17.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/723

tas-16 ta' Mejju 2018

li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, fir-rigward tal-approvazzjoni tal-isturdament bi pressjoni atmosferika baxxa

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) u l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009 jistibbilixxi l-lista ta' metodi ta' sturdament approvati, l-ispeċifikazzjonijiet relatati u r-rekwiżiti speċifiċi għal ċerti metodi.

(2)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009 jistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tat-tqassim, il-kostruzzjoni u t-tagħmir tal-biċċeriji.

(3)

Wara talba minn operatur tan-negozju privat, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-EFSA”) biex tagħti opinjoni dwar is-sistema tal-pressjoni atmosferika baxxa (“il-metodu”) għall-isturdament tat-tiġieġ tas-simna (tiġieġ miżmum għall-produzzjoni tal-laħam).

(4)

Fl-opinjoni (2) tagħha tal-25 ta' Ottubru 2017, l-EFSA stabbiliet li:

fit-termini tal-eżiti tal-benessri tal-annimali, il-metodu jista' jitqies li hu tal-inqas ekwivalenti għal mill-inqas wieħed mill-metodi tal-isturdament disponibbli attwalment;

il-metodu huwa validu biss taħt ċerti kondizzjonijiet u b'mod partikolari: l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (ir-rata tad-dekompressjoni, it-tul ta' kull fażi u l-ħin totali tal-esponiment), il-karatteristiċi tal-annimali (it-tiġieġ tas-simna) u ċerti kundizzjonijiet ambjentali (bħat-temperatura u l-umdità);

il-valutazzjoni hija limitata biss għat-tiġieġ tas-simna għat-tbiċċir li ma jiżnux aktar minn erba' kilos u ma tistax tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' tjur;

(5)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jagħmlu verifiki regolari tal-konformità ma' dak il-metodu, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għal dak il-metodu.

(6)

Flimkien mat-tbiċċir kummerċjali, il-metodu jitqies li huwa xieraq għall-qatla tat-tiġieġ f'każ ta' depopolazzjoni.

(7)

Il-metodu huwa xieraq ukoll għal każijiet oħra fejn il-qatla ta' għadd kbir ta' tiġieġ hija meħtieġa għal raġunijiet oħra għajr is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali jew raġunijiet ambjentali.

(8)

Għaldaqstant, minħabba li huwa meqjus li fit-termini tal-eżiti tal-benessri tal-annimali l-metodu huwa l-ekwivalenti ta' mill-inqas wieħed mill-metodi eżistenti approvati, jeħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009 jiġi emendat.

(9)

Sabiex jiġu permessi l-operazzjoni effettiva u l-monitoraġġ tal-metodu, jenħtieġ li jiġu rispettati ċerti rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tat-tqassim, il-bini u t-tagħmir. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi emendat ukoll l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009 jiġu emendati skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

It-Tabella 3 tal-Kapitolu I hi emendata kif ġej:

(i)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

It-Tabella 3 — Metodi ta' kontroll tal-atmosfera”;

(ii)

tiżdied ir-ringiela 7 li ġejja:

Nru

Isem

Deskrizzjoni

Kondizzjonijiet għall-użu

Parametri prinċipali

Rekwiżiti speċifiċi tal-Kapitolu II ta' dan l-Anness

“7

Sturdament bi pressjoni atmosferika baxxa

Esponiment ta' annimali li għadhom konxji għad-dekompressjoni gradwali bit-tnaqqis fl-ossiġenu disponibbli ta' inqas minn 5 %.

Tiġieġ tas-simna sa 4 kg ta' piż ħaj.

Tbiċċir, depopolazzjoni u sitwazzjonijiet oħra.

Rata ta' dekompressjoni.

Tul tal-esponiment.

Temperatura ambjentali u umdità.

Punti 10.1 sa 10.5”

(b)

fil-Kapitolu II, jiżdied il-punt 10 li ġej:

“10.   Sturdament bi pressjoni atmosferika baxxa

10.1.   Waqt l-ewwel fażi, ir-rata ta' dekompressjoni ma għandhiex tkun iktar mill-ekwivalenti ta' tnaqqis fil-pressjoni minn pressjoni atmosferika baxxa standard fuq il-livell tal-baħar ta' 760 għal 250 Torr għal perjodu ta' mhux inqas minn 50 sekonda.

10.2.   Waqt it-tieni fażi, għandha tinkiseb il-pressjoni atmosferika baxxa standard fuq il-livell tal-baħar minima ta' 160 Torr fil-210 sekonda ta' wara.

10.3.   Il-kurva tal-ħin tal-pressjoni għandha tiġi rranġata biex tiżgura li t-tjur kollha jiġu storduti b'mod irriversibbli fit-tul taċ-ċiklu.

10.4.   Il-kompartiment għandu jkun ittestjat għal xi tnixxija u l-gejġis tal-pressjoni jridu jkunu kalibrati qabel kull sessjoni ta' operazzjoni u mill-inqas darba kuljum.

10.5.   Għandhom jinżammu rekords tal-pressjoni assoluta tal-vakwu, il-ħin tal-esponiment, it-temperatura u l-esponiment għal mill-inqas sena.”;

(2)

fl-Anness II, jiżdied il-punt 7 li ġej:

“7.   Sturdament bi pressjoni atmosferika baxxa

7.1.   It-tagħmir tal-isturdament bi pressjoni atmosferika baxxa għandu jkun imfassal u mibni biex jiżgura l-vakwu tal-kompartiment li jippermetti d-dekompressjoni gradwali bil-mod bit-tnaqqis tal-ossiġenu disponibbli u ż-żamma bi pressjoni minima.

7.2.   Is-sistema għandha tkun mgħammra biex tkejjel b'mod kontinwu, turi u żżomm rekord tal-pressjoni tal-vakwu assoluta, tal-ħin tal-esponiment, tat-temperatura u tal-umidità, u biex tagħti twissija viżibbli u li tinstema' b'mod ċar jekk il-pressjoni tiddevja mil-livelli rekwiżiti. It-tagħmir għandu jkun viżibbli b'mod ċar mill-persunal.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2017;15(12):5056.