20.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/81

tas-16 ta' Jannar 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat elettriku għat-trattament tal-ġilda u t-tneħħija tax-xagħar bit-teknoloġija tal-lażer, li juża żewġ lażers b'tul ta' mewġ differenti (755 u 1 064  nm). Għandu dimensjonijiet ta' madwar 104 × 38 × 64 cm u piż ta' 82 kg.

B'dan l-apparat jistgħu jsiru diversi trattamenti fosthom it-tneħħija tax-xagħar, it-tixtil kożmetiku, it-trattament tal-vini tal-wiċċ u tas-saqajn, it-trattament tal-pigmentazzjoni mhux uniformi (pereżempju t-tbajja' tax-xemx) u t-trattament ta' leżjonijiet oħra pigmentati beninni kif ukoll vaskulari.

L-apparat huwa ddisinjat biex jintuża kemm f'ċentri tas-sbuħija mingħajr l-intervent ta' tabib kif ukoll f'ċentri mediċi awtorizzati taħt is-superviżjoni ta' tabib.

Ara l-istampa (*1).

8543 70 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċi NM 8543 , 8543 70 u 8543 70 90 .

Il-fatt li l-apparat jintuża prinċipalment biex itejjeb l-estetika u li jista' jintuża barra l-ambjent mediku (bħal f'ċentru tas-sbuħija) u mingħajr l-intervent ta' tabib jindika li l-apparat mhuwiex maħsub għal użu mediku. L-apparat jista' jittratta wkoll patoloġiji differenti iżda dan it-trattament jista' jitwettaq ukoll barra l-ambjent mediku u għalhekk ma hemmx indikazzjonijiet biżżejjed li kapaċi jistabbilixxu li l-apparat huwa maħsub għal użu mediku (ara l-Każ C-547/13, Oliver Medical, ECLI:EU:C:2015:139). Għalhekk, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9018 bħala apparat użat fi xjenzi mediċi hija eskluża.

Għaldaqstant l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8543 70 90 bħala apparat elettriku, b'funzjoni individwali, mhux speċifikat jew inkluż imkien ieħor fil-Kapitolu 85.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.