28.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/31


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/296

tas-27 ta' Frar 2018

dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tal-estratt tas-sustanza attiva Reynoutria sachalinensis, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fit-3 ta' Novembru 2011 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Marrone Bio innovations għall-approvazzjoni tal-estratt tas-sustanza attiva Reynoutria sachalinensis.

(2)

Skont l-Artikolu 9(3) ta' dak ir-Regolament, l-Istat Membru relatur innotifika lill-applikant u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-ammissibilità tal-applikazzjoni fil-21 ta' Marzu 2012, u fil-11 ta' Mejju 2012 innotifika lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) dwarha.

(3)

Fil-każ ta' dik is-sustanza attiva, ġew eżaminati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 11(2) u (3) ta' dak ir-Regolament, għall-użu propost mill-applikant. Fit-22 ta' Lulju 2014, l-Istat Membru relatur ressaq abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

(4)

L-Awtorità kkonformat mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Hi talbet li l-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità, skont l-Artikolu 12(3) ta' dak ir-Regolament. Il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru relatur tressqet quddiem l-Awtorità fil-format ta' abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni aġġornat.

(5)

L-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Awtorità. Fil-31 ta' Awwissu 2015, l-Awtorità ppreżentat lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-estratt tas-sustanza attiva Reynoutria sachalinensis (2).

(6)

Permezz tal-ittra tas-16 ta' Ottubru 2017, Marrone Bio innovations irtira l-applikazzjoni tiegħu għall-approvazzjoni tal-estratt tar-Reynoutria sachalinensis. Minħabba li l-applikazzjoni ġiet irtirata, jenħtieġ li l-estratt tas-sustanza attiva Reynoutria sachalinensis ma jiġix approvat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(7)

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax it-tressiq ta' applikazzjoni oħra għall-estratt tar-Reynoutria sachalinensis skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta' approvazzjoni ta' sustanza attiva

L-estratt tas-sustanza attiva Reynoutria sachalinensis mhuwiex approvat.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA, 2015. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance Reynoutria sachalinensis extract. EFSA Journal 2015;13(9):4221, 73pp. Jinsab online fuq: www.efsa.europa.eu/efsajournal.