|
27.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 55/34 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/292
tas-26 ta' Frar 2018
li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta' informazzjoni u assistenza bejn awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż tas-suq
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 25(9) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet maħtura bħala awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ikunu jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod effiċjenti u f'waqtu u jipprovdu lil xulxin assistenza reċiproka sħiħa għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri u formoli komuni li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għall-iskambju ta' informazzjoni u assistenza, inkluż għall-preżentazzjoni ta' talbiet għal assistenza, konfermi ta' rċevuti u t-tweġibiet għal dawn it-talbiet. |
|
(2) |
Huwa mistenni li l-iskambju ta' informazzjoni bil-miktub jassisti awtorità kompetenti fil-qadi tad-dmirijiet tagħha. Tista' ssir komunikazzjoni bil-fomm, fejn xieraq, inkluż qabel ma tintbagħat talba bil-miktub, biex tkun ipprovduta informazzjoni dwar it-talba għal assistenza li ġejja u biex ikunu diskussi kwalunkwe kwistjonijiet li jistgħu jfixklu l-provvediment tal-assistenza. F'każijiet urġenti, jenħtieġ li ikun ukoll permess li talba għal assistenza tkun ikkomunikata oralment, fejn l-urġenza ma tkunx minħabba azzjoni tardiva mill-parti li tagħmel it-talba. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni u jagħtu assistenza. Madankollu, jenħtieġ li t-talbiet għal assistenza, sa fejn possibbli, ikunu jinkludu wkoll teħid ta' dikjarazzjoni jew twettiq ta' spezzjonijiet fuq il-post jew investigazzjoni, iżda biss f'każijiet li fihom talba sempliċi għal skambju ta' informazzjoni ma tkunx biżżejjed. Qabel il-preżentazzjoni ta' talba għall-assistenza lil awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti hija mistennija li tkun wettqet l-azzjonijiet kollha raġonevolment prattikabbli fil-ġuriżdizzjoni tagħha stess, għalkemm wieħed jinnota li jista' ma jkunx raġonevolment fattibbli għal din l-awtorità li teżawrixxi l-metodi kollha ta' inkjesta qabel it-talba. |
|
(4) |
Għajnuna mhux mitluba jenħtieġ li tkun provduta f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014, anki fuq bażi volontarja meta awtorità kompetenti ta' Stat Membru tikkunsidra li l-informazzjoni fil-pussess tagħha tista' tkun ta' użu għal awtorità kompetenti oħra. |
|
(5) |
Talba għal assistenza skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni suffiċjenti dwar is-suġġett tat-talba, inkluża r-raġuni għat-talba u l-kuntest tagħha, sabiex l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista' tipproċessa t-talba b'mod effiċjenti u espedjenti. Li wieħed jindika l-fatti li jagħtu lok għas-suspett ma għandhiex titqies bħala prekondizzjoni biex l-awtorità rikjedenti tirċievi assistenza fejn l-informazzjoni mitluba hija neċessarja biex l-awtorità twettaq l-obbligi tagħha. |
|
(6) |
Lil hinn mill-użu ta' formoli ta' rikjesta u ta' tweġiba għal talba għal assistenza, il-proċeduri għall-kooperazzjoni jenħtieġ li jippermettu u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, il-konsultazzjoni u l-interazzjoni bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba matul il-proċess kollu, biex jiġi żgurat ipproċessar effiċjenti ta' talba għal informazzjoni jew assistenza. Huwa mistenni li dawn il-proċeduri jippermettu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu feedback lil xulxin dwar l-utilità tal-informazzjoni jew għajnuna oħra rċevuta, dwar l-eżitu tal-każ li fih l-għajnuna ġiet mitluba u kwalunkwe problema li tinqala' fl-għoti ta' tali għajnuna jew informazzjoni. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-proċeduri u l-formoli għall-iskambju tal-informazzjoni u tal-assistenza jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata jew mibgħuta u l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta. |
|
(8) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni abbozzati ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
|
(9) |
L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l--istandards tekniċi ta' implementazzjoni abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati mal-introduzzjoni ta' proċeduri u formoli biex jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-iskop u tal-impatt ta' dawn l-istandards, meta wieħed iqis li d-destinatarji tagħhom se jkunu biss l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq. |
|
(10) |
L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(11) |
Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji u meta wieħed jikkunsidra li r-Regolament (UE) Nru 596/2014 diġà qiegħed ikun applikat, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ u jibda japplika minnufih; |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjoni
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “mezzi elettroniċi siguri” huma mezzi ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali), il-ħażna u t-trażmissjoni ta' dejta, li jkunu jużaw wajers, radju, teknoloġiji ottiċi, jew kull mezz elettromanjetiku ieħor li jiżguraw li l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jinżammu matul it-trażmissjoni.
