25.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/632

tad-19 ta' Frar 2018

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 tal-25 ta' April 2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba n-nuqqas tal-Istati Uniti li jrendu l-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (CDSOA) konformi mal-obbligi skont il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 impona dazju doganali addizzjonali ad valorem ta' 15 % fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka mill-1 ta' Mejju 2005. F'konformità mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet lill-Istati Uniti, il-Kummissjoni se taġġusta l-livell tas-sospensjoni kull sena għal-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat mis-CDSOA lill-Unjoni Ewropea f'dak iż-żmien.

(2)

L-iżborżi mis-CDSOA għall-aktar sena riċenti li għaliha teżisti data disponibbli huma relatati mad-distribuzzjoni ta' dazji antidumping u kompensatorji miġbura matul is-Sena Fiskali 2017 (mill-1 ta' Ottubru 2016 sat-30 ta' Settembru 2017). Abbażi tad-data ppubblikata mill-Ħarsien tad-Dwana u tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta' tixjin jew ħsara ikkawżat lill-Unjoni huwa kkalkulat li jammonta għal USD 682 823.

(3)

Il-livell ta' tixjin jew ħsara, u konsegwentement, ta' sospensjoni, naqas. Madankollu, il-livell ta' sospensjoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta' tixjin jew ħsara billi jiżdiedu jew jitneħħew prodotti mil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005. Billi jitneħħew il-prodotti kollha ħlief għal wieħed, il-livell ta' ritaljazzjoni (4,3 % tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali) ikun jaqbeż it-72 % tal-iżborżi mis-CDSOA, mentri dan ikun anqas jekk jitħalla l-aħħar prodott fl-Anness I. B'konsegwenza ta' hekk, f'konformità mal-Artikolu 3(1)(e) ta' dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tibdilx il-lista ta' prodotti fl-Anness I u temenda r-rata tad-dazju addizzjonali sabiex taġġusta l-livell ta' sospensjoni għal-livell ta' tixjin jew ħsara. Jenħtieġ għalhekk li l-erba' prodotti elenkati fl-Anness I jinżammu fil-lista u jenħtieġ li r-rata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali tiġi emendata u ffissata għal 0,3 %.

(4)

L-effett ta' dazju tal-importazzjoni addizzjonali ad valorem ta' 0,3 % fuq importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti fl-Anness I jirrappreżenta, fuq perjodu ta' sena, valur ta' kummerċ li ma jaqbiżx USD 682 823.

(5)

Biex ikun żgurat li ma jkun hemm ebda dewmien fl-applikazzjoni tar-rata emendata tad-dazju ta' importazzjoni addizzjonali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 673/2005 jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Dazju ad valorem ta' 0,3 % apparti d-dazju doganali applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 (*1) għandu jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(*1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1 ” "

(2)

L-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 110, 30.4.2005, p. 1; kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 38/2014 (ĠU L 18, 21.1.2014, p. 52).


ANNESS

“ANNESS I

Il-prodotti li fuqhom għandhom japplikaw id-dazji addizzjonali huma kklassifikati taħt il-kodiċijiet tan-NM bi tmien ċifri u jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet mogħtija.

0710 40 00

Qamħ ħelu

6204 62 31

Qliezet u qliezet li jaslu u jintrabtu taħt l-irkoppa (breeches) tan-nisa jew tal-bniet, li mhumiex industrijali jew għandhom x'jaqsmu max-xogħol, tal-qoton tad-denim.

8705 10 00

Trakkijiet krejn

ex 9003 19 00

Frejms u mmuntar ta' nuċċalijiet, gogils jew bħalhom, tal-metall ta' valur baxx