprevedi l-kalkolu bażiku li jippermetti tqabbil indikattiv tal-prezzijiet ibbażat fuq kampjuni ta' mudelli tal-karrozzi tal-passiġġieri stabbiliti mill-Istati Membri u li jistgħu jitqabblu mill-inqas mil-lat tal-piż u tal-qawwa tal-magna tagħhom, iżda li jużaw karburanti differenti.

3.

Il-metodoloġija tiddefinixxi kif, biex isir dan it-tqabbil, il-prezzijiet tal-petrol u tad-diżil u ta' karburanti alternattivi jingħataw fil-forma ta' ammonti tal-valuta li tapplika, għal kull 100 km. Il-kalkolu huwa bbażat fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-konsum tal-karburant għal kull 100 km mill-vettura rispettiva, indikat fiċ-ċertifikat tal-konformità tal-vetturi msemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(b)

fejn japplikaw, il-valuri tal-konsum tal-karburanti għal kull 100 km ddeterminati mill-Istati Membri għat-taħlitiet tal-bijokarburanti mal-petrol jew mad-diżil (2);

(c)

il-prezzijiet fis-suq għal kull unità tal-karburanti rispettivi, mogħtija fil-valuta li tkun tapplika, għall-unitajiet imsemmijin fl-Istat Membru kkonċernat, bi qbil mad-Direttiva 98/6/KE (minn hawn 'il quddiem: unitajiet konvenzjonali).

4.

Il-prezz mogħti bħala ammont tal-valuta li tkun tapplika għal kull 100 km jiġi kkalkulat kif ġej:

Il-prezz tal-karburant għal kull unità konvenzjonali mmultiplikat bil-konsum tal-karburant għal kull 100 km.

5.

Il-prezz tal-karburanti f'unitajiet konvenzjonali li jitqies huwa l-prezz medju għall-massimu tul l-aħħar tliet xhur tal-kalendarju qabel ma jsir il-kalkolu.


(1)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 88).