26.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/125

tal-24 ta' Jannar 2018

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti (minn hawn 'il quddiem imsejħa n-“Nomenklatura Magħquda”), li hija stabbilita fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(2)

In-nota addizzjonali 2(f) tal-Kapitolu 27 tan-Nomenklatura Maqgħuda tiddefinixxi l-familja ta' prodotti msemmija bħala “żjut karburanti”. Dawn il-prodotti huma klassifikati jew fis-subintestaturi 2710 19 51 sa 2710 19 68 jew fis-subintestaturi 2710 20 31 sa 2710 20 39, skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet fiżikokimiċi tagħhom.

(3)

Wieħed minn dawn il-karatteristiċi fiżikokimiċi huwa n-numru ta' saponifikazzjoni. Iż-“Żjut karburanti” tal-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tan-nota addizzjonali 2(f) għandu jkollhom numru ta' saponifikazzjoni ta' inqas minn 4. Din ir-regola tapplika għall-prodotti fis-subintestaturi 2710 19 51 sa 2710 19 68. Madankollu, issir eċċezzjoni għall-prodotti fis-subintestaturi 2710 20 31 sa 2710 20 39 (prodotti li fihom esteri monoalkiliċi ta' aċidi xaħmin jew “FAMAE”) meta n-numru ta' saponifikazzjoni jkun ogħla minn 4. Dik l-eċċezzjoni attwalment hija mniżżla f'nota f'qiegħ il-paġna tan-nota addizzjonali 2(f).

(4)

L-eċċezzjoni attwalment f'nota f'qiegħ il-paġna tan-nota addizzjonali 2(f) tenħtieġ li tiġi estiża sabiex tqis l-iżviluppi fit-teknoloġija, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' fjuwils li jiġġeddu li fihom żjut u xaħmijiet mill-annimali jew mill-ħxejjex. Jeħtieġ li din tiġi estiża wkoll biex tindirizza l-potenzjal ta' falsifikazzjoni tad-diżil li ġeneralment jinkiseb biż-żieda ta' kwantitajiet żgħar ta' xaħmijiet jew żjut veġetali jew tal-annimali fid-diżil sabiex minn diżil (soġġett għad-dazji tas-sisa) tinbidel il-klassifikazzjoni tagħhom għal prodotti oħrajn (li mhumiex soġġetti għad-dazji tas-sisa). B'mod partikolari, iż-żieda ta' żjut veġetali sservi biex jinbidel il-parametru ta' distillazzjoni u biex jinkiseb numru ta' saponifikazzjoni ugwali għal 4 jew aktar. Iż-żieda ta' kwantitajiet żgħar ta' sustanzi bħal dawn mill-perspettiva fiżikokimika ma tbiddilx il-karattru essenzjali tagħhom bħala żjut tal-fjuwil. Xorta jintużaw bħala żjut tal-fjuwil. Għalhekk f'dawn il-każijiet, it-tneħħija tar-rekwiżit li n-numru ta' saponifikazzjoni jkun inqas minn 4 se tiżgura li dawn il-prodotti jiġu kklassifikati b'mod korrett bħala żjut tal-fjuwil u mhux bħala prodotti oħra.

(5)

L-eċċezzjoni attwali għall-prodotti li fihom FAMAE wkoll tenħtieġ li tiġi estiża sabiex tkopri prodotti b'numru ta' saponifikazzjoni ta' 4, u mhux biss il-prodotti b'numru ta' aktar minn 4.

(6)

In-nota addizzjonali 2(f) tal-Kapitolu 27 jenħtieġ għaldaqstant li tiġi emendata biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi mal-Unjoni kollha.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 27 tan-Nomenklatura Magħquda stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, qed tiġi emendata n-nota addizzjonali 2(f) kif ġej:

(1)

l-ewwel inċiż fl-ewwel paragrafu, inkluż in-nota f'qiegħ il-paġna, jinbidel b'dan li ġej:

“—

li ma jaqbiżx dak li jidher fil-linja I tat-tabella li ġejja meta l-kontenut ta' rmied issulfat huwa inqas minn 1 % bil-metodu ISO 3987 u n-numru ta' saponifikazzjoni huwa inqas minn 4 bil-metodu ISO 6293-1 jew 6293-2 (ħlief meta l-prodott ikun fih bijokomponent wieħed jew iktar; f'dan il-każ ma japplikax ir-rekwiżit f'dan l-inċiż li n-numru ta' saponifikazzjoni għandu jkun anqas minn 4),”;

(2)

il-paragrafu erbgħa li ġej għandu jiddaħħal:

“It-terminu ‘bijokomponent’ ifisser xaħmijiet mill-annimali jew mill-ħxejjex, żjut mill-annimali jew mill-ħxejjex, jew esteri monoalkiliċi ta' aċidi xaħmin (FAMAE)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.