20.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/82

tad-19 ta' Jannar 2018

li jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 891/2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1085 (2) emenda l-Parti I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 891/2009 (3) skont il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 rigward il-modifika ta' konċessjonijiet fl-iskeda tar-Repubblika tal-Kroazja fil-kuntest tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea (4) (“il-Ftehim”), billi ssupplimenta l-allokazzjoni għall-Brażil. L-allokazzjoni supplimentari tammonta għal 19 500 tunnellata għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2016/2017, u għal 78 000 tunnellata għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni minn 2017/2018 sa 2022/2023. Għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2023/2024, l-ammonti addizzjonali tal-allokazzjoni jammontaw għal 58 500 tunnellata. L-allokazzjoni supplimentari hija ġestita permezz ta' żewġ numri ġodda tal-ordni, 09.4329 u 09.4330, li għandhom rata differenti fil-kwota meta mqabbel mal-volumi allokati preċedentement bin-numru tal-ordni 09.4318 għal oriġini Brażil.

(2)

Bi żball, żewġ numri ġodda tal-ordni u r-rati fil-kwota għall-kwota tal-Brażil ma ġewx miżjuda fit-termini normattivi tar-Regolament (KE) Nru 891/2009, għalkemm iz-zokkor kollu minn dik il-kwota jrid jissodisfa l-istess kundizzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward ta' applikazzjonijiet għal-liċenzji ta' importazzjoni u ċ-ċertifikati ta' oriġini. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu kkoreġuti dawk l-iżbalji billi jiddaħħlu ż-żewġ numri l-ġodda tal-ordni u r-rati fil-kwota fit-termini normattivi tar-Regolament (KE) Nru 891/2009.

(3)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 891/2009 jenħtieġ li jiġi kkoreġut kif xieraq.

(4)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tal-operaturi kollha li jikkonċernaw l-allokazzjoni supplimentari tal-Brażil miż-żieda tagħha 'l hawn, dan ir-Regolament għandu japplika b'mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 891/2009 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 6, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

fil-kaxxa 8, il-pajjiż tal-oriġini.

Il-konċessjonijiet taz-zokkor tas-CXL bin-numri tal-ordni 09.4317, 09.4318, 09.4319, 09.4321, 09.4329 u 09.4330 u għaz-zokkor mill-Balkani, għandha tiġi mmarkata b'salib il-kelma “iva” fil-kaxxa 8. Dawk il-liċenzji għandhom jobbligaw l-importazzjoni mill-pajjiż speċifikat;”

(2)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Għall-konċessjonijiet taz-zokkor tas-CXL bin-numri tal-ordni 09.4317, 09.4318, 09.4319, 09.4320, 09.4329 u 09.4330, l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati b'impenn mill-applikant li jirraffina l-kwantitajiet taz-zokkor inkwistjoni qabel tmiem it-tielet xahar wara dak li fih tiskadi l-liċenzja tal-importazzjoni kkonċernata.”

(3)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera

Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għall-kwoti tal-konċessjonijiet taz-zokkor tas-CXL bin-numri tal-ordni 09.4317, 09.4318, 09.4319, 09.4321, 09.4329 u 09.4330 għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' oriġini maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat skont l-Artikoli 55 sa 65 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Għall-konċessjonijiet taz-zokkor tas-CXL bin-numri tal-ordni 09.4317, 09.4318, 09.4319, 09.4320, 09.4329 u 09.4330 fejn il-qari polarimetriku taz-zokkor importat mhux raffinat jibda minn 96 grad, ir-rata ta' EUR 98, EUR 11 u EUR 54 rispettivament, għal kull tunnellata għandha tiżdied jew titnaqqas, kif ikun xieraq, b'0,14 % għal kull deċimu ta' grad differenza stabbilit.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1085 tad-19 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 891/2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (ĠU L 156, 20.6.2017, p. 19).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta' Settembru 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82).

(4)  ĠU L 108, 26.4.2017, p. 3.