15.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/35


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/711

tal-14 ta' Mejju 2018

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta' Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness V tar-Regolament (UE) 2016/44 jelenka l-bastimenti magħżulin mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f'konformità mal-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2146 (2014). Dawn il-bastimenti huma soġġetti għal għadd ta' projbizzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2016/44, inkluż il-projbizzjoni li jgħabbu, jittrasportaw jew iħottu żejt mhux maħdum mil-Libja u li jkollhom aċċess għall-portijiet fit-territorju tal-Unjoni.

(2)

Fit-18 ta' April 2018 u fid-29 ta' April 2018, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbiliet skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1970 (2011), aġġorna l-lista ta' bastimenti soġġetti għal miżuri restrittivi. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Anness V tar-Regolament (UE) 2016/44 jiġi emendat skont dan.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness V tar-Regolament (UE) 2016/44 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz għall-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)  ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34.

(2)  ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1.


ANNESS

Fl-Anness V għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44, l-entrati li ġejjin huma mħassra:

“(a)

1.

Isem: NADINE. Elenkat skont il-paragrafi 10(a) u 10(b) tar-riżoluzzjoni 2146 (2014), kif estiż u mmodifikat mill-paragrafu 2 tar-riżoluzzjoni 2362 (2017) (projbizzjoni fuq it-tagħbija, it-trasport jew il-ħatt; projbizzjoni li jidħol fil-portijiet). Skont il-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni 2146, din id-deżinjazzjoni ġiet imġedda mill-Kumitat fit-18 ta' Jannar 2018 u hija valida sas-17 ta' April 2018, sakemm ma tintemmx qabel mill-Kumitat skont il-paragrafu 12 tar-riżoluzzjoni 2146. Stat tal-Bandiera: Il-Palau. Informazzjoni addizzjonali: Elenkat fil-21 ta' Lulju 2017. OMI: 8900878. Mid-19 ta' Jannar 2018, il-bastiment kien jinsab qrib il-kosta ta' Muscat, Oman, lil hinn mill-ilmijiet territorjali tiegħu.

(b)

2.

Isem: Lynn S. Elenkat skont il-paragrafi 10(a) u 10(b) tar-riżoluzzjoni 2146 (2014), kif estiż u mmodifikat mill-paragrafu 2 tar-riżoluzzjoni 2362 (2017) (projbizzjoni fuq it-tagħbija, it-trasport jew il-ħatt; projbizzjoni li jidħol fil-portijiet). Skont il-paragrafu 11 tar-riżoluzzjoni 2146, din l-inklużjoni ġiet imġedda mill-Kumitat fis-26 ta' Jannar 2018 (l-estensjoni preċedenti kienet valida sad-29 ta' Jannar 2018) u hija valida sat-28 ta' April 2018, sakemm ma tiġix itterminata qabel iż-żmien mill-Kumitat skont il-paragrafu 12 tar-riżoluzzjoni 2146. Stat tal-Bandiera: Saint Vincent u l-Grenadini. Informazzjoni addizzjonali: Elenkat fil-L-Erbgħa, 2 ta' Awwissu 2017. OMI: 8706349. Mis-6 ta' Ottubru 2017, il-bastiment kien jinsab fl-ibħra territorjali tal-Libanu, meta salpa fid-direzzjoni tal-Punent.”