18.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/112


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/742

tal-1 ta' Marzu 2018

li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann tat-tip li jdewweb f'temperaturi għoljin

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih iċ-ċomb.

(2)

Il-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE jippermetti l-użu taċ-ċomb fi stann tat-tip li jdewweb f'temperaturi għoljin (jiġifieri l-ligi b'bażi ta' ċomb li jkun fihom 85 % ċomb jew aktar skont il-piż) sal-21 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid ta' din l-eżenzjoni fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 qabel l-21 ta' Jannar 2015, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(3)

Iċ-ċomb jagħti lill-istann proprjetajiet kruċjali bħal pereżempju punt tat-tidwib għoli, konduttività elettrika, konduttività termali, duttilità, reżistenza għall-korrużjoni, natura ta' ossidazzjoni xierqa u kapaċità ta' tixrib.

(4)

Attwalment, is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni taċ-ċomb fl-istann tat-tip li jdewweb f'temperaturi għoljin għadhom xjentifikament u teknikament imprattikabbli. F'dan l-istadju lanqas ma huwa possibbli li jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni minħabba d-diversità għolja tal-applikazzjonijiet ikkonċernati.

(5)

Minħabba li għall-applikazzjonijiet ikkonċernati fil-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli fis-suq jew alternattiva li x'aktarx titqiegħed fis-suq dalwaqt, tiġdid tal-eżenzjoni b'perjodu ta' validità sal-21 ta' Lulju 2021 huwa ġġustifikat, filwaqt li l-qsim mhux essensjali tal-kliem u perjodu iqsar jistgħu jiġġeneraw piż amministrattiv mhux meħtieġ għall-industrija. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjonijiet fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-kliem propost jiċċara l-fatt li l-applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni 24 (stann li jintuża għall-issaldjar ma' kapaċitaturi taċ-ċeramika b'aktar minn saff wieħed diskojdali u tat-tip “planar array”, b'toqob imħaffra fihom) huma esklużi mill-eżenzjoni 7(a). Għal kategoriji oħrajn għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa' tgħodd skont il-perjodi ta' validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(6)

Għalhekk id-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2019 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn mill-1 ta’ Lulju 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 7(a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7(a)

Iċ-ċomb fi stann tat-tip li jdewweb f'temperaturi għoljin (jiġifieri l-ligi b'bażi ta' ċomb li jkun fihom 85 % ċomb jew aktar skont il-piż)

Japplika għall-kategoriji 1-7 u għall-kategorija 10 (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 24 ta' dan l-Anness) u jiskadi fil-21 ta' Lulju 2021.

Għall-kategoriji 8 u 9 għajr għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro u l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali jiskadi fil-21 ta' Lulju 2021.

Għall-kategorija 8 l-apparat mediku dijanjostiku in vitro jiskadi fil-21 ta' Lulju 2023.

Għall-kategorija 9 l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali, u għall-kategorija 11 jiskadi fil-21 ta' Lulju 2024.”