23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/4


DIRETTIVA (UE) 2018/597 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' April 2018

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE li tintroduċi miżuri tal-Komunità għal kontroll tal-marda Newcastle

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE (3) tistipula l-miżuri ta' kontroll tal-Unjoni li għandhom jittieħdu f'każ ta' tifqigħa tal-marda ta' Newcastle fi tjur, ħamiem tat-tlielaq u għasafar oħra miżmuma fil-kattività.

(2)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/66/KEE jipprevedi li l-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle huwa msemmi fl-Anness V għal dik id-Direttiva. L-Anness V għal dik id-Direttiva debitament jirreferi għal dak il-laboratorju u jelenka l-funzjonijiet u d-dmirijiet tiegħu.

(3)

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/66/KEE jistipula l-miżuri ta' kontroll li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri fil-każ li ħamiem tal-messaġġi jew għasafar li jinżammu fil-kattività jkunu ssuspettati li huma infettati bil-marda ta' Newcastle. Dan jistipula li, safejn meħtieġ għall-applikazzjoni xierqa ta' dawk il-miżuri ta' kontroll, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda u l-miżuri ta' kontroll applikati skont il-formula mudell stipulata fl-Anness VI għal dik id-Direttiva.

(4)

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 92/66/KEE jipprevedi li kull Stat Membru għandu jħejji pjan ta' kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li għandhom jiġu implimentati f'każ ta' tifqigħa tal-marda ta' Newcastle. Jipprevedi li l-kriterji li għandhom jiġu applikati fit-tħejjija ta' dak il-pjan huma indikati fl-Anness VII għal dik id-Direttiva.

(5)

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/66/KEE jipprevedi li l-Annessi tagħha għandhom ikunu emendati, kif u meta meħtieġ, mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, partikolarment sabiex jitqiesu l-iżviluppi fir-riċerka u fil-proċeduri dijanjostiċi.

(6)

L-Annessi V, VI u VII għad-Direttiva 92/66/KEE jistabbilixxu rispettivament: (i) l-isem u l-indirizz tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle kif ukoll il-funzjonijiet u d-dmirijiet tiegħu; (ii) il-mudell tal-formola li għandu jintuża mill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tal-marda u l-miżuri ta' kontroll applikati; u (iii) il-kriterji minimi li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri biex iħejju pjanijiet ta' kontinġenza li jispeċifikaw il-miżuri nazzjonali li għandhom jiġu implimentati fil-każ li tfaqqa' l-marda ta' Newcastle.

(7)

Sabiex jiġu simplifikati u razzjonalizzati l-proċeduri għall-kontroll tal-marda ta' Newcastle, b'mod partikolari billi jitqiesu r-regoli l-ġodda fir-rigward tad-deżinjazzjoni ta' laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea previsti fl-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll is-sistema l-ġdida tal-atti ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/66/KEE, jenħtieġ li l-Annessi V, VI u VII għad-Direttiva 92/66/KEE jitħassru, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fl-oqsma koperti minn dawk l-Annessi. Jenħtieġ li dawn is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(8)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/66/KEE, u l-kriterji għal pjanijiet ta' kontinġenza jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Artikolu 21 għal dik id-Direttiva.

(9)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u effiċjenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni f'waqtha tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 92/66/KEE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 92/66/KEE

Id-Direttiva 92/66/KEE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 15 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 15

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeżinja laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25.

2.   Il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle għandhom ikunu:

(a)

li jikkoordina, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-metodi li jintużaw fl-Istati Membri għad-dijanjosi tal-marda ta' Newcastle, speċifikament billi:

(i)

jagħżel bit-tipi, jaħżen u iforni t-tessut tal-virus tal-marda ta' Newcastle għal testijiet seroloġiċi u l-preparazzjoni ta' antisera;

(ii)

iforni sera standard u reaġenti ta' referenza oħra lil-laboratorji ta' referenza nazzjonali sabiex jiġu standardizzati t-testijiet u r-reaġenti użati fl-Istati Membri;

(iii)

jibni u jżomm kollezzjoni ta' razez u iżolati tal-virus tal-marda ta' Newcastle;

(iv)

jorganizza testijiet komparattivi perjodiċi tal-proċeduri dijanjostiċi fuq il-livell tal-Unjoni;

