28.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/512

tas-27 ta' Marzu 2018

li jimplimenta l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 747/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 747/2014 tal-10 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 131/2004 u (KE) Nru 1184/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 747/2014.

(2)

Fl-14 ta' Marzu 2018, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit bis-saħħa tal-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1591 (2005) aġġorna l-informazzjoni relattiva għal tliet persuni soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l -Anness I għar-Regolament (UE) Nru 747/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 747/2014 huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  ĠU L 203, 11.7.2014, p. 1.


ANNESS

L-entrati li jikkonċernaw il-persuni elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

“2.   ALNSIEM, Musa Hilal Abdalla

Psewdonimu: a) Sheikh Musa Hilal; b) Abd Allah; c) Abdallah; d) AlNasim; e) Al Nasim; f) AlNaseem; g) Al Naseem; h) AlNasseem; i) Al Nasseem

Nomina: a) eks-Membru tal-Assemblea Nazzjonali tas-Sudan mid-distrett ta' Al-Waha, b) eks-konsulent speċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Federali, c) Kap Suprem tat-Tribù ta' Mahamid fit-Tramuntana tad-Darfur

Data tat-twelid: a) 1 ta' Jannar 1964; b) 1959;

Post tat-twelid: Kutum;

Indirizz: a) Kabkabiya, is-Sudan; b) Kutum, is-Sudan (Residenti f'Kabkabiya u l-belt ta' Kutum, fit-Tramuntana ta' Darfur u għex f'Khartoum).

Nazzjonalità: Is-Sudan

Passaport: a) Passaport Diplomatiku D014433, maħruġ fil-21 ta' Frar 2013 (Skada fil-21 ta' Frar 2015);

b) Passaport Diplomatiku D009889, maħruġ fis-17 ta' Frar 2011 (Skada fis-17 ta' Frar 2013)

Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Ċertifikat ta' Nazzjonalità A0680623.

Data tan-nomina min-NU: 25 ta' April 2006.

Informazzjoni oħra: Ritratt disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU-INTERPOL: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5795065

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Rapport mill-Human Rights Watch jiddikjara li għandhom memorandum iddatat it-13 ta' Frar 2004 minn uffiċċju tal-gvern lokali fit-Tramuntana ta' Darfur li jordna lill-“unitajiet tas-sigurtà fil-lokalità” biex “jippermettu li l-attivitajiet tal-mujahideen u l-voluntiera taħt il-kmand tax-Xejk Musa Hilal jipproċedu fiż-żoni tat-[Tramuntana ta' Darfur] u jiżguraw il-ħtiġijiet vitali tagħhom”. Fit-28 ta' Settembru 2005, 400 milizzja Għarbija attakkaw il-villaġġi ta' Aro Sharrow (inkluż il-kamp tiegħu ta' persuni spostati f'pajjiżhom (IDP)), Acho, u Gozmena f'Darfur tal-Punent. Aħna nemmnu wkoll li Musa Hilal kien preżenti waqt l-attakk fuq il-kamp tal-IDP ta' Aro Sharrow: ibnu kien inqatel waqt l-attakk tal-Armata tal-Liberazzjoni Sudaniża (SLA) fuq Shareia, jiġifieri issa kien involut fi ġlieda personali marbuta mal-familja. Hemm raġunijiet validi biex wieħed jemmen li bħala l-Kap Suprem huwa kellu responsabbiltà diretta għal dawn l-azzjonijiet u huwa responsabbli għal ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju u dwar id-drittijiet tal-bniedem u għal atroċitajiet oħra.

3.   SHAREIF Adam

Psewdonimu: a) Adam Yacub Shant; b) Adam Yacoub

Nomina: Kmandant tal-Armata għal-Liberazzjoni tas-Sudan (ALS).

Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1970

Post tat-twelid: El-Fasher

Nazzjonalità: Is-Sudan

Nru tal-passaport: P00182993, maħruġ fid-19 ta' Lulju 2010 (skada fit-18 ta' Lulju 2015)

Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 103-0037-6235 (kif imsemmi fil-passaport)

Data tan-nomina min-NU: 25 ta' April 2006.

Informazzjoni oħra: Allegatament deċedut fis-7 ta' Ġunju 2012. Ritratt disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU-INTERPOL: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5283783

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Suldati tal-ALS taħt il-kmand ta' Adam Yacub Shant kisru l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied billi attakkaw kontinġent militari tal-Gvern tas-Sudan li kien qed jakkumpanja konvoj ta' trakkijiet qrib Abu Hamra, f'Darfur tat-Tramuntana fit-23 ta' Lulju 2005, fejn qatlu tliet suldati. Wara l-attakk insterqu armi u munizzjoni militari tal-Gvern. Il-Grupp ta' Esperti għandu informazzjoni li tistabbilixxi li l-attakk mis-suldati tas-SLA sar u kien organizzat b'mod ċar; konsegwentement, dan kien ippjanat sew. Huwa għalhekk raġonevoli li wieħed jassumi li, kif ikkonkluda l-Grupp, li Shant, bħala l-Kmandant konfermat tas-SLA fiż-żona, bilfors kellu għarfien ta' u approva/jew ordna l-attakk. Għalhekk, huwa direttament responsabbli mill-attakk u jilħaq il-kriterji biex jitniżżel fil-lista.

4.   MAYU, Jibril Abdulkarim Ibrahim

Psewdonimu: a) General Gibril Abdul Kareem Barey; b) ‘Tek’; c) Gabril Abdul Kareem Badri

Nomina: Kmandant Operattiv tal-Moviment Nazzjonali għar-Riforma u l-Iżvilupp (NMRD)

Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1967

Post tat-twelid: El-Fasher, it-Tramuntana tad-Darfur

Nazzjonalità: Sudaniż mit-twelid

Indirizz: Tine, Sudan (Residenti f'Tine, fuq in-naħa Sudaniża tal-fruntiera maċ-Chad)

Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: a) 192-3238459-9, b) Ċertifikat ta' nazzjonalità akkwistat permezz tat-twelid 302581

Data tan-nomina min-NU: 25 ta' April 2006.

Informazzjoni oħra: Ritratt disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU-INTERPOL: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5795071

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Mayu huwa responsabbli għall-ħtif ta' persunal tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS) f'Darfur matul Ottubru 2005. Mayu jagħmel tentattiv bil-miftuħ li jisfratta l-missjoni tal-AMIS permezz ta' intimidazzjoni; pereżempju huwa hedded li jispara fuq ħelikopters tal-Unjoni Afrikana (UA) u jwaqqagħhom fiż-żona ta' Jebel Moon f'Novembru 2005. Permezz ta' tali azzjonijiet Mayu kiser biċ-ċar SCR 1591 billi huwa jikkostitwixxi theddida għall-istabbiltà f'Darfur u jissodisfa l-kriterji biex jiġi nominat mill-Kumitat biex ikun soġġett għal sanzjonijiet.”