11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/26


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/33

tat-28 ta' Settembru 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format ta' preżentazzjoni standardizzat tad-dikjarazzjoni tat-tariffi u s-simbolu komuni tagħha skont id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tiegħu.

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/92/UE teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jipprovdu lill-konsumatur, tal-inqas darba fis-sena u bla ħlas, b'dikjarazzjoni tat-tariffi kollha mġarrba, kif ukoll, jekk applikabbli, informazzjoni dwar ir-rati ta' imgħax għal servizzi marbuta ma' kont tal-ħlas. Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas huma meħtieġa li jużaw it-termini standardizzati fil-lista finali tal-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas. Il-listi finali għandhom jiġu ppubblikati mill-Istati Membri, fejn jintegraw it-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/32 (2).

(2)

Sabiex jiżguraw li d-dikjarazzjoni tat-tariffi tilħaq l-għanijiet tad-Direttiva 2014/92/UE u fl-istess ħin, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni kollha rilevanti b'mod aktar trasparenti u biex ikun jista' jqabbel aktar, jinħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jużaw mudell standardizzat għad-dikjarazzjoni tat-tariffi.

(3)

Fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-pakketti ta' servizzi marbuta ma' kont tal-ħlas, għandu jitqies li hemm tipi differenti ta' pakketti offruti minn fornituri tas-servizzi tal-ħlas. Il-forniment ta' ċerti pakketti huwa inkluż f'tariffa ġenerali, bħal pereżempju għaż-żamma jew l-operat tal-kont, filwaqt li pakketti oħra jridu jitħallsu separatament minn din it-tariffa ġenerali u xi pakketti jinkludu ċertu ammont ta' servizzi. Sabiex il-konsumatur isibha iktar faċli biex jifhem il-kontenut tat-tipi differenti ta' pakketti u t-tariffi tagħhom, jinħtieġ li d-dikjarazzjoni tat-tariffi telenka l-pakketti separatament. B'mod partikolari, jekk il-pakketti jitħallsu bħala parti minn tariffa ġenerali, jinħtieġ li dawn il-pakketti jintwerew flimkien ma' din it-tariffa.

(4)

L-Istati Membri jistgħu jesiġu li jiġu pprovduti indikaturi ewlenin bħal indikatur komprensiv tal-ispiża mad-dikjarazzjoni tat-tariffi. Għalhekk jinħtieġ li l-mudell għad-dikjarazzjoni tat-tariffi jinkludi tabella separata biex tintuża minn dawk il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas li huma soġġetti għal dawn il-kundizzjonijiet.

(5)

Barra minn hekk, minħabba li jinħtieġ li d-dikjarazzjoni tat-tariffi tiġi prodotta faċilment mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, jinħtieġ li jkun hemm struzzjonijiet faċli għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlas dwar kif għandha titlesta d-dikjarazzjoni tat-tariffi.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (“ABE”) lill-Kummissjoni Ewropea.

(7)

L-ABE wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mudell għad-dikjarazzjoni tat-tariffi u s-simbolu komuni tagħha

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jużaw il-mudell kif stabbilit fl-Anness u jimlewh skont kif previst fl-Artikoli minn 2 sa 18.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas ma jistgħux jimmodifikaw il-mudell għad-dikjarazzjoni tat-tariffi meta jimlewh b'mod li mhux dak previst f'dan ir-Regolament. B'mod partikolari, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom isegwu l-ordni tal-informazzjoni, l-intestaturi u s-subintestaturi stabbiliti fil-mudell.