(v)

jiġbor u jqabbel dejta u informazzjoni dwar il-metodi tad-dijanjożi użati u r-riżultati tat-testijiet imwettqa fl-Unjoni;

(vi)

jikkaratterizza l-iżolati tal-viruses tal-marda ta' Newcastle bil-metodi l-aktar aġġornati disponibbli sabiex iwasslu għal fehim aħjar tal-epidemjoloġija tal-marda ta' Newcastle;

(vii)

iżomm aġġornat ma' żviluppi fis-sorveljanza tal-marda ta' Newcastle, fl-epidemjoloġija u fil-prevenzjoni mad-dinja kollha;

(viii)

iżomm l-għarfien espert dwar il-virus tal-marda ta' Newcastle u viruses pertinenti oħra biex jgħin għal dijanjożi ddifferenzjata mħaffa;

(ix)

jikseb għarfien approfondit tal-preparazzjoni u l-użu tal-prodotti tal-immunoloġija veterinarja li jintużaw fl-eradikazzjoni u l-kontroll tal-marda ta' Newcastle;

(b)

li jgħin attivament fid-dijanjosi tat-tifqigħ tal-marda ta' Newcastle fl-Istati Membri billi jirċievi iżolati tal-viruses għad-dijanjosi konfermatorja, għall-karatterizzazzjoni u għall-istudji epidemjoloġiċi;

(c)

li jiffaċilita t-taħriġ jew it-taħriġ mill-ġdid ta' esperti fid-dijanjosi tal-laboratorju bil-ħsieb li jarmonizza t-tekniki fl-Unjoni kollha.”;

(2)

l-Artikolu 19 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Safejn huwa meħtieġ għall-applikazzjoni tajba tal-miżuri stabbiliti f'dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda u l-miżuri ta' kontroll applikati.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistipula regoli dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni kif previst fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25.”;

(3)

l-Artikolu 21 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 21

1.   Kull Stat Membru għandu jħejji pjan ta' kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li għandhom ikunu implimentati fil-każ li tfaqqa' l-marda ta' Newcastle. Il-pjan ta' kontinġenza għandu jiġi aġġornat, kif xieraq, sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-sitwazzjoni.

Il-pjan ta' kontinġenza għandu jippermetti aċċess għall-faċilitajiet, it-tagħmir, il-persunal u l-materjali l-oħra xierqa kollha meħtieġa għall-qerda rapida u effiċjenti tat-tifqigħ tal-marda ta' Newcastle. Għandu jagħti indikazzjoni preċiża tal-ħtiġijiet ta' tilqim li kull Stat Membru jħoss li tkun meħtieġa bħala tilqim ta' emerġenza.

2.   Il-pjanijiet ta' kontinġenza u kwalunkwe aġġornament tagħhom għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-pjanijiet ta' kontinġenza u kwalunkwe emenda għalihom sabiex tiddetermina jekk jippermettux li jinkiseb l-objettiv mixtieq, u għandha tissuġġerixxi lill-Istat Membru kkonċernat kwalunkwe emenda meħtieġa b'mod partikulari biex jiġi żgurat li huma kompatibbli ma' dawk tal-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-pjanijiet ta' kontinġenza u kull aġġornament li jsirilhom, jekk meħtieġ emendati, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25.

4.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistipula l-kriterji li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri għat-tħejjija tal-pjanijiet ta' kontinġenza. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25.”;

(4)

l-Artikolu 25 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 25

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imwaqqaf bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

2.   Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(5)

l-Annessi V, VI u VII jitħassru.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

Sat-30 ta' Ġunju 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri neċessarji għall-konformità ma' din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Jannar 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Dispożizzjoni tranżitorja

Id-deżinjazzjoni tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle imsemmija fl-Anness V għad-Direttiva 92/66/KEE, qabel l-emendi li saru permezz ta' din id-Direttiva, għandha tibqa' fis-seħħ sakemm laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle jkun ġie debitament iddeżinjat skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/66/KEE, kif emendat minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta' April 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  Opinjoni tal-14 ta' Frar 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE tal-14 ta' Lulju 1992 li tintroduċi miżuri tal-Komunità għal kontroll tal-marda Newcastle (ĠU L 260, 5.9.1992, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(*1)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;