10.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/15


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/970

tat-18 ta' April 2018

li temenda l-Annessi II, III u V tad-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1), (3) u (4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) titħassar b'effett mis-7 ta' Ottubru 2018 bid-Direttiva (UE) 2016/1629. L-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/1629 jistabbilixxi li r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-inġenji huma dawk stipulati fl-istandard ES-TRIN 2015/1.

(2)

Jenħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna jkollha l-għan li tiżgura l-uniformità fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jridu jiġu applikati fl-Unjoni.

(3)

Il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (“CESNI”) inħoloq fit-3 ta' Ġunju 2015 fil-qafas tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) biex jiġu żviluppati standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f'diversi oqsma, b'mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ.

(4)

Is-CESNI adotta Standard Ewropew ġdid li jistabbilixxi Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni, l-istandard ES-TRIN 2017/1, fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 (3).

(5)

L-istandard ES-TRIN jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex jiżguraw is-sikurezza tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi dispożizzjonijiet fir-rigward tal-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta' kategoriji speċifiċi ta' bastimenti bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners, dispożizzjonijiet fir-rigward tat-tagħmir tas-sistema ta' identifikazzjoni awtomatika, dispożizzjonijiet fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-bastimenti, mudell ta' ċertifikati u reġistru, dispożizzjonijiet tranżizzjonali, kif ukoll struzzjonijiet għall-applikazzjoni tal-istandard tekniku.

(6)

Is-CCNR se temenda l-qafas leġiżlattiv tagħha, ir-Regolamenti għall-Ispezzjoni ta' Bastimenti tar-Renu, biex jirreferi għal dan l-istandard il-ġdid u jagħmel mandatorju dan l-istandard il-ġdid fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Reveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2016/1629 tiġi emendata skont dan.

(8)

Għall-koerenza, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet emendati jiġu trasposti u japplikaw mill-istess data, kif previst inizjalment għat-traspożizzjoni u għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1629.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva (UE) 2016/1629 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Anness II huwa sostitwit bit-test fl-Anness I ta' din id-Direttiva;

(2)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness II ta' din id-Direttiva;

(3)

L-Anness V huwa emendat skont l-Anness III ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ottubru 2018 u dawn għandhom japplikaw minn din id-data. L-Istati Membri għandhom jgħaddu minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza ta' din ix-xorta waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif trid issir referenza ta' din ix-xorta.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118.

(2)  Id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE (ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1).

(3)  Ir-Riżoluzzjoni CESNI 2017/II-1.


ANNESS I

“ANNESS II

REKWIŻITI TEKNIĊI MINIMI APPLIKABBLI GĦALL-INĠENJI FIL-PASSAĠĠI FUQ L-ILMA INTERNI TAŻ-ŻONI 1, 2, 3 U 4

Ir-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-inġenji huma dawk stipulati fl-istandard ES-TRIN 2017/1.

”.

ANNESS II

L-Anness III tad-Direttiva (UE) 2016/1629 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Tisħiħ u stabbiltà

Tisħiħ u stabbiltà tal-istruttura

Ċertifikat/attestazzjoni minn soċjetà ta' klassifikazzjoni rikonoxxuta”;

(2)

jiżdied il-punt 8 li ġej:

“8.   Makkinarju

Sistemi tal-ikkwartjar

Xaftijiet tal-iskrejjen u aċċessorji

Magni ta' propulsjoni, akkoppjamenti u aċċessorji

Preżenza ta' tagħmir li jimbotta l-pruwa

Sistemi ta' sentina u installazzjonijiet tat-tifi tan-nar

Sorsi tal-enerġija ta' emerġenza u installazzjonijiet elettriċi

Ċertifikat/attestazzjoni minn soċjetà ta' klassifikazzjoni rikonoxxuta”.


ANNESS III

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 2.01 tal-Anness V tad-Direttiva (UE) 2016/1629 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

espert nawtiku li jkollu liċenzja ta' kaptan ta' inġenji fil-passaġġi fuq l-ilma interni, li tawtorizza lid-detentur ibaħħar il-bastiment li jrid jiġi spezzjonat;”;

(2)

jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

espert ta' inġenju tradizzjonali għall-ispezzjoni ta' inġenju tradizzjonali.”.