3.   Id-dikjarazzjoni tat-tariffi:

(a)

għandha tkun ippreżentata fil-format A4;

(b)

għandu jkollha t-titolu “Dikjarazzjoni tat-tariffi” fil-biċċa ta' fuq tal-ewwel paġna, bit-titolu fin-nofs bejn il-logo tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas fin-naħa ta' fuq tal-lemin tad-dokument u s-simbolu komuni fuq in-naħa ta' fuq tal-lemin tad-dokument;

(c)

għandu jkollha s-simbolu komuni ta' daqs mhux akbar minn 2,5 cm × 2,5 cm u muri kif jidher fil-mudell stabbilit fl-Anness;

(d)

għandha tuża t-tip ta' font Arial jew tip ta' font simili għal Arial u d-daqs tat-tipa 11, bl-eċċezzjoni tat-titolu “Dikjarazzjoni tat-Tariffi” li juża daqs tat-tipa 16 b'tipa grassa; tipa tad-daqs 14 b'tipa grassa għal intestaturi, u daqs tat-tipa 12 b'tipa grassa għas-sub-intestaturi, sakemm ma jkunx hemm bżonn ta' tipa akbar jew l-użu tal-braille għall-persuni li għandhom diffikultà bil-vista skont il-liġi nazzjonali jew bi ftehim bejn il-konsumatur u l-fornitur ta' servizzi tal-ħlas;

(e)

għandha tkun riprodotta iswed u abjad, bl-eċċezzjoni tal-logo tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas u s-simbolu komuni li jista' jiġi ppreżentat bil-kulur, kif stipulat fl-Artikolu 2;

(f)

għandu jkun fiha intestaturi bil-kulur kważi griż skur bid-disinn tal-kuluri bin-numru ta' referenza 166,166,166 tal-mudell tal-kuluri RGB u s-subintestaturi b'kulur griż ċar bid-disinn tal-kulur bin-numru ta' referenza 191,191,191 tal-mudell tal-kulur RGB;

(g)

għandu jkollha l-paġni numerati.

Artikolu 2

Is-simbolu komuni u l-logo tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas

1.   Jekk is-simbolu komuni jintwera bil-kulur għandu jsegwi d-disinn tal-kulur bin-numru ta' referenza 0/51/153 (eżadeċimali: 003399) tal-mudell tal-kulur RGB għall-isfond u d-disinn tal-kulur 255/204/0 (eżadeċimali: FFCC00) tal-mudell tal-kulur RGB għas-simbolu.

2.   Il-logo tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas għandu jkun ta' daqs ekwivalenti għad-daqs tas-simbolu komuni.

3.   Il-logo jista' jintwera biss fil-kulur jekk s-simbolu komuni wkoll jintwera bil-kulur. Meta jiġi stampat bl-abjad u l-iswed is-simbolu komuni għandu jinqara faċilment.

Artikolu 3

L-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-fornitur tal-kont

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom ibiddlu l-indikazzjonijiet bejn il-parenteżi kwadri ma' isem il-fornitur tal-kont bit-tipa grassa u lejn in-naħa tax-xellug.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom ibiddlu l-indikazzjonijiet bejn il-parenteżi kwadri bid-dettalji ta' kuntatt tagħhom, bħal pereżempju l-indirizz ġeografiku, in-numru tat-telefown, l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tal-fax, is-sit web u l-persuna / l-punt ta' kuntatt li jista' juża d-detentur tal-kont tal-ħlas għal korrispondenza futura.

Dawn id-dettalji ta' kuntatt għandhom jintwerew ixaqilbu fuq in-naħa tax-xellug.

Artikolu 4

L-isem u d-dettalji ta' kuntatt tad-detentur tal-kont tal-ħlas

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom ibiddlu l-indikazzjonijiet bejn il-parenteżi kwadri bl-isem tad-detentur tal-kont tal-ħlas.

Dan l-isem għandu jidher b'tipa grassa, fuq in-naħa tax-xellug.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom ibiddlu l-indikazzjonijiet bejn il-parenteżi kwadri bl-indirizz ġeografiku tad-detentur tal-kont tal-ħlas.

Dan l-indirizz ġeografiku għandu jintwera fuq in-naħa tax-xellug u, bl-eċċezzjoni tal-ewwel ittra ta' kull kelma, b'tipa żgħira.

