27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 162/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2018/912

tat-22 ta' Ġunju 2018

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-obbligu li tiġi rispettata rata standard minima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) jipprevedi li mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2017 ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.

(2)

L-applikazzjoni ta' rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-sistema komuni tal-VAT u għalhekk jenħtieġ li tinżamm.

(3)

Huwa xieraq li tinżamm ir-rata standard minima attwali ta' 15 %, u li ssir permanenti.

(4)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi stabbilita rata standard ta' VAT, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 97 tad-Direttiva 2006/112/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 97

Ir-rata standard ma għandhiex tkun inqas minn 15 %.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru 2018. Huma għandhom minnufih jgħarrfu it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-23 ta' Mejju 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).