19.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/18


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/415

tas-16 ta' Marzu 2018

li jistabbilixxi responsabbiltajiet u kompiti addizzjonali għal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikana taż-żwiemel u li jemenda l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 92/35/KEE, l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE u l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/35/KEE tad-29 ta' April 1992 li tistabbilixxi r-regoli ta' kontroll u miżuri biex tkun miġġielda l-marda Afrikana taż-żwiemel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue (2), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (3), b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/35/KEE jipprevedi n-nomina ta' laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikana taż-żwiemel fl-Anness II tagħha, u l-elenkar tal-funzjonijiet u d-doveri tiegħu fl-Anness III tagħha.

(2)

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/75/KE jipprevedi n-nomina tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikana taż-żwiemel fl-Anness II(A) tagħha, u l-elenkar tax-xogħlijiet tiegħu fl-Anness II(B) tagħha.

(3)

L-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea fis-settur tas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għas-saħħa tal-annimali u għall-annimali ħajjin huma mniżżla fil-Parti II tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament, inklużi l-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikana taż-żwiemel u għall-bluetongue.

(4)

B'konsegwenza tan-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-laboratorju msemmi fl-Anness II(A) tad-Direttiva 2000/75/KE se jkollu jtemm il-funzjoni tiegħu bħala l-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-bluetongue.

(5)

Fid-dawl tas-sinerġiji fil-kompetenza teknika, fil-kapaċità tal-laboratorji u fin-netwerking ma' laboratorji ta' referenza nazzjonali li jirriżultaw mir-rabta ġenetika u epidemjoloġika tal-marda Afrikana taż-żwiemel u tal-bluetongue, il-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikan taż-żwiemel, imsemmi fl-Anness II tad-Direttiva 92/35/KEE, jenħtieġ li jassumi wkoll ir-responsabbiltajiet tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-bluetongue.

(6)

Il-Laboratorio Central de Veterinaria — Área de Sanidad Animal, f'Madrid fi Spanja, tal-Ministeru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel ta' Spanja, li jaġixxi bħala l-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikana taż-żwiemel, jenħtieġ li jkompli jwettaq il-funzjonijiet u d-dmirijiet tiegħu skont id-Direttiva 92/35/KEE u barra minn hekk, jenħtieġ li jieħu f'idejh ix-xogħlijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-bluetongue kif previst fid-Direttiva 2000/75/KE.

(7)

Barra minn hekk, wara l-bdil ta' ċerti dettalji ta' kuntatt tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikana taż-żwiemel għal dawk tal-Laboratorio Central de Veterinaria — Área de Sanidad Animal, f'Madrid fi Spanja, hemm bżonn li l-Anness II tad-Direttiva 92/35/KEE jiġi emendat skont dan.

(8)

L-isem tal-laboratorju li jassumi r-responsabbilitajiet tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikana taż-żwiemel u għall-bluetongue jenħtieġ li jiġi indikat ukoll bħala l-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-bluetongue. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness II(A) tad-Direttiva 2000/75/KE jiġi emendat skont dan.

(9)

L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jenħtieġ li jiġi emendat biex jirreferi għal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikana taż-żwiemel u għall-bluetongue.

(10)

Sabiex ma jkunx hemm tfixkil tal-attivitajiet tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-bluetongue u sabiex il-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea l-ġdid ikollu biżżejjed żmien biex isir operattiv bis-sħiħ, jixraq li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Laboratorio Central de Veterinaria — Área de Sanidad Animal, f'Madrid fi Spanja, għandu jkollu r-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda Afrikana taż-żwiemel u għall-bluetongue kif stabbilit rispettivament fl-Anness III tad-Direttiva 92/35/KEE u fl-Anness II(B) tad-Direttiva 2000/75/KE.

Artikolu 2

L-Anness II tad-Direttiva 92/35/KEE huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-Anness II(A) tad-Direttiva 2000/75/KE huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 huwa emendat skont l-Anness III ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 157, 10.6.1992, p. 19.

(2)   ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.

(3)   ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS I

Fl-Anness II tad-Direttiva 92/35/KEE, l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-laboratorju qed jinbidlu b'dan li ġej:

“Laboratorio Central de Veterinaria — Área de Sanidad Animal

Ctra. M-106, P.K. 1,4

28110 Algete (Madrid)

ESPAÑA”.


ANNESS II

Fl-Anness II(A) tad-Direttiva 2000/75/KE, l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-laboratorju qed jinbidlu b'dan li ġej:

“Laboratorio Central de Veterinaria — Área de Sanidad Animal

Ctra. M-106, P.K. 1,4

28110 Algete (Madrid)

ESPAÑA”.


ANNESS III

Il-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 hija emendata kif ġej:

(1)

il-punti 2 u 9 qed jitħassru;

(2)

qed jiżdied il-punt 21 li ġej:

“21.   Il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-marda Afrikana taż-żwiemel u għall-bluetongue

Laboratorio Central de Veterinaria - Área de Sanidad Animal

Ctra. M-106, P.K. 1,4

28110 Algete (Madrid)

ESPAÑA”.