Artikolu 5

L-isem tal-kont u l-identifikazzjoni

1.   Il-fornituri tas-servizz tal-ħlas għandhom juru l-isem tal-kont tal-ħlas.

Dan l-isem għandu jidher b'tipa grassa, fuq in-naħa tax-xellug u eżatt wara kliem rilevanti.

2.   Il-fornituri tas-servizz tal-ħlas għandhom juru d-dettalji li jidentifikaw il-kont tal-ħlas, bħall-Kodiċi Identifikata tal-Bank (Bank Identifier Code, BIC), in-Numru Internazzjonali tal-Kont Bankarju (International Bank Account Number, IBAN), in-numru tal-kont nazzjonali u s-sort code nazzjonali.

Dawn id-dettalji ta' kuntatt għandhom jintwerew fuq in-naħa tax-xellug.

Artikolu 6

Perjodu kalendarju

Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fir-ringiela “perjodu”, fuq in-naħa tax-xellug, il-perjodu li huwa kopert mid-dikjarazzjoni tat-tariffi.

Artikolu 7

Data

Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fir-ringiela “data”, fuq in-naħa tax-xellug, id-data kalendarja meta jipprovdu d-dikjarazzjoni tat-tariffi.

Artikolu 8

Dikjarazzjoni introduttorja

It-test tad-dikjarazzjoni introduttorja speċifikat fil-mudell għandu jiġi riprodott kif inhu fid-dikjarazzjonijiet tat-tariffi, bl-użu ta' spazju bejn il-linji 1,15, 0 pt qabel u 10 pt wara t-test.

Artikolu 9

Sommarju ta' tariffi u interessi

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru b'tipa grassa u fuq in-naħa tal-lemin l-ammonti totali ta' tariffi u interessi li għandhom ikunu inklużi fl-erba' tabelli separati taħt “Sommarju ta' tariffi u interessi”.

2.   Jekk l-imgħax mhuwiex applikabbli għal kont speċifiku, u jekk l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni hija permessa jew meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/92/UE, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jużaw il-kliem “l-interess mhux applikabbli” b'tipa żgħira, fuq in-naħa tal-lemin.

3.   Jekk japplika l-interess iżda, għal perjodu speċifiku, ikun jammonta għal zero, u jekk l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni hija permessa jew meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/92/UE, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jindikaw dan bl-użu ta' “0” fit-tabella rilevanti.

4.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru l-indikatur komprensiv tal-ispiża li jagħti sommarju tal-ispiża globali annwali tal-kont tal-ħlas f'tabella separata, jekk meħtieġ skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/92/UE. Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru t-tabella, jekk dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jeħtiġux li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas juru l-indikatur komprensiv tal-ispiża.

Artikolu 10

Dikjarazzjoni dettaljata ta' tariffi mħallsa fuq il-kont

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jelenkaw fit-tabella intitolata “Dikjarazzjoni dettaljata tat-tariffi mħallsa fuq il-kont” it-tariffi kollha li tħallsu fil-perjodu rilevanti għas-servizzi korrispondenti.

It-tariffi għall-forniment jew manutenzjoni tal-kont għandhom jitniżżlu taħt is-subintestatura “Servizzi ġenerali tal-kont”.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom idaħħlu s-servizzi fis-sottokolonna “Servizz” fuq in-naħa tax-xellug, b'tipa grassa, bl-użu ta' spazju bejn il-linji ta' 0 pt qabel u 0 pt wara kull servizz.

3.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fis-sottokolonna “L-għadd ta' drabi li ntuża s-servizz” l-għadd ta' drabi li ntuża kull servizz matul il-perjodu rilevanti tad-dikjarazzjoni tat-tariffi, fuq in-naħa tal-lemin, bit-tipa prevista fl-Artikolu 1(3)(d).

Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħallu s-sottokolonna “L-għadd ta' drabi li ntuża s-servizz” vojta jekk:

(a)

intuża servizz iżda l-fornitur tas-servizz tal-ħlas ma żammx ħlas għal dan is-servizz u

(b)

l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni hija permessa jew meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/92/UE.

