6.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/48


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/175

tat-2 ta' Frar 2018

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jistipula li d-denominazzjoni tal-bejgħ ta' xorb spirituż tal-kategorija 9 “Spirtu tal-frott” għandha tkun “spirtu” preċeduta mill-isem tal-frotta, berry jew ħaxixa li tintuża. Madankollu, f'uħud mil-lingwi uffiċjali d-drawwa hi li dawk id-denominazzjonijiet tal-bejgħ jiġu espressi billi isem il-frotta jiġi supplimentat b'suffiss. Għalhekk, l-indikazzjoni ta' denominazzjoni tal-bejgħ li tikkonsisti minn isem il-frotta supplimentat b'suffiss għandha tiġi permessa għal spirti tal-frott b'tikketta b'kitba b'dawk il-lingwi uffiċjali.

(2)

Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kategorija 10 “Spirtu tas-sidru u spirtu tal-perry” ma jipprevedux b'mod ċar il-possibbiltà li s-sidru u l-perry jiġu distillati flimkien bl-għan li tiġi prodotta din il-kategorija ta' xorb spirituż. Madankollu, f'ċerti każijiet, ix-xorb spirituż tradizzjonalment jinkiseb permezz tad-distillazzjoni tas-sidru u tal-perry flimkien. Għalhekk, id-definizzjoni ta' din il-kategorija ta' xorb spirituż għandha tiġi modifikata sabiex tippermetti b'mod espliċitu l-possibbiltà li s-sidru u l-perry jiġi distillati flimkien fejn dan ikun previst minn metodi ta' produzzjoni tradizzjonali. F'dawk il-każijiet, huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli dwar id-denominazzjoni tal-bejgħ korrispondenti. Sabiex jiġu evitati diffikultajiet għall-atturi ekonomiċi, ikun xieraq ukoll li tiġi stabbilita dispożizzjoni tranżitorja b'rabta mad-denominazzjoni tal-bejgħ ta' xorb spirituż li jkun ġie prodott qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(3)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Punt (f) tal-kategorija 9 jinbidel b'dan li ġej:

“(f)

Id-denominazzjoni tal-bejgħ ta' spirtu tal-frott għandha tkun “spirtu” preċeduta mill-isem tal-frotta, berry jew ħaxixa, bħal: spirtu taċ-ċirasa, li jista' jissejjaħ ukoll kirsch, spirtu tal-għanbaqar li jista' jissejjaħ ukoll slivovitz, spirtu tal-mirabella, tal-ħawħ, tat-tuffieħ, tal-lanġas, tal-berquq, tat-tin, taċ-ċitru jew tal-għeneb jew spirtu ta' frott ieħor. Din id-denominazzjoni tal-bejgħ tista' tiġi espressa billi jintuża isem il-frotta supplimentat b'suffiss, meta tiġi espressa biċ-Ċek, bil-Kroat, bil-Grieg, bil-Pollakk, bis-Slovakk, bis-Sloven u bir-Rumen.

Jista' jissejaħ ukoll wasser, flimkien ma' isem il-frotta.

Isem il-frotta jista' jissostitwixxi “spirtu ta'” segwit minn isem il-frotta fil-każ tal-frott jew berries li ġejjin biss:

mirabella (Prunus domestica L. subsp. syriaca (Borkh.) Janch. ex Mansf.)

għanbaqar (Prunus domestica L.),

quetsch (Prunus domestica L.),

frott tal-ubrjagola (Arbutus unedo L.),

tuffieħ tat-tip “Golden Delicious”.

Jekk ikun hemm ir-riskju li l-konsumatur finali ma jifhimx faċilment waħda minn dawk id-denominazzjonijiet tal-bejgħ li ma jinkludux il-kelma “spirtu”, it-tikkettar u l-prezentazzjoni għandhom jinkludu l-kelma “spirtu”, li tista' tiġi supplimentata bi spjegazzjoni.”;

(2)

Il-kategorija 10 tinbidel b'dan li ġej:

“10.

Spirtu tas-sidru, spirtu tal-perry u spirtu tas-sidru u tal-perry

(a)

Spirtu tas-sidru, spirtu tal-perry u spirtu tas-sidru u tal-perry huma xarbiet spiritużi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

huma prodotti esklussivament permezz tad-distillazzjoni tas-sidru jew tal-perry f'anqas minn 86 % vol. sabiex id-distillat ikollu l-aroma u t-togħma miġjuba mill-frott;

(ii)

fihom kwantità ta' sustanzi volatili li tilħaq jew taqbeż il-200 gramma għal kull ettolitru ta' 100 % vol. ta' alkoħol;

(iii)

fihom kontenut massimu ta' metanol ta' 1 000 gramma għal kull ettolitru ta' 100 % vol. alkoħol.

Il-kundizzjoni msemmija fil-punt (i) m'għandhiex teskludi xarbiet spiritużi prodotti skont metodi ta' produzzjoni tradizzjonali li jippermettu d-distillazzjoni tas-sidru u tal-perry flimkien. F'dawk il-każijiet, id-denominazzjoni tal-bejgħ għandha tkun “spirtu tas-sidru u tal-perry”.

(b)

Il-qawwa alkoħolika minima skont il-volum tal-ispirtu tas-sidru, tal-spirtu tal-perry u tal-ispirtu tas-sidru u tal-perry għandha tkun ta' 37,5 %.

(c)

M'għandha ssir l-ebda żieda ta' alkoħol, kemm jekk dilwit kif ukoll jekk le, hekk kif definit fil-punt (5) tal-Anness I.

(d)

L-ispirtu tas-sidru, l-ispirtu tal-perry u l-ispirtu tas-sidru u tal-perry ma għandhom jiġu miżjuda b'ebda sustanzi tat-taħwir.

(e)

L-ispirtu tas-sidru, l-ispirtu tal-perry u l-ispirtu tas-sidru u tal-perry jista' jkollhom miżjud fihom biss karamella, bħala mezz sabiex jiġi adattat il-kulur.”.

Artikolu 2

Xarbiet alkoħoliċi tal-kategorija 10 fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 u d-denominazzjonijiet tal-bejgħ tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dak ir-Regolament fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.