|
20.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/6 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/456
tad-19 ta' Marzu 2018
dwar il-passi proċedurali tal-proċess ta' konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jistabbilixxi regoli għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta' ikel ġdid fl-Unjoni. |
|
(2) |
L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/2283 jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar il-proċedura biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid. Il-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu jirrikjedi li l-operaturi tan-negozju tal-ikel jivverifikaw jekk l-ikel li beħsiebhom iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. |
|
(3) |
Sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel partikolari, jenħtieġ li tiġi ppreżentata talba għal konsultazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw il-validità ta' tali talbiet. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-proċess ta' verifika. |
|
(4) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġi żgurat li t-talba għal konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid, tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni mill-Istati Membri. |
|
(5) |
Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi tan-negozju tal-ikel u l-pubbliku jkunu infurmati dwar l-istatus ta' ikel ġdid, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid tkun disponibbli pubblikament. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni u suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/2283 fir-rigward tal-passi proċedurali tal-proċess ta' konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk ikel jaqax jew le fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u fir-Regolament (UE) 2015/2283 (2), għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“talba għal konsultazzjoni” tfisser talba minn operatur tan-negozju tal-ikel lil Stat Membru riċevitur biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel partikolari; |
|
(b) |
“Stat Membru riċevitur” tfisser Stat Membru fejn l-operatur tan-negozju tal-ikel beħsiebu jqiegħed fis-suq ikel partikolari għall-ewwel darba. |
Artikolu 3
Preżentazzjoni ta' talba għal konsultazzjoni
1. L-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jikkonsulta mal-Istat Membru riċevitur kif previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 billi jippreżenta talba għal konsultazzjoni lil dak l-Istat Membru.
2. Meta l-operatur tan-negozju tal-ikel ikun beħsiebu jqiegħed ikel fis-suq simultanjament f'diversi Stati Membri, l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jippreżenta t-talba għal konsultazzjoni lil wieħed minn dawk l-Istati Membri biss.
Artikolu 4
Kontenut u preżentazzjoni tat-talba għal konsultazzjoni
1. It-talba għal konsultazzjoni għandha tiġi ppreżentata elettronikament lill-Istat Membru riċevitur u għandha tikkonsisti minn dan li ġej:
|
(a) |
ittra ta' akkumpanjament; |
|
(b) |
dossier tekniku; |
|
(c) |
dokumentazzjoni ta' appoġġ; |
|
(d) |
nota ta' spjegazzjoni li tiċċara l-iskop u r-rilevanza tad-dokumentazzjoni ppreżentata. |
2. L-ittra ta' akkumpanjament imsemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tkun abbozzata skont il-mudell ipprovdut fl-Anness I.
3. Id-dossier tekniku msemmi fil-paragrafu 1(b) għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa biex tippermetti lill-Istat Membru riċevitur jasal għal konklużjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid u għandu jkun abbozzat skont il-mudell ipprovdut fl-Anness II.
4. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 3, applikant mhuwiex obbligat jipprovdi l-elementi kollha msemmija fl-Anness II, bil-kundizzjoni li l-applikant ikun ippreżenta ġustifikazzjoni verifikabbli għan-nuqqas ta' kull element nieqes.
Artikolu 5
Proċeduri biex tiġi vverifikata l-validità ta' talba għal konsultazzjoni
1. L-Istat Membru riċevitur għandu mingħajr dewmien, jivverifika jekk it-talba għal konsultazzjoni tikkonformax jew le mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4.
2. Meta l-operatur tan-negozju tal-ikel ma jippreżentax biżżejjed informazzjoni fit-talba għal konsultazzjoni, l-Istat Membru riċevitur għandu jitlob lill-operatur tan-negozju tal-ikel biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali jew jagħmel l-aġġornamenti rilevanti fit-talba għal konsultazzjoni fil-perjodu ta' żmien speċifikat mill-Istat Membru riċevitur.