4.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fis-sottokolonna “Tariffa tal-unità” l-istruttura u l-ispiża ta' kull unità tat-tariffa għal kull servizz użat, fuq in-naħa tal-lemin.

5.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fis-sottokolonna “L-għadd ta' drabi li nżamm ħlas tat-tariffa” l-għadd ta' drabi li nżamm ħlas għal kull servizz matul il-perjodu rilevanti tad-dikjarazzjoni tat-tariffi, fuq in-naħa tal-lemin. Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jindikaw dan fis-sottokolonna korrispondenti bl-użu tal-kliem “tariffa mhux imposta” jekk:

(a)

intuża servizz iżda l-ebda tariffa ma tkun ġiet imposta, u

(b)

l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni hija permessa jew meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/92/UE.

6.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fis-sottokolonna “Total” l-ammont totali tat-tariffi mħallas għall-użu ta' dak is-servizz matul il-perjodu rilevanti, b'tipa grassa.

7.   Jekk is-subintestatura ma tinkludi l-ebda servizz, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassruha. Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru s-subintestatura wkoll meta d-detentur tal-kont tal-ħlas ma jużax servizzi lil hinn mill-kwantitajiet indikati fuq il-pakkett ta' servizzi matul il-perjodu rilevanti.

8.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru l-ammont totali tat-tariffi mħallsa minn detentur tal-kont tal-ħlas matul il-perjodu rilevanti fil-kolonna “Tariffi totali mħallsa”, b'tipa grassa.

Artikolu 11

Il-preżentazzjoni tat-tip ta' tariffi

1.   Jekk jiġu imposti tariffi separati f'wieħed jew f'aktar mill-modi li ġejjin, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jipprovdu, fit-tabella “Dikjarazzjoni dettaljata tat-tariffi mħallsa fuq il-kont” fil-kolonna “Servizz” tas-servizz rispettiv fuq linja separata, deskrizzjoni ta' kull istanza fejn tħallset tariffa, kanal jew kundizzjoni (“tipi ta' tariffi”):

(a)

għal istanzi differenti ta' ħlas ta' tariffi fil-forniment tal-istess servizz, bħala t-tariffa inizjali ta' twaqqif u tariffi sussegwenti ta' eżekuzzjoni għall-istess servizz;

(b)

għal kanali differenti li permezz tagħhom jiġi mitlub, użat jew provdut l-istess servizz, bħal permezz tat-telefon, fergħa jew online;

(c)

skont jekk tiġix sodisfata kundizzjoni speċifika għall-istess servizz, bħall-konformità ma' ammont limitu massimu jew minimu għat-trasferimenti tal-kreditu jew ta' ġbid ta' flus.

Id-deskrizzjoni għandha tkun lejn in-naħa tax-xellug. It-tariffi għandhom jintwerew fil-kolonna “Tariffa għal kull unità” fuq in-naħa tal-lemin.

2.   Jekk it-tariffi li jridu jitħallsu jiddependu minn taħlita ta' diversi tipi ta' tariffi, bħal tariffi li jvarjaw skont il-kanal u mbagħad saħansitra jerġgħu jinqasmu skont jekk jintlaħaqx ammont minimu, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom, minbarra li japplikaw il-paragrafu tal-Artikolu 10(5), idaħħlu fuq in-naħa tal-lemin id-deskrizzjoni ta' kull tip ta' tariffa addizzjonali.

3.   Jekk it-tariffa tkun inbidlet matul il-perjodu rilevanti, il-fornituri tas-servizz tal-ħlas għandhom jelenkaw it-tariffi applikati matul kull perjodu, billi jżidu linji ġodda taħt il-kolonna “Tariffa għal kull unità”.