Artikolu 2
Il-punti ta' kuntatt
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħtru punti ta' kuntatt għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-punti ta' kuntatt lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni aġġornata lill-ESMA kif meħtieġ.
3. L-ESMA għandha żżomm lista tal-punti ta' kuntatt deżinjati mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 1 u taġġorna din il-lista kif ikun meħtieġ għall-użu tal-awtoritajiet kompetenti.
Artikolu 3
Talba għal assistenza
1. Awtorità rikjedenti għandha tagħmel talba għal assistenza bil-miktub bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniku sigur. Hija għandha tindirizza t-talba lill-punt ta' kuntatt maħtur mill-awtorità li ssirilha t-talba skont l-Artikolu 2.
2. Meta ssir talba għal assistenza, l-awtorità kompetenti għandha tuża l-formola li tinsab fl-Anness I u għandha:
|
(a) |
tispeċifika dettalji tal-informazzjoni rilevanti li l-awtorità rikjedenti tkun qed titlob mill-awtorità li ssirilha t-talba; |
|
(b) |
tidentifika, fejn xieraq, kwistjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tista' tinkiseb. |
3. L-awtorità rikjedenti tista' tehmeż mat-talba kwalunkwe dokument jew materjal ta' appoġġ li tqis meħtieġ biex issostni t-talba.
4. F'każijiet urġenti, l-awtorità rikjedenti tista' tagħmel talba għal għajnuna verbalment. Sakemm l-awtorità li ssirilha t-talba ma taqbilx mod ieħor, dik it-talba bil-fomm għandha sussegwentement tiġi kkonfermata bil-miktub mingħajr dewmien żejjed billi jintużaw il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
Konferma tar-riċevuta
Fi żmien 10 ijiem ta' xogħol minn meta tasal talba bil-miktub għal assistenza, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniċi siguri lill-punt ta' kuntatt magħżul skont l-Artikolu 2, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fit-talba. Din il-konferma tar-rċevuta għandha ssir billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness II u, fejn ikun possibbli, għandha tinkludi l-indikazzjoni tad-data mistennija tat-tweġiba.
Artikolu 5
Tweġiba għal talba għal assistenza
1. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha twieġeb għal talba għal assistenza bil-miktub bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniċi siguri. It-tweġiba għandha tiġi indirizzata lill-punt ta' kuntatt maħtur skont l-Artikolu 2, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fit-talba.
2. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha twieġeb għat-talba għal assistenza, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness III u għandha:
|
(a) |
titlob kjarifiki ulterjuri fi kwalunkwe forma malajr kemm jista' jkun, f'każ ta' dubji fir-rigward tal-kontenut tal-kooperazzjoni preċiża mitluba; |
|
(b) |
tieħu l-passi raġonevoli kollha fl-ambitu tas-setgħat tagħha li tipprovdi l-assistenza mitluba; |
|
(c) |
teżegwixxi t-talbiet għal assistenza mingħajr dewmien b'mod li jiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja neċessarja tipproċedi mingħajr dewmien, waqt li tqis il-kumplessità tat-talba u l-ħtieġa li jiġu involuti partijiet terzi jew xi awtorità kompetenti oħra. |
3. Meta l-awtorità li ssirilha t-talba tirrifjuta li taġixxi, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq talba għal assistenza, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti mill-aktar fis possibbli bid-deċiżjoni tagħha, verbalment jew bil-miktub. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi wkoll tweġiba bil-miktub magħmula skont il-paragrafu 1 li tindika abbażi ta' liema waħda mill-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 qed tagħmel ir-rifjut tagħha.