3. It-talba għal konsultazzjoni għandha titqies li mhijiex valida meta:
|
(a) |
l-operatur tan-negozju tal-ikel ma jipprovdix l-informazzjoni addizzjonali mitluba jew it-talba għal konsultazzjoni aġġornata fil-perjodu speċifikat mill-Istat Membru riċevitur; |
|
(b) |
l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata ma tkunx biżżejjed biex jiġi konkluż li t-talba għal konsultazzjoni hija valida. |
4. L-Istat Membru riċevitur għandu jiddeċiedi dwar il-validità tat-talba għal konsultazzjoni u mingħajr dewmien jinforma bid-deċiżjoni lill-operatur tan-negozju tal-ikel, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Meta t-talba għal konsultazzjoni titqies li mhijiex valida, l-Istat Membru riċevitur għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dik il-konklużjoni.
Artikolu 6
Proċeduri biex tiġi evalwata talba għal konsultazzjoni valida
1. L-Istat Membru riċevitur għandu jikkonkludi dwar l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel fi żmien erba' xhur mid-data li fiha jkun iddeċieda dwar il-validità tat-talba għal konsultazzjoni.
2. Meta l-Istat Membru riċevitur jidentifika li ma għandux biżżejjed evidenza biex jiddeċiedi dwar l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel, jista' jitlob lill-operatur tan-negozju tal-ikel biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali. Il-perjodu ta' dik it-talba għandu jiġi ddeterminat flimkien mal-operatur tan-negozju tal-ikel.
L-Istat Membru riċevitur jista' jikkonsulta lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.
3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, it-talba għal informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex testendi l-perjodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1.
4. F'każijiet debitament ġustifikati, l-Istat Membru riċevitur jista' jestendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 b'massimu ta' erba' xhur. L-Istat Membru riċevitur għandu jinforma lill-operatur tan-negozju tal-ikel, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni u għandu jipprovdi ġustifikazzjoni.
5. Malli jasal għal konklużjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel, l-Istat Membru riċevitur għandu mingħajr dewmien jinnotifika lill-operatur tan-negozju tal-ikel, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni u għandu jipprovdi ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Informazzjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid u pubblikazzjoni tagħha
1. In-notifika msemmija fl-Artikolu 6(5) ta' dan ir-Regolament għandha tinkludi dan li ġej:
|
(a) |
l-isem u d-deskrizzjoni tal-ikel ikkonċernat; |
|
(b) |
dikjarazzjoni li tindika jekk l-ikel ikkonċernat huwiex ġdid, mhux ġdid jew mhux ġdid biss fis-supplimenti tal-ikel; |
|
(c) |
ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (b); |
|
(d) |
meta l-ikel ikun ikel ġdid, l-aktar kategorija tal-ikel xierqa li jaqa' taħtha skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
2. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tqiegħed l-informazzjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sit web tal-Kummissjoni.
Artikolu 8
Awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u d-dettalji ta' kuntatt tal-punti ta' kuntatt rispettivi maħtura għall-finijiet ta' dan ir-Regolament sal-1 ta' Marzu 2018.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk id-dettalji ta' kuntatt fis-sit web tal-Kummissjoni sal-1 ta' Mejju 2018.
Artikolu 9
Kunfidenzjalità
1. L-operaturi tan-negozju tal-ikel jistgħu jitolbu lill-Istat Membru riċevitur biex jaqbel li l-iżvelar ta' ċerta informazzjoni ppreżentata bħala parti mit-talba għal konsultazzjoni jeħtieġ li jibbenefika minn trattament kunfidenzjali fejn l-iżvelar ta' tali informazzjoni jista' jkun ta' ħsara għall-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jindikaw lill-Istat Membru riċevitur liema partijiet mill-informazzjoni pprovduta jixtiequ li jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali u għandhom jipprovdu d-dettalji kollha meħtieġa biex jissostanzjaw it-talba tagħhom għal kunfidenzjalità.
3. L-Istat Membru riċevitur għandu jinforma lill-operatur tan-negozju tal-ikel dwar l-opinjoni tiegħu dwar liema partijiet mill-informazzjoni jridu jibqgħu kunfidenzjali.
