|
23.1.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 17/11 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/97
tat-22 ta' Jannar 2018
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tas-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa fil-prodotti fini tal-forn
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
|
(2) |
Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni, jew wara li titressaq applikazzjoni. |
|
(3) |
Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tal-Acesulfame K (E 950), tal-Aspartame (E 951), tal-Aċidu ċiklamiku (E 952) u tal-imluħa Na u Ca tiegħu, taz-Zakkarina (E 954) u tal-imluħa Na, K u Ca tagħha, tas-Sukralożju (E 955), tan-Neoesperidina DC (E 959), tan-Neotame (E 961), tal-Melħ tal-aspartame-acesulfame (E 962) u tal-Advantame (E 969) fi “prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali”. |
|
(4) |
L-użu ta' sustanzi li jagħtu l-ħlewwa fi “prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali” ġie awtorizzat bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE (3). L-ikel “prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali” kopra l-“ikel għall-persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete)” irregolati bid-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE (4). Din id-Direttiva stabbiliet definizzjoni komuni għall-“oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari” u pprevediet li jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' “ikel għall-persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete)”, kategorija ta' ikel li taqa' taħt id-definizzjoni ta' oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari. |
|
(5) |
Madankollu, kif ġie konkluż fir-rapport tal-Kummissjoni (5) dwar ikel għall-persuni li jbatu mid-dijabete, il-bażi xjentifika għat-twaqqif ta' rekwiżiti speċifiċi ta' kompożizzjoni għal dak l-ikel kienet nieqsa. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ħassar il-kunċett ta' “oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari”, inkluż dak ta' “ikel għall-persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete)”. |
|
(6) |
Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta' dawk is-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa fi “prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali” skont l-Artikolu 7(c) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 ma għadhiex iġġustifikata u jenħtieġ li dawk il-prodotti ma jibqgħux jiġu kkummerċjalizzati. |
|
(7) |
Barra minn hekk, l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-użu ta' sustanzi li jagħtu l-ħlewwa tiżgura ċ-ċarezza u l-funzjonament kif suppost tas-suq intern. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li jitħassru l-annotazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel Acesulfame K (E 950), tal-Aspartame (E 951), tal-Aċidu ċiklamiku (E 952) u tal-imluħa Na u Ca tiegħu, taz-Zakkarina (E 954) u tal-imluħa Na, K u Ca tagħha, tas-Sukralożju (E 955), tan-Neoesperidina DC (E 959), tan-Neotame (E 961), tal-Melħ tal-aspartame-acesulfame (E 962) u tal-Advantame (E 969) li jirreferu għall-użu fi “prodotti fini tal-forn [biss] għal użu nutrittiv speċjali” fil-kategorija tal-ikel 07.2 — prodotti fini tal-forn. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan. |
|
(10) |
Sabiex l-operaturi ekonomiċi jitħallew jadattaw għar-regoli l-ġodda, huwa xieraq li jiġi previst perjodu tranżizzjonali li matulu l-prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali li jkun fihom xi waħda minn dawk is-sustanzi li jagħtu ħlewwa jkunu jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali li jkun fihom l-Acesulfame K (E 950), tal-Aspartame (E 951), tal-Aċidu ċiklamiku (E952) u tal-imluħa Na u Ca tiegħu, taz-Zakkarina (E 954) u tal-imluħa Na, K u Ca tagħha, tas-Sukralożju (E 955), tan-Neoesperidina DC (E 959), tan-Neotame (E 961), tal-Melħ tal-aspartame-acesulfame (E 962) u tal-Advantame (E 969) li jkunu tqiegħdu fis-suq b'mod legali qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm il-ħażniet jiġu eżawriti.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Jannar 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.
(3) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE tat-30 ta' Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f'oġġetti tal-ikel (ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari (89/398/KEE) (ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27).
(5) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ikel għal persuni li jbatu minn taqlib fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete) tal-1 ta' Lulju 2008 (KUMM/2008/ 392 finali).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).
ANNESS
Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:
|
1. |
L-annotazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel Acesulfame K (E 950), Aspartame (E 951), Aċidu ċiklamiku (E 952) u l-imluħa Na u Ca tiegħu, Zakkarina (E 954) u l-imluħa Na, K u Ca tagħha, Sukralożju (E 955), Neoesperidina DC (E 959), Neotame (E 961), Melħ tal-aspartame-acesulfame (E 962) u Advantame (E 969) li jirreferu għall-użu fi “prodotti fini tal-forn [biss] għal użu nutrittiv speċjali” fil-kategorija tal-ikel 07.2 — “Prodotti fini tal-forn” — jitħassru. |