20.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 101/16 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/602
tad-19 ta' April 2018
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta' Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-30 ta' Awwissu 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1509. |
(2) |
Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) qed tkompli l-programmi nukleari u ballistiċi tagħha bi ksur tal-obbligi tagħha kif jinsabu f'għadd ta' Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawk il-programmi jiġu ffinanzjati parzjalment minn trasferimenti illeċiti ta' fondi u riżorsi ekonomiċi. |
(3) |
Jenħtieġ li erba' persuni li pprovdew għat-trasferiment ta' assi jew riżorsi li setgħu finanzjarjament jikkontribwixxu għall-programmi relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva jiżdiedu mal-lista ta' persuni u entitajiet fl-Anness XV għar-Regolament (UE) 2017/1509. |
(4) |
Jenħtieġ għalhekk li l-Anness XV għar-Regolament (UE) 2017/1509 jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XV għar-Regolament (UE) 2017/1509 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
E. ZAHARIEVA
(1) ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1.
ANNESS
Fl-Anness XV tar-Regolament (UE) 2017/1509, il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni li tinsab taħt l-intestatura “(c) Persuni fiżiċi indikati f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 34(4)”:
|
Isem (u alternattivi possibbli) |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Data tad-deżinjazzjoni |
Raġunijiet |
“9. |
KIM Yong Nam (KIM Yong-Nam, KIM Young-Nam, KIM Yong-Gon) |
Data tat-twelid: 2.12.1947 Post tat-twelid: Sinuju, RDPK |
20.4.2018 |
KIM Yong Nam ġie identifikat mill-Bord ta' Esperti bħala aġent tar-Reconnaissance General Bureau, entità li ġiet iddeżinjata min-Nazzjonijiet Uniti. Hu u ibnu KIM Su Gwang ġew identifikati mill-Bord ta' Esperti bħala involuti f'sensiela ta' prattiki finanzjarji qarrieqa li setgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva. KIM Yong Nam fetaħ diversi kontijiet kurrenti u ta' tfaddil fl-Unjoni u ġie involut f'għadd ta' trasferimenti bankarji kbar lejn kontijiet bankarji fl-Unjoni jew lejn kontijiet barra l-Unjoni waqt li kien qed jaħdem fil-korp diplomatiku, inkluż lejn kontijiet f'isem ibnu KIM Su Gwang u l-mara ta' ibnu KIM Kyong Hui. |
10. |
DJANG Tcheul Hy |
Data tat-twelid: 11.5.1950 Post tat-twelid: Kangwon |
20.4.2018 |
DJANG Tcheul Hy kienet involuta, flimkien mar-raġel tagħha KIM Yong Nam, binha KIM Su Gwang u l-mara ta' binha KIM Kyong Hui f'sensiela ta' prattiki finanzjarji qarrieqa li setgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva. Kienet is-sid ta' diversi kontijiet bankarji fl-Unjoni li nfetħu minn binha KIM Su Gwang f'isimha. Kienet involuta wkoll f'diversi trasferimenti bankarji minn kontijiet mill-mara ta' binha KIM Kyong Hui lejn kontijiet bankarji barra l-Unjoni. |
11. |
KIM Su Gwang (KIM Sou-Kwang, KIM Sou-Gwang, KIM Son-Kwang, KIM Su-Kwang, KIM Soukwang) |
Data tat-twelid: 18.8.1976 Post tat-twelid: Pyongyang, Diplomatiku tar-RDPK, fl-Ambaxxata tar-RDPK għall-Belarussja |
20.4.2018 |
KIM Su Gwang ġie identifikat mill-Bord ta' Esperti bħala aġent tar-Reconnaissance General Bureau, entità li ġiet iddeżinjata min-Nazzjonijiet Uniti. Hu u missieru KIM Yong Nam ġew identifikati mill-Bord ta' Esperti bħala involuti f'sensiela ta' prattiki finanzjarji qarrieqa li setgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva. KIM Su Gwang fetaħ għadd ta' kontijiet bankarji f'diversi Stati Membri, inkluż taħt l-ismijiet ta' membri tal-familja. Kien involut f'diversi trasferimenti bankarji kbar lejn kontijiet bankarji fl-Unjoni jew lejn kontijiet barra l-Unjoni waqt li kien qed jaħdem fil-korp diplomatiku, inkluż lejn kontijiet f'isem il-konjuġi tiegħu KIM Kyong Hui. |
12. |
KIM Kyong Hui |
Data tat-twelid: 6.5.1981 Post tat-twelid: Pyongyang, RDPK |
20.4.2018 |
KIM Kyong Hui kienet involuta flimkien mar-raġel tagħha KIM Su Gwang, missier ir-raġel tagħha KIM Yong Nam u omm ir-raġel tagħha DJANG Tcheul Hy f'sensiela ta' prattiki finanzjarji qarrieqa li setgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva. Hi rċeviet diversi trasferimenti bankarji mingħand ir-raġel tagħha KIM Su Gwang u missier ir-raġel tagħha KIM Yong Nam, u ttrasferixxiet flus lejn kontijiet barra mill-Unjoni f'isimha jew isem omm ir-raġel tagħha, DJANG Tcheul Hy.” |