Madankollu, il-kunfidenzjalità ma għandhiex tapplika għall-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem u l-indirizz tal-applikant; |
|
(b) |
l-isem u d-deskrizzjoni tal-ikel; |
|
(c) |
sommarju tal-istudji ppreżentati mill-applikant; |
|
(d) |
meta jkun xieraq, il-metodu jew il-metodi tal-analiżi. |
4. Fil-każ tal-konsultazzjoni tal-Istati Membri l-oħra skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2), l-Istat Membru riċevitur għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-opinjoni tiegħu dwar il-kunfidenzjalità tat-talba għal konsultazzjoni.
5. Wara li jiġi infurmat skont il-paragrafu 3, l-operatur tan-negozju tal-ikel jista' jirtira t-talba għal konsultazzjoni fi żmien tliet ġimgħat li matulhom għandha tiġi osservata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta.
6. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità xierqa tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u li huma jirċievu skont dan ir-Regolament, ħlief għall-informazzjoni li trid titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem.
7. Meta operatur tan-negozju tal-ikel jirtira jew ikun irtira t-talba tiegħu għal konsultazzjoni skont il-paragrafu 5, la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma għandhom jiżvelaw l-informazzjoni li għaliha tkun intalbet il-kunfidenzjalità mill-operatur tan-negozju tal-ikel skont il-paragrafu 1.
8. L-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 7 ma għandhiex taffettwa l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri meħtieġ biex jiġu kkunsidrati t-talbiet għal konsultazzjoni ppreżentati skont dan ir-Regolament.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
ANNESS I
MUDELL TAL-ITTRA LI TAKKUMPANJA TALBA GĦAL KONSULTAZZJONI BIEX JIĠI DDETERMINAT L-ISTATUS TA' IKEL ĠDID
Awtorità kompetenti tal-Istat Membru
Data: …
Suġġett: Talba għal konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' …
…
L-Operatur(i) tan-negozju tal-ikel/il-parti li tikkonsulta:
Kumpanija: …
Indirizz: …
Telefown: …
Email: …
Persuna ta' kuntatt: …
tippreżenta/jippreżenta(w) it-talba għal konsultazzjoni attwali biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' …
Dejjem tiegħek,
Firma …
Dokumenti mehmuża:
|
☐ |
Dossier tekniku |
|
☐ |
Dokumenti ta' appoġġ tat-talba għal konsultazzjoni |
|
☐ |
Nota ta' spjegazzjoni |
ANNESS II
MUDELL TAD-DOSSIER TEKNIKU
Ir-rabta bejn il-biċċiet differenti tal-informazzjoni għandha tiġi spjegata fin-nota ta' spjegazzjoni. B'mod partikolari, fejn għandha x'taqsam l-evidenza biex issostni l-konsum mill-bniedem f'livell sinifikanti, li ġiet ippreżentata fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, f'każ li jridu jitqiesu dokumenti li ġejjin minn firxa ta' sorsi sabiex wieħed jasal għal konklużjoni.
Meta partijiet biss mid-dokumenti jkunu rilevanti biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid, dawk il-partijiet għandhom jiġu indikati b'enfasi.
Għall-oġġetti tal-ikel kollha, trid timtela t-Taqsima 1.
Għall-estratti, minbarra t-Taqsima 1, trid timtela t-Taqsima 2.
Għall-ikel li joriġina minn proċess ta' produzzjoni li ma ntużax għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, iridu jimtlew it-Taqsima 1 (il-punti 1 sa 3 u l-punt 7) u t-Taqsima 3.
Taqsima 1: L-ikel kollu (għall-ikel li joriġina minn proċess ta' produzzjoni li ma ntużax għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, iridu jimtlew biss il-punti 1 sa 3 u l-punt 7)
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|||
| A. Organiżmi (mikroorganiżmi, fungi, algi, pjanti, annimali) |
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
| B. Sustanzi kimiċi |
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|||
|
|
||
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|||
|
|
||
|
|
||
Taqsima 2: Estratti
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
Taqsima 3: Ikel li joriġina minn proċess ta' produzzjoni li ma ntużax għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1). |
|
(2) |
Id-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67). |