Artikolu 12

Il-preżentazzjoni tal-pakketti tas-servizzi li jridu jitħallsu bħala parti mit-tariffi taħt is-subintestatura “Servizzi ġenerali tal-kont”

1.   Jekk pakkett ta' servizzi marbut ma kont tal-ħlas jiġi offrut mal-kont u dan irid jitħallas bħala parti mit-tariffi taħt is-sottointestatura “Servizzi ġenerali tal-kont”, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jinkludu fit-tabella “Dikjarazzjoni dettaljata tat-tariffi mħallsa fuq il-kont” fir-ringiela “Pakkett ta' servizzi” l-informazzjoni dwar is-servizzi inklużi fil-pakkett fil-kolonna “Servizz” u l-għadd ta' drabi li ntuża l-pakkett fil-kolonna “Għadd ta' drabi li ntuża s-servizz”. Fil-kolonni taħt “Tariffa”, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru t-tariffa li trid titħallas għall-pakkett kollu, u l-għadd ta' drabi li tħallset it-tariffa tal-pakkett matul il-perjodu rilevanti rispettiv kif muri fl-Artikolu 11(1). Ir-ringiela għandha titħassar jekk il-pakkett ta' servizzi jrid jitħallas separatament mit-tariffia għas-servizzi ġenerali tal-kont.

2.   Kull tariffa li trid titħallas għal kwalunkwe servizz li jeċċedi l-kwantità koperta mill-pakkett għandha tiġi żvelata fit-tabella li telenka s-servizzi u t-tariffi kif imsemmija fl-Artikoli minn 1 sa 11.

3.   Jekk in-numru ta' servizzi fil-pakkett mhuwiex limitat, jew jekk il-kwantitajiet tas-servizzi koperti mill-pakkett ma nqabżux, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru d-dikjarazzjoni fil-qiegħ tar-ringiela “Servizzi lil hinn minn dawn il-kwantitajiet jridu jitħallsu separatament”.

Artikolu 13

Il-preżentazzjoni tal-pakketti tas-servizzi marbuta ma kont tal-ħlas li jridu jitħallsu separatament mit-tariffi taħt is-subintestatura “Servizzi ġenerali tal-kont”.

1.   Jekk fornitur tas-servizzi tal-ħlas jipprovdi pakkett ta' servizzi marbuta ma' kont tal-ħlas mal-kont u dak il-pakkett irid jitħallas separatament minn kwalunkwe tariffa taħt is-sottointestatura “Servizzi ġenerali tal-kont” għal servizzi ġenerali tal-kont kif imsemmija fit-tabella li telenka s-servizzi u t-tariffi, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja fit-tabella dwar il-pakkett ta' servizzi:

(a)

fil-kolonna dwar il-pakkett ta' servizzi, l-isem kummerċjali, jekk applikabbli, jew il-kontenut tal-pakkett, billi jitħassru l-parentesi kwadri;

(b)

fil-kolonna “Tariffa”, it-tariffa li trid titħallas għall-pakkett kollu għall-perjodu tad-dikjarazzjoni dwar it-tariffi, fuq in-naħa tal-lemin;

(c)

fit-tielet kolonna, l-għadd ta' drabi li kellha titħallas it-tariffa tal-pakkett matul il-perjodu rilevanti.

Kull tariffa addizzjonali li trid titħallas għal kwalunkwe servizz li jeċċedi l-kwantità koperta mill-pakkett għandha tiġi żvelata fit-tabella li telenka s-servizzi u t-tariffi kif imsemmija fl-Artikoli minn 10 sa 11.

2.   Jekk il-pakkett jiġi użat b'frekwenza regolari, il-frekwenza għandha tintwera fil-kolonna “Tariffa” fuq in-naħa tax-xellug, bl-ispiża annwali totali fuq il-linja direttament taħt il-frekwenza, b'tipa grassa u bil-kliem “Spiża annwali totali”.

3.   Jekk il-pakketti differenti jkollhom tariffi differenti matul il-perjodu rilevanti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi murija għal kull pakkett f'tabella separata.

4.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru t-tabella kollha, inkluża l-intestatura “Dettalji ta' tariffi inklużi fil-pakkett ta' servizz” jekk il-pakkett tas-servizzi ma jingħatax mal-kont jew jekk il-pakkett tas-servizzi offrut mal-kont irid jitħallas bħala parti mit-tariffa għal kull servizz ġenerali tal-kont.