Artikolu 6
Proċeduri biex tintbagħat u tkun proċessata talba għal assistenza
1. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkomunikaw dwar it-talba għal assistenza u t-tweġiba għaliha bl-aktar mezz espedjenti possibbli, waqt li jqisu b'mod dovut il-konsiderazzjonijiet tal-kunfidenzjalità, tat-tul ta' ħin tal-korrispondenza, tal-volum tal-materjal li se jiġi kkomunikat u tal-faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti. B'mod partikolari, l-awtorità rikjedenti għandha twieġeb fil-pront għal kwalunkwe kjarifika mitluba mill-awtorità li ssirilha t-talba.
2. Meta l-awtorità li ssirilha t-talba ssir konxja minn ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal dewmien fid-data stmata għat-tweġiba ta' aktar minn 10 ijiem lavorattivi, din għandha tinnotifika lill-awtorità rikjedenti mingħajr dewmien żejjed.
3. Fejn xieraq, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi feedback regolari dwar il-progress tat-talba pendenti, inklużi stimi riveduti tad-data fil-mira għat-tweġiba lill-awtorità rikjedenti.
4. Meta l-awtorità rikjedenti tikkwalifika r-rikjesta bħala urġenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-frekwenza li biha l-awtorità li ssirilha t-talba se taġġorna lill-awtorità rikjedenti.
5. L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista' tinħoloq fl-eżekuzzjoni ta' talba.
Artikolu 7
Proċedura għal talbiet biex tittieħed dikjarazzjoni mingħand persuna
1. Jekk fit-talba tagħha l-awtorità rikjedenti tinkludi dikjarazzjoni meħuda minn xi persuna fil-kuntest ta' investigazzjoni jew spezzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom, soġġett għal-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet legali eżistenti u kwalunkwe differenza fir-rekwiżiti proċedurali, jivvalutaw u jikkunsidraw dan li ġej:
|
(a) |
id-drittijiet tal-persuni li mingħandhom ikunu se jittieħdu d-dikjarazzjonijiet, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe kwistjonijiet ta' awtoinkriminazzjoni; |
|
(b) |
in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persunal tal-awtorità rikjedenti (osservaturi jew parteċipanti attivi); |
|
(c) |
ir-rwol tal-persunal tal-awtorità li ssirilha t-talba u tal-awtorità rikjedenti fit-teħid tad-dikjarazzjoni; |
|
(d) |
jekk il-persuna li mingħandha trid tittieħed d-dikjarazzjoni għandhiex id-dritt li tkun assistita minn rappreżentant legali, u jekk iva, l-ambitu tal-assistenza mir-rappreżentant matul it-teħid tad-dikjarazzjoni, inkluż fir-rigward ta' kwalunkwe rekord jew rapport tad-dikjarazzjoni; |
|
(e) |
jekk id-dikjarazzjoni tkunx se tittieħed fuq bażi volontarja jew imġiegħla, jekk din id-distinzjoni tkun teżisti; |
|
(f) |
jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli meta ssir it-talba, il-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni tkunx xhud jew persuna suspettata fejn teżisti tali distinzjoni; |
|
(g) |
jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tat-talba, id-dikjarazzjoni tkunx tista' jew hijiex maħsuba biex tintuża fi proċedimenti kriminali; |
|
(h) |
l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità rikjedenti; |
|
(i) |
ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni u tal-proċeduri applikabbli, inkluż jekk hux ser ikunu kontemporanji jew minuti sommarji miktubin jew reġistrazzjoni ta' smigħ jew awdjoviżiva; |
|
(j) |
il-proċeduri dwar iċ-ċertifikazzjoni jew il-konferma tad-dikjarazzjoni mill-persuni li jagħmlu d-dikjarazzjoni, anke jekk dan iseħħ wara li d-dikjarazzjoni tkun ittieħdet; kif ukoll |
|
(k) |
il-proċedura għat-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtorità li ssirilha t-talba lill-awtorità rikjedenti, inkluż il-format u l-iskeda. |
2. L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti biex il-persunal tagħhom jipproċedi b'mod effiċjenti, inklużi arranġamenti li jippermettu lill-persunal tagħhom jiftiehem dwar kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista' tkun meħtieġa, inklużi dan li ġej:
|
(a) |
l-ippjanar ta' dati; |
|
(b) |
il-lista ta' mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni; |
|
(c) |
l-arranġamenti tal-ivvjaġġar, inkluż l-iżgurar li l-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kwistjoni qabel ma tittieħed id-dikjarazzjoni; kif ukoll |
|
(d) |
arranġamenti lingwistiċi. |
Artikolu 8
Proċedura għal talbiet għal investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post
1. Meta ssir talba biex titwettaq investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkonsultaw ma' xulxin dwar l-aħjar mod kif jista' jingħata effett utli għat-talba għal assistenza, waqt li jikkunsidraw il-punti minn (a) sa (e) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, inkluż dwar il-merti li titwettaq investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post.
2. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha żżomm l-awtorità rikjedenti infurmata dwar il-progress tal-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post u tittrażmetti s-sejbiet tagħha lill-awtorità rikjedenti fi żmien xieraq.
3. Meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda investigazzjoni konġunta jew spezzjoni fuq il-post konġunta, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkunsidraw tal-inqas dan li ġej:
|
(a) |
il-kontenut ta' kwalunkwe talba għal assistenza rċevuta mingħand l-awtorità rikjedenti, inkluż kwalunkwe suġġeriment dwar l-adegwatezza li titwettaq investigazzjoni konġunta jew spezzjoni fuq il-post konġunta; |
|
(b) |
jekk humiex it-tnejn li huma qed iwettqu inkjesti separati dwar kwistjoni b'implikazzjonijiet transfruntieri u jekk din il-kwistjoni tkunx aktar xierqa għall-kollaborazzjoni konġunta; |
|
(c) |
il-qafas ġuridiku u regolatorju f'kull waħda mill-ġurisdizzjonijiet tagħhom sabiex jiġi żgurat li ż-żewġ awtoritajiet għandhom fehim tajjeb tal-limitazzjonijiet potenzjali u l-limitazzjonijiet ġuridiċi tat-twettiq ta' kwalunkwe investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post u dwar kwalunkwe proċedimenti li jistgħu jsegwu, inkluż kwalunkwe kwistjoni relatata mal-prinċipju ta' ne bis idem; |
|
(d) |
l-immaniġġjar u d-direzzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post; |
|
(e) |
il-prospetti li x'aktarx se jaqblu dwar il-konstatazzjoni tal-fatti; |
|
(f) |
l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ħatra tal-persunal inkarigat biex iwettaq investigazzjonijiet jew spezzjonijiet fuq il-post; |
|
(g) |
il-possibbiltà li jiġi stabbilit pjan ta' azzjoni konġunta u l-iskedar tal-ħidma miż-żewġ awtoritajiet; |
|
(h) |
id-determinazzjoni ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu, b'mod konġunt jew b'mod individwali, minn kull awtorità; |
|
(i) |
il-kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni miġbura u tar-rappurtar dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet individwali meħuda; kif ukoll |
|
(j) |
kwistjonijiet speċifiċi oħra tal-każ. |
4. Meta l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba jiddeċiedu li jwettqu investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post, huma għandhom:
|
(a) |
jaqblu dwar il-proċeduri għat-twettiq u l-konklużjoni tagħha; |
|
(b) |
jidħlu fi djalogu kontinwu biex jikkoordinaw il-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni u l-konstatazzjoni tal-fatti; |
|
(c) |
jaħdmu mill-qrib u jikkooperaw ma' xulxin dwar it-twettiq tal-investigazzjoni konġunta jew tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post; |
|
(d) |
jipprovdu assistenza reċiproka dwar proċedimenti ta' eżekuzzjoni sussegwenti sa fejn ikun legalment permissibbli, inkluż bil-koordinazzjoni ta' kwalunkwe proċedimenti jew azzjoni ta' infurzar relatati mal-eżitu (kemm jekk amministrattivi, ċivili jew kriminali) tal-investigazzjoni konġunta jew tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post jew, fejn xieraq, il-prospetti ta' soluzzjoni. |
|
(e) |
jidentifikaw id-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li jirregolaw is-suġġett tal-investigazzjoni konġunta jew tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post; |
|
(f) |
meta rilevanti, jikkunsidraw mill-inqas dan li ġej:
|
Artikolu 9
Proċeduri għal assistenza fl-irkupru ta' sanzjonijiet pekunjarji
1. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkonsultaw ma' xulxin meta talba għal assistenza fl-irkupru ta' sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-aħjar mod kif jista' jingħata effett utli għat-talba. L-awtoritajiet għandhom iqisu l-azzjonijiet diġà meħuda mill-awtorità rikjedenti fil-ġurisdizzjoni tagħha u l-qafas nazzjonali dwar l-irkupru ta' sanzjonijiet tal-awtorità li ssirilha t-talba.
2. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi l-għajnuna jew tagħmel disponibbli kwalunkwe informazzjoni mitluba għall-finijiet ta' dan l-Artikolu skont il-liġi nazzjonali rilevanti. Meta l-assistenza mitluba tista' tiġi pprovduta jew l-informazzjoni tista' tkun disponibbli għal awtorità oħra jew korp rilevanti tal-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha toffri li tipprovdi lill-awtorità rikjedenti bl-informazzjoni meħtieġa biex ikun stabbilit kuntatt dirett bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità jew korp ieħor li għandu l-informazzjoni mitluba, skont il-liġi nazzjonali.
Artikolu 10
Skambju ta' informazzjoni mhux mitluba
1. Għall-finijiet ta' trażmissjoni ta' informazzjoni mhux mitluba, skont l-Artikolu 16(4) u l-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, jew meta awtorità kompetenti jkollha informazzjoni li hija temmen li tista' tassisti awtorità kompetenti oħra fit-twettiq ta' dmirijietha skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014, hija għandha tittrażmetti din l-informazzjoni bil-miktub bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniku sigur, lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti maħtur skont l-Artikolu 2.
2. Meta l-awtorità kompetenti li tibgħat l-informazzjoni, taħseb li l-informazzjoni għandha tintbagħat b'urġenza, din tista' tinforma lill-awtorità l-oħra verbalment, dment li ssir trażmissjoni sussegwenti bil-miktub mingħajr dewmien żejjed.
3. Awtorità kompetenti li tibgħat informazzjoni li ma tkun intalbet għandha tagħmel dan permezz tal-formola li tidher fl-Anness IV, filwaqt li tidentifika b'mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.
Artikolu 11
Restrizzjonijiet u l-użi permissibbli ta' informazzjoni
1. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jinkludu twissija ta' kunfidenzjalità xierqa fi kwalunkwe talba għal assistenza, tweġiba għal talba għal assistenza jew trażmissjoni ta' informazzjoni mhux mitluba skont il-formoli stabbiliti fl-Annessi.
2. Meta, sabiex tiġi eżegwita t-talba, l-awtorità li ssirilha t-talba hija rikjesta li tiddivulga l-fatt li l-awtorità rikjedenti tkun għamlet talba, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tiddivulga dan biss wara li tkun iddiskutiet in-natura u id-daqs tad-divulgazzjoni neċessarja mal-awtorità rikjedenti u wara li tkun kisbet il-kunsens tagħha għal tali divulgazzjoni. Meta l-awtorità rikjedenti ma tagħtix il-kunsens tagħha għad-divulgazzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba ma għandhiex taġixxi fuq it-talba, u l-awtorità rikjedenti tista' tirtira jew tissospendi t-talba tagħha sakemm tkun tista' tagħti tali kunsens għad-divulgazzjoni.
3. L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 10 għandha tintuża biss għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew għall-infurzar tagħhom, inkluż, iżda mhux limitat għall-bidu, it-twettiq jew l-assistenza fi proċedimenti kriminali, amministrattivi, ċivili jew dixxiplinarji li jirriżultaw minn ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).