18.5.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 123/94 |
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/736
tas-27 ta' Frar 2018
li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għal ċerti komponenti elettriċi u elettroniċi li jkun fihom iċ-ċomb fi ħġieġa jew ċeramika
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih iċ-ċomb. |
(2) |
Il-punt 7(c)-I attwali tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE eżenta l-użu taċ-ċomb fil-komponenti elettriċi u elettroniċi li jkun fihom iċ-ċomb fi ħġieġa jew ċeramika għajr iċ-ċeramika dielettrika fil-kapaċitaturi, eż. apparat pjeżoelettroniku, jew f'kompost b'matriċi tal-ħġieġ jew taċ-ċeramika sal-21 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid ta' din l-eżenzjoni fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 qabel l-21 ta' Jannar 2015, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. Barra minn hekk, f'Novembru 2014 il-Kummissjoni rċeviet talba għal eżenzjoni ġdida (it-talba nru 2015-1) għall-użu taċ-ċomb fl-elementi ta' sensuri elettroniċi b'rita rqiqa bħal pereżempju s-sensuri piroelettriċi jew is-sensuri pjeżoelettriċi, li huwa applikazzjoni koperti mill-punt 7(c)-I. Matul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati li ġejjin sar qbil mal-applikant li tiġi evalwata t-talba għall-eżenzjoni 2015-1 fil-kuntest usa' tal-eżenzjoni 7(c)-I. |
(3) |
Fiċ-ċeramika, iċ-ċomb jipprovdi proprjetajiet dielettriċi, pjeżoelettriċi, piroelettriċi, ferroelettriċi, semikondutturi, manjetiċi partikolari għal firxa wiesgħa ta' użi, f'termini ta' temperaturi, voltaġġi jew frekwenzi. Fil-ħġieġ, iċ-ċomb jipprovdi proprjetajiet kruċjali bħal pereżempju jbaxxi l-punti ta' tidwib jew ta' trattib, itejjeb it-tħaddim anki bil-magni u l-istabbiltà kimika u oħrajn. Il-ħġieġ li jkun fih iċ-ċomb jista' jintuża f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet, inklużi l-insulazzjoni, il-protezzjoni, ir-reżistenza, l-irbit jew is-siġill ermetiku. |
(4) |
Attwalment, is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni taċ-ċomb fil-ħġieġ u/jew fiċ-ċeramika għadhom xjentifikament u teknikament imprattikabbli. |
(5) |
Minħabba li għall-applikazzjonijiet ikkonċernati fil-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli fis-suq jew alternattiva li x'aktarx titqiegħed fis-suq dalwaqt, tiġdid tal-eżenzjoni b'perjodu ta' validità sal-21 ta' Lulju 2021 huwa ġġustifikat, filwaqt li l-qsim mhux essensjali tal-kliem u perjodu iqsar jistgħu jiġġeneraw piż amministrattiv mhux meħtieġ. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjonijiet fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-kliem propost jiċċara l-fatt li l-applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni 34 huma esklużi mill-eżenzjoni 7(c)-I. Għal kategoriji oħrajn għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa' tgħodd skont il-perjodi ta' validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. |
(6) |
Għalhekk id-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2019 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2019.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
ANNESS
Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 7(c)-I huwa sostitwit b'dan li ġej:
“7(c)-I |
Komponenti elettriċi u elettroniċi li jkun fihom iċ-ċomb fi ħġieġa jew ċeramika għajr iċ-ċeramika dielettrika fil-kapaċitaturi, eż. apparat pjeżoelettroniku, jew f'kompost b'matriċi tal-ħġieġ jew taċ-ċeramika |
Japplika għall-kategoriji 1-7 u għall-kategorija 10 (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 34) u jiskadi fil-21 ta' Lulju 2021. Għall-kategoriji 8 u 9 għajr għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro u l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali jiskadi fil-21 ta' Lulju 2021. Għall-kategorija 8 l-apparat mediku dijanjostiku in vitro jiskadi fil-21 ta' Lulju 2023. Għall-kategorija 9 l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali, u għall-kategorija 11 jiskadi fil-21 ta' Lulju 2024.” |