5.   Jekk in-numru tas-servizzi kollha fil-pakkett mhuwiex limitat, jew jekk il-kwantitajiet tas-servizzi koperti mill-pakkett ma nqabżux, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru d-dikjarazzjoni fil-qiegħ tat-tabella li tgħid “Servizzi lil hinn minn dawn il-kwantitajiet jridu jitħallsu separatament”.

Artikolu 14

Dettalji tal-imgħax imħallas fuq il-kont

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juri fit-tabella “Dettall tal-imgħax imħallas fuq il-kont” l-imgħax imħallas mid-detentur tal-kont tal-ħlas matul il-perjodu kopert mid-dikjarazzjoni tat-tariffi, jekk applikabbli.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru r-rata tal-imgħax fil-kolonna “Rata tal-imgħax” u bħala perċentwali applikata fuq bażi annwali. Jekk ir-rata tal-imgħax inbidlet matul il-perjodu rilevanti, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jelenkaw kull rata tal-imgħax li applikat matul kull perjodu fuq linja separata.

3.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fil-kolonna “Imgħax” l-imgħax imħallas mid-detentur ta' kont tal-ħlas, espress fil-munita tal-kont, b'tipa grassa. Jekk ir-rata tal-imgħax inbidlet matul il-perjodu rilevanti, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jelenkaw l-imgħax imħallas mid-detentur tal-kont tal-ħlas separatament għal kull perjodu individwali, fuq linja separata.

4.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru l-ammont totali tal-imgħax imħallas mid-detentur tal-kont tal-ħlas matul il-perjodu rilevanti, fir-ringiela “Imgħax totali mħallas”, b'tipa grassa.

5.   Jekk ma jitħallas l-ebda mgħax mid-detentur tal-kont tal-ħlas għaliex l-imgħax mhuwiex applikabbli għall-kont, u jekk l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni hija permessa jew meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/92/UE, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jindikaw dawn permezz tal-kliem “l-interess mhux applikabbli” b'tipa żgħira, fuq in-naħa tax-xellug, b'tipa grassa, fir-ringiela “Imgħax totali mħallas”.

Artikolu 15

Dettalji tal-imgħax irċevut fuq il-kont

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fit-tabella “Dettall tal-imgħax irċevut fuq il-kont” l-imgħax irċevut mid-detentur tal-kont tal-ħlas matul il-perjodu kopert mid-dikjarazzjoni tat-tariffi, jekk applikabbli.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom ibiddlu “Isem tal-kont” bl-isem tal-kont tal-ħlas rilevanti.

3.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru r-rata tal-imgħax fil-kolonna “Rata tal-imgħax” u bħala perċentwali applikata fuq bażi annwali. Jekk ir-rata tal-imgħax inbidlet matul il-perjodu rilevanti, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jelenkaw kull rata tal-imgħax li applikat matul kull perjodu fuq linja separata.

4.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fil-kolonna “Imgħax” l-imgħax irċevut mid-detentur ta' kont tal-ħlas, espress fil-munita tal-kont, b'tipa grassa, fil-kolonna “Imgħax”. Jekk ir-rata tal-imgħax inbidlet matul il-perjodu rilevanti kopert mid-dikjarazzjoni tat-tariffi, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jelenkaw l-imgħax irċevut mid-detentur tal-kont tal-ħlas separatament għal kull perjodu rilevanti individwali, fuq linja separata. Jekk ir-rata tal-imgħax hija applikabbli iżda, għal perjodu speċifiku, tammonta għal zero, il-fornituri tas-servizz tal-ħlas għandhom juru “0” fil-kolonna “Imgħax”.

5.   Jekk kont partikolari ma jħallasx imgħax għaliex ma japplika l-ebda interess għall-kont, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jindikaw bil-kliem “interess mhux applikabbli”, b'tipa żgħira, fuq in-naħa tax-xellug, fil-kolonna “Imgħax”.

