8.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 117/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/698

tat-8 ta' Mejju 2018

li jimplimenta l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Marzu 2014 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014.

(2)

Fis-26 ta' April 2018 il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-KSNU aġġorna l-informazzjoni relattiva għal persuna waħda soġġetta għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)   ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1.


ANNESS

L-entrata li tikkonċerna lill-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

“8.

Eugène BARRET NGAÏKOSSET (magħruf ukoll bħala: (a) Eugene Ngaikosset; (b) Eugene Ngaikoisset; (c) Eugene Ngakosset; (d) Eugene Barret Ngaikosse; (e) Eugene Ngaikouesset; (f) ‘The Butcher of Paoua’; (g) Ngakosset)

Deżinjazzjoni: (a) eks-Kaptan, Gwardja Presidenzjali tar-RĊA; (b) eks-Kaptan, Forzi Navali tar-RĊA.

Data tat-Twelid: it-8 ta' Ottubru 1967

Numru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Numru ta' identifikazzjoni militari tal-forzi armati tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (FACA) 911-10-77

Indirizz: Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: is-17 ta' Diċembru 2015.

Informazzjoni oħra: Il-Kaptan Eugène Barret Ngaïkosset huwa ex membru tal-gwardja presidenzjali tal-ex President François Bozizé u huwa assoċjat mal-moviment anti-Balaka. Huwa ħarab mill-ħabs fis-17 ta' Mejju 2015 wara l-estradizzjoni tiegħu minn Brazzaville u ħoloq il-fazzjoni tiegħu stess tal-moviment anti-Balaka bl-inklużjoni ta' ex ġellieda tal-FACA. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/6217455

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Eugène Barret Ngaïkosset ġie elenkat fis-17 ta' Diċembru 2015 skont il-paragrafi 11 u 12(b) u (f) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li ‘ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA); involuti fl-ippjanar, fid-direzzjoni jew fit-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi fuq d-drittijiet tal-bniedem jew il-ksur tagħhom fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, attakki ta' natura etnika jew reliġjuża, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u ċ-ċaqliq sfurzat’; u ‘li jippjanaw, jidderieġu, jisponsorjaw, jew iwettqu attakki kontra l-missjonijiet tan-NU jew il-preżenza tas-sigurtà internazzjonali, inklużi MINUSCA, il-missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġjawhom.’

Informazzjoni addizzjonali:

Ngaïkosset huwa wieħed mill-persuni ewlenin responsabbli mill-vjolenza li faqqgħet f'Bangui lejn l-aħħar ta' Settembru 2015. Ngaïkosset u membri oħrajn tal-moviment anti-Balaka ħadmu flimkien ma' membri emarġinati tal-ex-Séléka fi sforz biex jiddestabilizzaw il-Gvern Tranżizzjonali tar-RĊA. Fil-lejl ta' bejn is-27 u t-28 ta' Settembru 2015, Ngaïkosset u oħrajn għamlu tentattiv ta' attakk bla suċċess fuq il-kamp tal-ġendarmerija ‘Izamo’ sabiex jisirqu armi u munizzjon. Fit-28 ta' Settembru, il-grupp dawwar l-uffiċċji tar-radju nazzjonali tar-RĊA.

Fl-1 ta' Ottubru 2015, saret laqgħa fl-inħawi tal-PK5 bejn Ngaïkosset u Haroun Gaye, mexxej tal-Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique (FPRC), bil-għan li jippjanaw attakk konġunt fuq Bangui nhar is-Sibt, 3 ta' Ottubru.

Fit-8 ta' Ottubru 2015, il-Ministru għall-Ġustizzja tar-RĊA ħabbar pjanijiet li jinvestiga lil Ngaïkosset u individwi oħra għar-rwoli tagħhom fil-vjolenza f'Bangui f'Settembru 2015. Ngaïkosset u l-oħrajn issemmew li kienu involuti f'‘imġiba flagranti li tikkostitwixxi ksur tas-sigurtà interna tal-istat, konfoffa, inċitament għal gwerra ċivili, diżubbidjenza ċivili, mibegħda u kompliċità.’ L-awtoritajiet legali tar-RĊA ngħataw struzzjoni biex jiftħu investigazzjoni biex ifittxu u jarrestaw lil min wettaq il-ksur u l-kompliċi tagħhom.

Fil-11 ta' Ottubru 2015, Ngaïkosset huwa maħsub li talab lill-milizzja anti-Balaka taħt il-kmand tiegħu biex twettaq sekwestri ta' persuni, b'enfasi partikolari fuq ċittadini Franċiżi, iżda wkoll personaġġi politiċi tar-RĊA u uffiċjali tan-NU, bil-għan li tisforza lill-President Transizzjonali, is-Sinjura Catherine Samba-Panza biex titlaq.”