6.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru fir-ringiela “Imgħax totali rċevut” l-imgħax totali rċevut mid-detentur tal-kont tal-ħlas matul il-perjodu kopert mid-dikjarazzjoni tat-tariffi, b'tipa grassa.

7.   Jekk ma jitħallas l-ebda mgħax mid-detentur tal-kont tal-ħlas għaliex l-imgħax mhuwiex applikabbli għall-kont, u jekk l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni hija permessa jew meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/92/UE, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jindikaw dan permezz tal-kliem “l-interess mhux applikabbli” b'tipa żgħira, fuq in-naħa tax-xellug, b'tipa grassa, fir-ringiela “Imgħax totali rċevut”.

Artikolu 16

Informazzjoni addizzjonali

1.   Il-fornituri tas-servizz tal-ħlas għandhom juru fit-tabella “Informazzjoni addizzjonali” kull informazzjoni addizzjonali li tmur lil hinn mill-informazzjoni koperta mill-Artikoli minn 2 sa 15 u li hija direttament marbuta mas-servizzi jew tariffi mħallsa jew l-imgħax imħallas jew irċevut, jew ir-rati ta' imgħax applikati, kif imsemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/92/UE matul il-perjodu kopert mid-dikjarazzjoni tat-tariffi. L-informazzjoni addizzjonali murija f'dik it-tabella għandha tinkludi l-informazzjoni meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

2.   Jekk jimlew it-tabella l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom isegwu l-format tal-preżentazzjoni kif stabbilit f'dan ir-Regolament, jekk applikabbli.

3.   Il-fornituri tas-servizz tal-ħlas għandhom iħassru din it-tabella jekk ma jipprovdux l-informazzjoni tat-tip speċifikat fil-paragrafu 1.

Artikolu 17

Ismijiet tad-ditti

Jekk jintuża isem kummerċjali, huwa għandu jintwera eżatt wara l-isem tas-servizz, bit-tipa msemmija fl-Artikolu 1(3)(d) ta' font standard u f'parentesi kwadri.

Artikolu 18

L-użu ta' mezzi elettroniċi

1.   Jekk id-dikjarazzjoni tat-tariffi tingħata b'mezzi elettroniċi l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jistgħu, jekk fl-istess ħin il-konsumatur ma jkunx fornut b'kopja tad-dikjarazzjoni tat-tariffi skont il-mudell stabbilit fl-Anness u mimlija kif previst mill-Artikoli minn 2 sa 17, jimmodifikaw il-mudell biss f'dawn il-modi li ġejjin:

(a)

b'deroga mill-punt (d) tal-Artikolu 1(3), ikabbru d-daqs tat-tipa, jekk tinżamm il-proporzjon tal-qisien kif stipulat fl-Artikolu 1(3);

(b)

jekk id-dimensjonijiet tal-għodod elettroniċi huma tali li l-użu ta' diversi tabelli u kolonni jrendu diffiċli l-qari tad-dokument tad-dikjarazzjoni dwar it-tariffi, jistgħu jużaw kolonna waħda jew tabella waħda jew tabella waħda jekk tinżamm l-ordni tal-informazzjoni, l-intestaturi u s-subintestaturi;

(c)

jistgħu jużaw għodod elettroniċi, bħal “layering” u “pop-ups jekk it-titolu tad-dikjarazzjoni tat-tariffi, is-simbolu komuni, l-intestaturi u sub-intestaturi jintwerew b'mod prominenti u tinżamm l-ordni tal-informazzjoni.

2.   L-użu ta' għodod elettroniċi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ma għandux ikun daqshekk intrużivi li jista' jfixkel lill-konsumatur mill-informazzjoni fid-dikjarazzjoni dwar it-tariffi. L-informazzjoni mogħtija bil-layering u pop-ups għandha tkun limitata għall-informazzjoni msemmija f'dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/32 tat-28 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għat-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni għall-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas (Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ANNESS

Mudell tad-dikjarazzjoni tat-tariffi

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni