19.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/3


DIRETTIVA (UE) 2018/410 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Marzu 2018

li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxiet skema għan-negozjar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-Unjoni, sabiex tippromwovi t-tnaqqis tal-gassijiet serra b'mod kosteffettiv u ekonomikament effiċjenti.

(2)

Il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 ħa impenn li jnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġenerali tal-Unjoni tal-anqas b'40 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. Is-setturi kollha tal-ekonomija jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-kisba ta' dak it-tnaqqis ta' emissjonijiet u l-mira għandha tintlaħaq bl-aktar mod kosteffettiv permezz tal-iskema għan-negozjar ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (“EU ETS”), li jammonta għal tnaqqis ta' 43 % taħt il-livelli tal-2005 sal-2030. Dan kien ikkonfermat fl-impenn ta' tnaqqis maħsub iddeterminat fil-livell nazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ppreżentat lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) fis-6 ta' Marzu 2015.

(3)

Il-Ftehim ta' Pariġi, adottat fit-12 ta' Diċembru 2015 taħt l-UNFCCC (“il-Ftehim ta' Pariġi”), daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016. Il-Partijiet fih qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali, u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa 1,5°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali. Il-Partijiet qablu wkoll li jevalwaw perjodikament l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi biex jivvalutaw il-progress kollettiv li sar biex jintlaħqu l-iskop tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri tiegħu fuq perijodu twil ta' żmien.

(4)

F'konformità mal-impenn tal-koleġislaturi espress fid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Taħt il-Ftehim ta' Pariġi, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jissodisfaw mira ta' tnaqqis li tkopri s-setturi ekonomiċi kollha. Bħalissa hemm sforzi għaddejjin biex jiġu limitati l-emissjonijiet marittimi internazzjonali permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u jenħtieġ li dawn l-isforzi jiġu inkoraġġuti. L-OMI stabbilixxiet proċess biex fl-2018 tadotta strateġija inizjali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport marittimu internazzjonali. L-adozzjoni ta' objettiv ambizzjuż għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bħala parti minn din l-istrateġija inizjali saret kwistjoni ta' urġenza u hi importanti biex jiġi żgurat li t-trasport marittimu internazzjonali jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu għall-isforzi meħtieġa sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' sew taħt 2°C, maqbul taħt il-Ftehim ta' Pariġi. Jenħtieġ li dan jinżamm taħt reviżjoni regolari mill-Kummissjoni, u jenħtieġ li din tal-inqas darba fis-sena tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun inkiseb fl-OMI lejn objettiv ambizzjuż għat-tnaqqis fl-emissjonijiet u dwar miżuri ta' akkumpanjament biex jiġi żgurat li s-settur jikkontribwixxi kif dovut għall-isforzi meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi maqbula taħt il-Ftehim ta' Pariġi. Jenħtieġ li l-azzjoni mill-OMI jew mill-Unjoni, inklużi x-xogħol ta' tħejjija dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni u l-konsiderazzjoni dovuta li tingħata mill-partijiet ikkonċernati kollha, tibda mill-2023.

(5)

Il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 ikkonferma fil-konklużjonijiet tiegħu li EU ETS riformata li taħdem tajjeb bi strument biex jistabbilizza s-suq ser tkun l-istrument Ewropew ewlieni biex tintlaħaq il-mira ta' tnaqqis tal-anqas b'40 %, b'fattur ta' tnaqqis annwali ta' 2,2 % mill-2021 'il quddiem. Il-Kunsill Ewropew ikkonferma wkoll li mhijiex ser tiskadi l-allokazzjoni mingħajr ħlas u li l-miżuri eżistenti ser ikomplu wara l-2020 għall-prevenzjoni tar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-politika dwar it-tibdil fil-klima, sakemm ma jsirux sforzi komparabbli f'ekonomiji ewlenin oħrajn, mingħajr ma jitnaqqas is-sehem ta' kwoti li jrid isir irkant tagħhom. Is-sehem tal-irkant jenħtieġ li jiġi espress bħala ċifra perċentwali fid-Direttiva 2003/87/KE biex tittejjeb iċ-ċertezza tal-ippjanar fir-rigward ta' deċiżjonijiet ta' investiment, biex tiżdied it-trasparenza u biex is-sistema ġenerali ssir aktar sempliċi u faċli biex wieħed jifhimha.

(6)

Hija prijorità prinċipali tal-Unjoni li tistabbilixxi Unjoni tal-Enerġija reżiljenti biex tipprovdi enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli liċ-ċittadini u lill-industriji tagħha. Il-kisba ta' dan tirrikjedi l-kontinwazzjoni ta' azzjoni ambizzjuża marbuta mal-politika dwar il-klima bl-EU ETS bħala l-pedament tal-politika tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima, u tirrikjedi wkoll progress fuq l-aspetti l-oħra tal-Unjoni tal-Enerġija. L-implimentazzjoni tal-ambizzjoni deċiża fil-qafas politiku tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030 tikkontribwixxi għall-kisba ta' prezz tal-karbonju sinifikanti u l-kontinwazzjoni tal-istimulazzjoni ta' tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

(7)

L-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-politika tal-Unjoni tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u, abbażi ta' dan, id-Direttiva 2003/87/KE tipprevedi transizzjoni lejn irkant sħiħ maż-żmien. L-evitar tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jiġġustifika l-posponiment temporanju ta' rkant sħiħ, u l-allokazzjoni mingħajr ħlas u mmirata tal-kwoti lill-industrija hija ġġustifikata sabiex jiġu indirizzati r-riskji ġenwini ta' żidiet fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'pajjiżi terzi fejn l-industrija mhijiex soġġetta għal restrizzjonijiet tal-karbonju komparabbli, sakemm ma jitwettqux miżuri ta' politika dwar it-tibdil fil-klima komparabbli minn ekonomiji ewlenin oħra.

(8)

L-irkant ta' kwoti għadu r-regola ġenerali, bl-allokazzjoni mingħajr ħlas bħala l-eċċezzjoni. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni tispeċifika li s-sehem tal-kwoti li għandu jiġi rkantat huwa ta' 57 % matul il-perijodu mill-2013 sal-2020. Fil-prinċipju, dak is-sehem jenħtieġ li jibqa' 57 %. Is-sehem huwa magħmul minn kwoti li sar irkant tagħhom f'isem l-Istati Membri, fosthom kwoti mwarrba għal installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq iżda mhux allokati, kwoti għall-modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f'xi Stati Membri u kwoti li jrid isir irkant tagħhom aktar 'il quddiem minħabba t-tqegħid tagħhom fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita mid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dak is-sehem għandu jinkludi 75 miljun kwota użati biex jappoġġaw l-innovazzjoni. Fil-każ li minħabba dik d-domanda għal kwoti mingħajr ħlas tirriżulta l-ħtieġa li jiġi applikat fattur uniformi korrettiv transettorjali qabel l-2030, is-sehem tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati matul il-perijodu ta' għaxar snin li jibda fl-1 ta' Jannar 2021 jenħtieġ li jitnaqqas sa 3 % tal-kwantità totali tal-kwoti. Għall-finijiet ta' solidarjetà, tkabbir u interkonnessjonijiet, 10 % tal-kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri jenħtieġ li jitqassmu fost dawk l-Istati Membri li l-prodott domestiku gross (PDG) per capita tagħhom fi prezzijiet tas-suq ma qabiżx id-90 % tal-medja tal-Unjoni fl-2013, u l-bqija tal-kwoti jenħtieġ li jitqassmu fost l-Istati Membri kollha abbażi ta' emissjonijiet verifikati. Id-deroga għal ċerti Stati Membri b'livell medju ta' dħul per capita ta' iżjed minn 20 % ogħla mill-medja fl-Unjoni relattivament għal dak it-tqassim fil-perijodu mill-2013 sal-2020 jenħtieġ li tiskadi.

(9)

B'rikonoxximent tal-interazzjoni bejn il-politiki dwar il-klima fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jikkanċellaw il-kwoti mill-volum tal-irkant tagħhom f'każ ta' għeluq ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku fit-territorju tagħhom. Biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà għall-operaturi u l-parteċipanti fis-suq fir-rigward tal-ammont disponibbli ta' kwoti għall-irkant, jenħtieġ li l-possibbiltà tal-kanċellazzjoni ta' kwoti f'tali każijiet tkun limitata għal ammont li jikkorrispondi għall-medja tal-emissjonijiet verifikati tal-installazzjoni kkonċernata matul perijodu ta' ħames snin qabel l-għeluq.

(10)

Sabiex jiġi ppreservat il-benefiċċju ambjentali tat-tnaqqis ta' emissjonijiet fl-Unjoni filwaqt li azzjonijiet minn pajjiżi terzi ma jagħtux inċentivi komparabbli lill-industrija biex tnaqqas l-emissjonijiet, jenħtieġ li jkomplu jiġu allokati b'mod transizzjonali kwoti mingħajr ħlas għal installazzjonijiet f'setturi u subsetturi esposti għal riskju ġenwin ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-esperjenza miġbura matul it-tħaddim tal-EU ETS ikkonfermat li s-setturi u s-subsetturi huma esposti għal livelli differenti ta' riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u li l-allokazzjoni mingħajr ħlas ippreveniet ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Filwaqt li uħud mis-setturi u subsetturi jistgħu jitqiesu li huma esposti għal riskju ogħla ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, oħrajn jistgħu jgħaddu sehem konsiderevoli tal-ispejjeż tal-kwoti biex ikopru l-emissjonijiet tagħhom fil-prezzijiet tal-prodotti mingħajr ma jitilfu s-sehem fis-suq u jġarrbu biss il-parti li jifdal tal-ispejjeż sabiex ikunu esposti għal riskju baxx ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina u tiddifferenzja s-setturi rilevanti abbażi tal-intensità tal-kummerċ tagħhom u l-intensità tal-emissjonijiet tagħhom biex tidentifika aħjar is-setturi esposti għal riskju ġenwin ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

Waqt li l-valutazzjoni tas-setturi u s-subsetturi jenħtieġ li ssir fil-livell ta' 4 figuri (kodiċi NACE-4), jenħtieġ li jiġu wkoll antiċipati ċirkostanzi speċifiċi li fihom jista' jkun xieraq li jkun hemm il-possibbiltà li tintalab valutazzjoni fil-livell ta' 6 figuri jew ta' 8 figuri (Prodcom). Tali possibbiltà jenħtieġ li teżisti fejn setturi u subsetturi jkunu tqiesu qabel bħala li kienu esposti għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-livell ta' 6 figuri jew ta' 8 figuri (Prodcom), ladarba ċerti kodiċijiet NACE, speċjalment dawk li jintemmu.99, ikopru attivitajiet eteroġeni “mhux ikklassifikati xi mkien ieħor” (“n.e.c.”, not elsewhere classified). Fejn settur jew subsettur ikun soġġett għall-punt ta' referenza tar-raffineriji u punt ta' referenza ta' prodott ieħor, din iċ-ċirkustanza jenħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni biex, fejn rilevanti, tkun tista' ssir analiżi kwalitattiva tar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għal prodotti manifatturati kemm f'raffineriji kif ukoll f'impjanti kimiċi. Fejn, abbażi tal-kriterji tal-intensità tal-kummerċ u l-intensità tal-emissjonijiet, jinqabeż livell limitu ddeterminat billi titqies il-possibbiltà rispettiva għas-setturi u s-subsetturi kkonċernati li jgħaddu l-ispejjeż għall-prezzijiet tal-prodotti, is-settur jew is-subsettur jenħtieġ li jitqies li hu espost għal riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Jenħtieġ li setturi u subsetturi oħrajn jitqiesu li huma esposti għal riskju baxx jew l-ebda riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. B'kont meħud tal-possibbiltà li s-setturi u s-subsetturi barra mill-ġenerazzjoni tal-elettriku jgħaddu l-ispejjeż imġarrba għall-prezzijiet tal-prodotti, profitti imprevisti jkunu mistennija li jonqsu wkoll. Sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor f'reviżjoni taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas għal setturi u subsetturi li jitqiesu li qegħdin f'riskju baxx jew f'ebda riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, għajr it-tisħin urban, jitnaqqsu b'ammonti indaqs wara l-2026 sabiex jintlaħaq livell ta' ebda allokazzjoni bla ħlas fl-2030.

(11)

Il-valuri tal-punt ta' referenza għall-allokazzjoni mingħajr ħlas applikabbli mill-2013 'il quddiem jenħtieġ li jiġu riveduti sabiex jiġi evitat qligħ mhux mistenni u sabiex jiġi rifless il-progress teknoloġiku fis-setturi kkonċernati fil-perijodu bejn l-2007 u l-2008 u f'kull perijodu ta' wara li għalih jiġu ddeterminati allokazzjonijiet mingħajr ħlas skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex jiġi rifless il-progress teknoloġiku fis-setturi kkonċernati u sabiex il-valuri tal-punt ta' referenza jiġu aġġustati għall-perijodu rilevanti tal-allokazzjoni, jenħtieġ li jiġu previsti l-valuri tal-punt ta' referenza għal allokazzjonijiet mingħajr ħlas għal installazzjonijiet, iddeterminati abbażi ta' data mis-snin 2007 u 2008, li għandhom jiġu aġġornati f'konformità mat-titjibosservat. Għal raġunijiet ta' prevedibbiltà, dan jenħtieġ li jsir permezz tal-applikazzjoni ta' fattur li jirrappreżenta l-aħjar valutazzjoni tal-progress fis-setturi, li mbagħad jenħtieġ li jqis data minn installazzjonijiet li tkun soda, oġġettiva u verifikata, filwaqt li titqies il-prestazzjoni medja tal-installazzjonijiet bħala 10 % l-aktar effiċjenti, sabiex il-valuri i tal-punt ta' referenza jirriflettu r-rata proprja ta' titjib. Fejn id-data turi tnaqqis annwali ta' inqas minn 0,2 % jew aktar minn 1,6 % tal-valur tal-2007-2008 tul il-perijodu rilevanti, il-valur tal-punt ta' referenza relatat jenħtieġ li jiġi aġġustat b'rati oħrajn minbarra r-rati proprja ta' titjib biex jiġu ppreservati l-inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u biex l-innovazzjoni tiġi ppremjata kif xieraq. Għall-perijodu mill-2021 sal-2025, jenħtieġ li dawk il-valuri tal-punt ta' referenza jiġu aġġustati għal kull sena bejn l-2008 u nofs il-perijodu mill-2021 sal-2025 b'0,2 % jew 1,6 %, biex b'hekk iwasslu għal titjib ta' 3 % jew 24 % rispettivament meta mqabbla mal-valur applikabbli fil-perijodu mill-2013 sal-2020. Għall-perijodu mill-2026 sal-2030, jenħtieġ li dawk il-valuri tal-punt ta' referenza jiġu aġġustati bl-istess mod, biex b'hekk iwasslu għal titjib ta' 4 % jew 32 % rispettivament meta mqabbla mal-valur applikabbli fil-perijodu mill-2013 sal-2020. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-produzzjoni ta' aromatiċi, idroġenu u gass sintetiku f'raffineriji u impjanti kimiċi, il-valuri tal-punt ta' referenza għall-aromatiċi, l-idroġenu u l-gass sintetiku jenħtieġ li jkomplu jiġu allinjati mal-punti ta' referenza tar-raffineriji.

(12)

Il-livell ta' allokazzjoni mingħajr ħlas għal installazzjonijiet jenħtieġ li jkun allinjat aħjar mal-livelli ta' produzzjoni proprja tagħhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-allokazzjonijiet jiġu aġġustati perjodikament b'mod simmetriku biex iqisu żidiet u tnaqqis rilevanti fil-produzzjoni. Jenħtieġ li d-data li tintuża f'dan il-kuntest tkun sħiħa, konsistenti, verifikata indipendentement u jenħtieġ li tippreżenta l-istess livell għoli ta' eżattezza u kwalità bħad-data li tintuża biex tiġi ddeterminata l-allokazzjoni mingħajr ħlas. Sabiex tiġi evitata l-manipulazzjoni jew l-abbuż tas-sistema għall-aġġustamenti għall-allokazzjonijiet u sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv żejjed, filwaqt li titqies id-data ta' skadenza li tapplika għan-notifika ta' bidliet fil-produzzjoni, u filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-bidliet fl-allokazzjonijiet isiru b'mod effettiv, mhux diskriminatorju u uniformi, jenħtieġ li l-livell limitu rilevanti jiġi stabbilit għal 15 % u jiġi vvalutat abbażi tal-medja mobbli ta' sentejn. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tikkunsidra miżuri oħrajn meħtieġa li jiddaħħlu fis-seħħ, bħal pereżempju l-użu ta' livelli limitu assoluti fir-rigward tal-bidliet għall-allokazzjonijiet, jew fir-rigward tal-iskadenza li tapplika għan-notifika tal-bidliet fil-produzzjoni.

(13)

Idealment l-Istati Membri jikkumpensaw parzjalment, f'konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, għal ċerti installazzjonijiet f'setturi jew subsetturi li jkunu ġew determinati bħala huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba spejjeż marbuta ma' emissjonijiet ta' gassijiet serra mgħoddija fil-prezzijiet tal-elettriku, inkluż fost l-oħrajn għall-konsum tal-elettriku mill-installazzjonijiet innifishom prodott permezz tal-kombustjoni ta' gassijiet tal-iskart. Meta jfittxu li ma jużawx aktar minn 25 % tad-dħul iġġenerat mill-irkant ta' kwoti għall-kumpens ta' spejjeż indiretti, l-Istati Membri x'aktarx li kemm jiffaċilitaw il-kisba tal-objettivi tal-EU ETS kif ukoll jippreservaw l-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni. Sabiex tiżdied it-trasparenza fir-rigward tal-livell ta' kumpens li jiġi pprovdut, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw regolarment lill-pubbliku dwar il-miżuri li jkollhom fis-seħħ u dwar il-benefiċjarji tal-kumpens, filwaqt li jiżguraw li n-natura kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni u t-tħassib relatat dwar il-protezzjoni tad-data jitqiesu kif dovut. Fejn Stat Membru juża ammont sinifikanti mid-dħul mill-irkant tiegħu għall-kumpens tal-ispejjeż indiretti, hemm iżjed interess li r-raġunijiet għal din l-għażla jsiru pubbliċi. Meta tkun qed tirrivedi l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat rigward il-kumpens għal spejjeż indiretti ta' emissjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra, fost l-oħrajn, is-siwi ta' limiti massimi fuq il-kumpens mogħti mill-Istati Membri. Jenħtieġ li r-reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tqis kemm kienu effettivi dawk il-miżuri finanzjarji biex ġew evitati riskji sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba spejjeż indiretti, u tqis il-possibbiltà li l-miżuri jkomplu jiġu armonizzati, inkluż mekkaniżmu armonizzat. Il-finanzjament għall-klima mis-settur pubbliku ser ikompli jaqdi rwol importanti fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi wara l-2020.

Għalhekk, id-dħul mill-irkant jenħtieġ li jintuża wkoll għall-finanzjament ta' azzjonijiet marbutin mal-politika dwar il-klima f'pajjiżi terzi vulnerabbli, b'mod partikolari l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, inkluż l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima, fost l-oħrajn permezz tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima tal-UNFCCC. L-ammont ta' finanzjament għall-klima li jrid jiġi mmobilizzat ser jiddependi wkoll mill-ambizzjoni u l-kwalità tal-Kontributi Determinati fil-livell Nazzjonali, il-pjanijiet ta' investiment sussegwenti u l-proċessi nazzjonali ta' ppjanar għall-adattament. Fir-rigward tal-impatti soċjali potenzjali tal-politiki u l-investimenti meħtieġa, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw ukoll id-dħul mill-irkant biex jikkontribwixxu għal transizzjoni ġusta lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju permezz tal-promozzjoni tal-formazzjoni tal-ħiliet u r-riallokazzjoni tal-forzi tax-xogħol fi djalogu soċjali mal-komunitajiet u r-reġjuni affettwati mit-transizzjoni tal-impjiegi.

(14)

L-inċentiv ewlieni fuq perijodu twil ta' żmien li jirriżulta mid-Direttiva 2003/87/EC għall-ġbir u l-ħżin tas-CO2 (“CCS”, CO2 capture and storage), għal teknoloġiji ġodda ta' enerġija rinnovabbli u għal innovazzjoni rivoluzzjonarja fit-teknoloġiji u l-proċessi b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, fosthom il-ġbir u l-użu tal-karbonju (“CCU”, carbon capture and utilisation) li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, huwa s-sinjal tal-prezz tal-karbonju li huwa joħloq u l-fatt li ma jkunx meħtieġ li jiġu ċeduti kwoti għal emissjonijiet ta' CO2 li jiġu evitati jew jiġu maħżuna b'mod permanenti. Barra minn hekk, sabiex jiġu ssupplimentati r-riżorsi li diġà qed jintużaw biex jaċċelleraw id-dimostrazzjoni ta' faċilitajiet tas-CCS kummerċjali u teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li l-kwoti jintużaw biex jinħataw premji garantiti għall-użu ta' faċilitajiet tas-CCS jew tas-CCU, teknoloġiji ġodda ta' enerġija rinnovabbli u innovazzjoni industrijali f'teknoloġiji u proċessi b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju fl-Unjoni għal CO2 maħżun jew evitat fuq skala suffiċjenti, dejjem jekk ikun hemm fis-seħħ ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-għarfien.

Minbarra 400 miljun kwota inizjalment disponibbli għall-perijodu mill-2021'il quddiem, id-dħul minn 300 miljun kwota disponibbli għall-perijodu 2013–2020 li jkunu għadhom ma ġewx allokati għal attivitajiet ta' innovazzjoni jenħtieġ li jiġi supplimentat b'50 miljun kwota mhux allokati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq, u għandhom jintużaw b'mod li jkun f'waqtu għall-appoġġ tal-innovazzjoni. Skont kemm is-sehem tal-kwoti li ser jiġi rkantat jitnaqqas biex tiġi evitata l-ħtieġa li jiġi applikat fattur ta' korrezzjoni trasversali uniformi, jenħtieġ li l-ammont ta' kwoti disponibbli taħt dan il-fond jiżdied b'sa 50 miljun kwota. Jenħtieġ li l-maġġoranza ta' dan l-appoġġ tkun tiddependi fuq l-evitar verifikat ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, filwaqt li jenħtieġ li jkun possibbli li jingħata ċertu appoġġ meta jintlaħqu ċerti stadji predeterminati filwaqt li titqies it-teknoloġija użata u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-settur li fih tintuża t-teknoloġija. Jenħtieġ li jiġu definiti stadji sabiex isiru disponibbli riżorsi finanzjarji adegwati għall-proġett. Il-perċentwal massimu tal-ispejjeż tal-proġetti li jkunu jridu jiġu appoġġati jista' jvarja skont il-kategorija ta' proġett. Jenħtieġ li jitqiesu kif dovut proġetti li ser ikollhom impatt sinifikanti ta' innovazzjoni madwar l-Unjoni.

(15)

Il-Greċja kellha PDG per capita bi prezzijiet tas-suq ta' inqas minn 60 % tal-medja tal-Unjoni fl-2014 iżda ma tibbenefikax mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, u għalhekk jenħtieġ li tkun tista' titlob kwoti biex tikkofinanzja d-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku tal-gżejjer fit-territorju tagħha. Jenħtieġ li dawk il-kwoti jiġu mill-ammont massimu ta' kwoti msemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE li ma jkunux allokati mingħajr ħlas sal-31 ta' Diċembru 2020, u jiġu rkantati skont l-modalitajiet applikabbli għall-Fond għall-Modernizzazzjoni.

(16)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit Fond għall-Modernizzazzjoni mit-2 % tal-kwantità totali tal-kwoti, u jiġi rkantat skont ir-regoli u l-modalitajiet għall-irkanti li jseħħu fuq il-Pjattaforma Komuni tal-Irkant stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (8). Skont kemm is-sehem tal-kwoti li jrid jiġi rkantat jitnaqqas biex tiġi evitata l-ħtieġa li jiġi applikat fattur ta' korrezzjoni trasversali uniformi, jenħtieġ li l-ammont ta' kwoti disponibbli taħt il-Fond għall-Modernizzazzjoni jiżdied b'sa 0,5 % tal-kwantità kollha tal-kwoti. Jenħtieġ li l-Istati Membri li fl-2013 kellhom PDG per capita fi prezzijiet tas-suq ta' inqas minn 60 % tal-medja tal-Unjoni jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Fond għall-Modernizzazzjoni u jkunu jistgħu jingħataw deroga, sal-2030, mill-prinċipju ta' rkant sħiħ għall-ġenerazzjoni tal-elettriku billi jużaw l-għażla ta' allokazzjoni mingħajr ħlas sabiex jippromwovu b'mod trasparenti investimenti reali li jimmodernizzaw is-settur tal-enerġija tagħhom filwaqt li jevitaw distorsjonijiet tas-suq intern tal-enerġija. L-investimenti taħt il-Fond għall-Modernizzazzjoni li jkollhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza enerġetika jistgħu jinkludu investimenti fl-elettrifikazzjoni tat-trasport, b'mod partikolari t-trasport bit-triq. Ir-regoli għat-tmexxija tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jenħtieġ li jipprovdu qafas koerenti, komprensiv u trasparenti biex jiżguraw l-aktar implimentazzjoni effiċjenti possibbli, filwaqt li jqisu l-ħtieġa li l-parteċipanti kollha jkollhom aċċess faċli u l-possibbiltajiet li jiġu mobilizzati investimenti fl-Istati Membri. Jenħtieġ li l-istruttura tat-tmexxija tkun proporzjonata għall-iskop li jiġi żgurat l-użu adatt tal-fondi.

Din l-istruttura ta' tmexxija jenħtieġ li tinkludi kumitat ta' investiment, u jenħtieġ li jitqies kif dovut l-għarfien espert tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet sakemm ma jingħatax appoġġ lil proġetti ta' skala żgħira permezz ta' self minn bank promozzjonali nazzjonali jew permezz ta' għotjiet minn programm nazzjonali li jkollu l-istess għanijiet bħall-Fond għall-Modernizzazzjoni. Sabiex jiġi identifikat u żvelat kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali, jenħtieġ li l-kompożizzjoni tal-kumitat ta' investiment, is-curricula vitae tal-membri tiegħu kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-interessi tagħhom jiġu ppubblikati u aġġornati b'mod regolari. Sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet ta' investiment fi Stati Membri bi dħul baxx jiġu indirizzati kif adegwat, jenħtieġ li l-fondi għall-Fond għall-Modernizzazzjoni jitqassmu fost l-Istati Membri abbażi tal-kriterji kombinati ta' sehem ta' 50 % tal-emissjonijiet verifikati u sehem ta' 50 % tal-PDG. L-assistenza finanzjarja mill-Fond għall-Modernizzazzjoni tista' tingħata f'forom differenti. Biex jiġu mobilizzati r-riżorsi u jiġi żgurat impatt ikbar minn investimenti rilevanti, jenħtieġ li l-kwoti mingħajr ħlas għall-modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f'ċerti Stati Membri u r-riżorsi disponibbli mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għal investimenti li ma jaqgħux fil-lista ta' oqsma ta' prijorità jiġu kkomplementati minn riżorsi minn entitajiet legali privati, li jistgħu jinkludu riżorsi separati minn entitajiet legali privati li jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt is-sjieda ta' awtoritajiet pubbliċi.

(17)

Bil-għan li jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi ta' finanzjament u jitnaqqas, kemm jista' jkun, il-piż amministrattiv relatat mal-implimentazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jużaw is-sehem tagħhom mill-10 % tal-kwoti mqassma mill-ġdid u mill-allokazzjoni transizzjonali mingħajr ħlas għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija taħt id-dispożizzjonijiet tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Bil-għan li jiġu żgurati l-prevedibbiltà u t-trasparenza fir-rigward tal-volumi ta' kwoti disponibbli għall-irkantar jew għall-allokazzjoni transizzjonali mingħajr ħlas, u fir-rigward tal-assi ġestiti permezz tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jżidu r-riżorsi tagħhom taħt il-Fond għall-Modernizzazzjoni qabel l-2021.

(18)

Il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 ikkonferma li jenħtieġ li l-opzjoni li tingħata allokazzjoni mingħajr ħlas lis-settur tal-enerġija tkompli sal-2030 uli jkun hemm titjib fil-modalitajiet, inkluża t-trasparenza, tal-allokazzjoni mingħajr ħlas fakultattiva għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija f'ċerti Stati Membri. Jenħtieġ li l-investimenti b'valur ta' EUR 12,5 miljun jew iżjed jintgħażlu mill-Istat Membru kkonċernat permezz ta' proċess kompetittiv ta' offerti abbażi ta' regoli ċari u trasparenti biex jiġi żgurat li l-allokazzjoni mingħajr ħlas tintuża biex tippromwovi investimenti reali li jimmodernizzaw jew jiddiversifikaw is-settur tal-enerġija f'konformità mal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija. Jenħtieġ li l-investimenti b'valur ta' inqas minn EUR 12,5 miljun ikunu eliġibbli wkoll għal finanzjament mill-allokazzjoni mingħajr ħlas. L-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li jagħżel l-investimenti ta' dan it-tip abbażi ta' kriterji ċari u trasparenti. Jenħtieġ li r-riżultati ta' dan il-proċess ta' għażla jkunu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika. Jenħtieġ li l-pubbliku jinżamm infurmat kif dovut fl-istadju tal-għażla dwar il-proġetti ta' investiment kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li l-investimenti jiġu kkomplementati minn riżorsi minn entitajiet legali privati, li jistgħu jinkludu riżorsi separati minn entitajiet legali privati li jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt is-sjieda ta' awtoritajiet pubbliċi.

(19)

Il-finanzjament tal-EU ETS jenħtieġ li jkun koerenti mal-objettivi tal-qafas politiku tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030 u l-objettivi fuq perijodu twil ta' żmien espressi fil-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll programmi ta' finanzjament oħra tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-infiq pubbliku.

(20)

Id-dispożizzjonijiet eżistenti li huma fis-seħħ għal installazzjonijiet żgħar li għandhom jiġu esklużi mill-EU ETS jippermettu li l-installazzjonijiet li huma esklużi jibqgħu tali, u jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jaġġornaw il-lista tagħhom tal-installazzjonijiet esklużi u għall-Istati Membri li bħalissa mhux qed jużaw din l-għażla li jagħmlu dan fil-bidu ta' kull perijodu ta' allokazzjoni. Fl-istess ħin, biex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn, jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għall-Istati Membri li jeskludu mill-EU ETS installazzjonijiet b'emissjonijiet ta' anqas minn 2 500 tunnellata ta' ekwivalenti ta' dijossidu tal-karbonju f'kull waħda mit-tliet snin preċedenti għall-bidu ta' kull perijodu ta' allokazzjoni, u unitajiet ta' riżerva jew ta' emerġenza li joperaw għal anqas minn 300 siegħa kull sena f'dak il-perijodu ta' tliet snin. Jenħtieġ li tibqa' l-possibbiltà li jiġu inklużi attivitajiet u gassijiet addizzjonali fis-sistema, mingħajr ma dawn jitqiesu bħala installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq. Dik il-possibbiltà għall-inklużjoni ta' attivitajiet u gassijiet addizzjonali wara l-2020 jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-kwantità tal-kwoti fl-Unjoni kollha taħt l-EU ETS u l-ammonti derivati minnha.

(21)

Id-Direttiva 2003/87/KE teħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha abbażi ta' kwestjonarju jew ta' deskrizzjoni ġenerali li l-Kummissjoni tkun fasslet skont il-proċedura msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE (9). Il-Kummissjoni pproponiet li jitħassru r-rekwiżiti ta' rappurtar taħt id-Direttiva 91/692/KEE. Għalhekk ikun adatt li r-referenza għad-Direttiva 91/692/KEE tinbidel b'referenza għall-proċedura msemmija fid-Direttiva 2003/87/KE.

(22)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tistabbilixxi riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-EU ETS sabiex il-provvista tal-irkant tkun aktar flessibbli u s-sistema ssir aktar reżiljenti. Dik id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll biex kwoti li mhumiex sal-2020 allokati lil installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq u li mhumiex allokati minħabba waqfien u waqfien parzjali jitpoġġew fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq.

(23)

EU ETS riformata u li tiffunzjona sew bi strument li jistabbilizza s-suq hija mezz ewlieni għall-Unjoni biex tilħaq il-mira miftiehma tagħha għall-2030 u l-impenji taħt il-Ftehim ta' Pariġi. Sabiex jiġi indirizzat l-iżbilanċ attwali bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti fis-suq, ser tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq taħt id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fl-2018 u din ser issir operazzjonali mill-2019 'il quddiem. B'kont meħud tal-ħtieġa li jingħata sinjal kredibbli ta' investiment biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 b'mod kosteffettiv u bil-ħsieb li tissaħħaħ l-EU ETS, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tiġi emendata sabiex, sal-31 ta' Diċembru 2023, jiżdiedu r-rati perċentwali biex jiġi ddeterminat in-numru ta' kwoti li għandhom jitpoġġew fir-riżerva kull sena. Barra minn hekk, bħala miżura fit-tul biex jitjieb il-funzjonament tal-EU ETS, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor fl-ewwel reviżjoni skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, mill-2023 'il quddiem, jenħtieġ li l-kwoti miżmuma fir-riżerva li jkunu iżjed min-numru totali tal-kwoti rkantati matul is-sena ta' qabel ma jibqgħux validi. Jenħtieġ li r-reviżjonijiet regolari tal-funzjonament tar-riżerva jikkunsidraw ukoll jekk għandhomx jinżammu dawk ir-rati ogħla.

(24)

Jenħtieġ li d-Direttiva 2003/87/KE tinżamm taħt reviżjoni fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali u sforzi meħuda biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi. Jenħtieġ li anke l-miżuri b'appoġġ għal ċerti industriji intensivi fl-enerġija li jistgħu jkunu soġġetti għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif imsemmi fl-Artikoli 10a u 10b tad-Direttiva 2003/87/KE jinżammu taħt reviżjoni, fid-dawl tal-miżuri marbutin mal-politika dwar it-tibdil fil-klima f'ekonomiji ewlenin oħra. F'dak il-kuntest ir-reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tista' tikkunsidra jekk ikunx jixraq li kwalunkwe miżura eżistenti għall-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhiex tiġi sostitwita, adattata jew ikkomplementata minn aġġustamenti fl-emissjonijiet tal-karbonju fil-fruntieri jew miżuri alternattivi, dment li dawn il-miżuri jkunu kompletament kompatibbli mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, sabiex jiġu nklużi, fl-EU ETS, l-importaturi ta' prodotti manifatturati mis-setturi jew is-subsetturi ddeterminati skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest ta' kull rendikont globali maqbul taħt il-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu adottati politiki u miżuri tal-Unjoni aktar stretti, inkluża l-EU ETS, fid-dawl tat-tnaqqis meħtieġ tal-gassijiet serra min-naħa tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tressaq proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex tiġi emendata d-Direttiva 2003/87/KE fejn ikun adatt. Bħala parti mir-rappurtar regolari tagħha taħt ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll l-eżitu tad-Djalogu faċilitattiv tal-2018 taħt l-UNFCCC (id-djalogu Talanoa).

(25)

Bil-għan li jiġu adottati atti mhux leġislattivi ta' applikazzjoni ġenerali biex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' att leġislattiv, jenħtieġ li tiġi delegata s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-Artikoli 3d(3), 10(4), 10a(1) u (8), 10b(5), 19(3), l-Artikolu 22, l-Artikoli 24(3), 24a(1), 25a(1) u l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, fost l-oħrajn fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati. Fir-rigward tad-delega taħt l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri li ma jużawx il-pjattaforma komuni għall-irkant ikunu jistgħu jkomplu ma jirrikorrux għaliha. Barra minn hekk, jenħtieġ li dik id-delega ma taffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-użu tad-dħul mill-irkant tagħhom.

(26)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tat-tielet sas-sitt subparagrafi tal-Artikolu 10a(2) tal-Artikolu 10a(21), tal-Artikolu 10d, tal-Artikolu 14(1) u (2), tal-Artikoli 15 u 16 u tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, u tal-Annessi IV u V ta' dik id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżercitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(27)

Sabiex l-għoti ta' setgħat lill-Kummissjoni jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li jiġu revokati s-setgħat eżistenti fir-rigward tal-adozzjoni ta' atti li jikkonċernaw dawn li ġejjin: it-tħaddim tar-riżerva speċjali taħt l-Artikolu 3f(9) tad-Direttiva 2003/87/KE, aktar speċifikazzjoni ta' kwantitajiet ta' krediti internazzjonali għall-iskambju u l-attribuzzjoni ta' kwantitajiet ta' krediti internazzjonali li jistgħu jiġu skambjati taħt l-Artikolu 11a(8) ta' dik id-Direttiva, l-istipulazzjoni ta' aktar standards għal dak li jista' jiġi skambjat taħt l-Artikolu 11a(9) ta' dik id-Direttiva u l-istipulazzjoni ta' aktar regoli dwar l-għadd doppju taħt l-Artikolu 11b(7) ta' dik id-Direttiva. L-atti adottati skont dawk id-dispożizzjonijiet jibqgħu japplikaw.

(28)

L-atti adottati skont id-Direttiva 2003/87/KE dwar suġġetti li relattivament għalihom din id-Direttiva tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati jew ta' implimentazzjoni, jibqgħu japplikaw sakemm jitħassru jew jiġu emendati. Fil-każ tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (13), l-aħħar kolonna tal-Anness I tagħha ser titħassar jekk u meta l-Kummissjoni tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-valuri riveduti tal-punt ta' referenza għall-allokazzjoni mingħajr ħlas. Sabiex tiżdied il-prevedibbiltà u jiġu ssimplifikati l-proċessi amministrattivi, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/746/UE (14) tkompli tapplika sa tmiem l-2020.

(29)

Jenħtieġ li l-atti delegati u ta' implimentazzjoni msemmija f'din id-Direttiva, partikolarment fir-rigward ta' dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika u dwar ir-Reġistru tal-Unjoni, ikollhom l-għan li jissimplifikaw ir-regoli u jnaqqsu kwalunkwe piż amministrattiv kemm jista' jkun possibbli, mingħajr ma jdgħajfu l-integrità ambjentali, is-sigurtà jew l-affidabilità tal-EU ETS. Fit-tħejjija ta' dawk l-atti, jenħtieġ li l-Kummissjoni b'mod partikolari tivvaluta l-effettività tar-regoli simplifikati ta' monitoraġġ, inkluż għal unitajiet ta' ġenerazzjoni tal-elettriku ta' emerġenza u supplimentari, filwaqt li jittieħed kont tas-sigħat ta' operazzjoni kull sena, u għal emittenti żgħar oħra, u tivvaluta wkoll il-possibilitajiet li tali regoli jiġu żviluppati aktar.

(30)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (15), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew iżjed li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva,, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti tkun ġustifikata.

(31)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-objettiv ta' livell għoli ta' protezzjoni ambjentali f'konformità mal-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli bl-aktar mod ekonomikament effiċjenti filwaqt li tagħti żmien adegwat lill-installazzjonijiet biex jadattaw ruħhom u tipprevedi b'mod proporzjonat trattament aktar favorevoli ta' persuni partikolarment milquta sal-livell massimu kompatibbli mal-objettivi l-oħra ta' din id-Direttiva.

(32)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(33)

Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE

Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fit-test kollu tad-Direttiva, it-terminu “skema Komunitarja” huwa sostitwit b'“EU ETS” u ssir kwalunkwe bidla grammatikali meħtieġa.

(2)

Fit-test kollu tad-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punt (1) ta' dan l-Artikolu, fl-Artikolu 26 tad-Direttiva u fil-punt (5) tal-Parti A tal-Anness V tad-Direttiva, il-kelma “skema” hija sostitwita bil-kelma “sistema” u ssir kwalunkwe bidla grammatikali meħtieġa.

(3)

Fit-test kollu tad-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punt (1) ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 26 tad-Direttiva, il-kelma “Komunità” hija sostitwita b'“Unjoni” u ssir kwalunkwe bidla grammatikali meħtieġa.

(4)

Fit-test kollu tad-Direttiva, il-kliem “proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2)” huma sostitwiti bil-kliem “proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2)”.

(5)

Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3c(2) u fl-Artikolu 10(1a), ir-referenza għal “Artikolu 13(1)” hija sostitwita b'referenza għal “Artikolu 13”.

(6)

Fl-Artikolu 3g, fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5, fil-punt (c) tal-Artikolu 6(2), fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(2), fl-Artikolu 14(2), (3) u (4), fl-Artikolu 19(1) u (4), fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 29a(4), il-kelma “Regolament” hija sostitwita bil-kelma “atti” u ssir kwalunkwe bidla grammatikali meħtieġa.

(7)

Fl-Artikolu 3, il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(h)

“installazzjoni li daħlet ġdida fis-suq” tfisser kwalunkwe installazzjoni li twettaq waħda, jew aktar, mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I, li tkun kisbet permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-ewwel darba fil-perijodu li jibda minn tliet xhur qabel id-data għall-preżentazzjoni tal-lista taħt l-Artikolu 11(1), u jispiċċa tliet xhur qabel id-data għall-preżentazzjoni tal-lista sussegwenti taħt dak l-Artikolu;”.

(8)

Fl-Artikolu 3d, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva dwar l-arranġamenti dettaljati għall-irkantar mill-Istati Membri tal-kwoti mill-avjazzjoni f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu jew mal-Artikolu 3f(8). In-numru ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati f'kull perijodu minn kull Stat Membru għandu jkun proporzjonat għas-sehem tiegħu tat-total tal-emissjonijiet attribwiti għall-avjazzjoni tal-Istati Membri kollha għas-sena ta' referenza rrappurtata skont l-Artikolu 14(3) u verifikati skont l-Artikolu 15 Għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), is-sena ta' referenza għandha tkun l-2010, u għal kull perijodu sussegwenti msemmi fl-Artikolu 3c, is-sena ta' referenza għandha tkun is-sena kalendarja li tispiċċa 24 xahar qabel ma jibda l-perijodu li għalih jirreferi l-irkant. L-atti delegati għandhom jiżguraw li jkunu rispettati l-prinċipji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4).”.

(9)

Fl-Artikolu 3f, jitħassar il-paragrafu 9.

(10)

Fl-Artikolu 6(1), jitħassar it-tielet subparagrafu.

(11)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Koordinazzjoni mad-Direttiva 2010/75/UE

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, f'każijiet fejn l-installazzjonijiet iwettqu attivitajiet li huma inklużi fl-Anness I mad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), il-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-ħruġ ta' permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra jiġu kkoordinati ma' dawk għall-ħruġ ta' permess previst f'dik id-Direttiva. Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu integrati fil-proċeduri previsti fid-Direttiva 2010/75/UE.

(*1)  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).”."

(12)

Fl-Artikolu 9, it-tieni u t-tielet paragrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Mill-2021 'il quddiem, il-fattur lineari għandu jkun ta' 2,2 %.”.

(13)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Mill-2019 'il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma jiġux allokati mingħajr ħlas f'konformità mal-Artikoli 10a u 10c ta' din id-Direttiva u li ma jitqegħdux fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) (ir-“riżerva tal-istabbiltà tas-suq”) jew li ma jiġux ikkanċellati f'konformità mal-Artikolu 12(4) ta' din id-Direttiva.

Mill-2021 'il quddiem, u mingħajr preġudizzju għal tnaqqis possibbli skont l-Artikolu 10a(5a), is-sehem tal-kwoti li għandu jiġi rkantat għandu jkun ta' 57 %.

2 % tal-kwantità totali tal-kwoti fil-perijodu ta' bejn l-2021 u l-2030 għandhom ikunu rkantati biex jiġi stabbilit fond għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija ta' ċerti Stati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 10d (“il-Fond għall-Modernizzazzjoni”).

Il-kwantità totali li jifdal tal-kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri għandha tkun distribwita f'konformità mal-paragrafu 2.

(*2)  Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a), il-perċentwal “88 %” huwa sostitwit b'“90 %”;

(ii)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

10 % tal-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati jiġu distribwiti fost ċerti Stati Membri għal finijiet ta' solidarjetà, tkabbir u interkonnessjonijiet fl-Unjoni, b'hekk jiżdied l-ammont ta' kwoti li dawk l-Istati Membri jirkantaw taħt il-punt (a) bil-perċentwali speċifikati fl-Anness IIa.”;

(iii)

il-punt (c) jitħassar;

(iv)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Jekk meħtieġ, il-perċentwali msemmija fil-punt (b) għandhom jiġu adattati b'mod proporzjonat biex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni tkun ta' 10 %.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

għall-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli biex jitwettaq l-impenn tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli, kif ukoll biex jiġu żviluppati teknoloġiji oħra li jikkontribwixxu għat-transizzjoni għal ekonomija sikura u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u bħala għajnuna fit-twettiq tal-impenn tal-Unjoni li tiżdied l-effiċjenza enerġetika għal-livelli maqbula f'atti leġislattivi rilevanti;”;

(ii)

il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(h)

għal miżuri maħsuba biex itejbu l-effiċjenza enerġetika, is-sistemi ta' tisħin urban u l-insulazzjoni, jew biex jipprovdu appoġġ finanzjarju sabiex jiġu indirizzati aspetti soċjali f'familji bi dħul baxx u medju;”;

(iii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(j)

għall-finanzjament ta' azzjonijiet marbutin mal-politika dwar il-klima f'pajjiżi terzi vulnerabbli, inkluż l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima;

(k)

għall-promozzjoni tal-formazzjoni tal-ħiliet u r-rilokazzjoni tal-ħaddiema sabiex isir kontribut għal transizzjoni ġusta lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, b'mod partikolari fir-reġjuni milquta l-agħar mit-transizzjoni tal-impjiegi, f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali.”;

(d)

fil-paragrafu 4, l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 23, biex tissupplimenta din id-Direttiva fir-rigward tal-ħinijiet, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar, sabiex jiġi żgurat li dan jitwettaq b'mod miftuħ, trasparenti, armonizzat u mhux diskriminatorju. Għal dak il-għan, il-proċess għandu jkun prevedibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħinijiet u s-sekwenzjar tal-irkanti u l-volumi stmati ta' kwoti li jridu jsiru disponibbli.

Dawk l-atti delegati għandhom jiżguraw li l-irkanti jkunu maħsuba biex jiżguraw li:

(a)

l-operaturi, u b'mod partikolari kwalunkwe intrapriża żgħira jew ta' daqs medju koperta mill-EU ETS, ikollhom aċċess sħiħ, ġust u ekwu;

(b)

il-parteċipanti kollha jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni fl-istess ħin u l-parteċipanti ma jimminawx l-operar tal-irkanti;

(c)

l-organizzazzjoni ta', u l-parteċipazzjoni fi, l-irkanti jkunu kosteffiċjenti u l-ispejjeż amministrattivi mhux dovuti jiġu evitati; u

(d)

l-emittenti ż-żgħar jingħataw aċċess għall-kwoti.”;

(e)

fil-paragrafu 5, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Kull sena, hija għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-suq tal-karbonju u dwar politiki rilevanti oħra dwar il-klima u l-enerġija, inklużi l-operar tal-irkanti, il-likwidità u l-volumi nnegozjati, u li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri dwar il-miżuri finanzjarji msemmija fl-Artikolu 10a(6).”.

(14)

L-Artikolu 10a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva fir-rigward ta' regoli li japplikaw għall-Unjoni kollha u li huma kompletament armonizzati għall-allokazzjoni ta' kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 19 ta' dan l-Artikolu.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni għall-fini li jiġu determinati l-valuri riveduti tal-punt ta' referenza għall-allokazzjoni mingħajr ħlas. Dawk l-atti għandhom jikkonformaw mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandhom jaderixxu ma' dan li ġej:

(a)

Għall-perijodu mill-2021 sal-2025, il-valuri tal-punt ta' referenza għandhom jiġu determinati abbażi tal-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 11 għas-snin 2016 u 2017. Abbażi ta' tqabbil ta' dawk il-valuri tal-punt ta' referenza mal-valuri tal-punt ta' referenza li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (*3), kif adottata fis-27 ta' April 2011, il-Kummissjoni għandha tiddetermina r-rata tat-tnaqqis annwali għal kull punt ta' referenza, u għandha tapplikah għall-valuri tal-punt ta' referenza applikabbli fil-perijodu mill-2013 sal-2020 fir-rigward ta' kull sena bejn l-2008 u l-2023 biex tiddetermina l-valuri tal-punt ta' referenza għall-perijodu mill-2021 sal-2025.

(b)

Fejn ir-rata ta' tnaqqis annwali taqbeż 1,6 % jew tkun anqas minn 0,2 %, il-valuri tal-punt ta' referenza għall-perijodu mill-2021 sal-2025 għandhom ikunu l-valuri tal-punt ta' referenza applikabbli fil-perijodu mill-2013 sal-2020 imnaqqsa bir-rata minn dawk iż-żewġ rati perċentwali li tkun rilevanti fir-rigward ta' kull sena bejn l-2008 u l-2023.

(c)

Għall-perijodu mill-2026 sal-2030, il-valuri tal-punt ta' referenza għandhom jiġu determinati bl-istess mod kif stabbilit fil-punti (a) sa (b) abbażi ta' informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 11 għas-snin 2021 u 2022 u abbażi tal-applikazzjoni tar-rata ta' tnaqqis annwali fir-rigward ta' kull sena bejn l-2008 u l-2028.

B'deroga fir-rigward tal-valuri tal-punt ta' referenza għall-aromatiċi, l-idroġenu u l-gass sintetiku, dawn il-valuri tal-punt ta' referenza għandhom ikunu aġġustati bl-istess perċentwal bħall-parametri referenzjarji tar-raffineriji sabiex jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-produtturi ta' dawk il-prodotti.

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).

Bil-għan li jiġi promoss l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, għall-perijodu msemmi fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu, il-valur tal-punt ta' referenza għal metall jaħraq, li fil-biċċa l-kbira hu marbut ma' gassijiet tal-iskart, għandu jiġi aġġornat b'rata ta' tnaqqis annwali ta' 0,2 %.

(*3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1).”;"

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Għandha tingħata allokazzjoni mingħajr ħlas għal tisħin urban kif ukoll għal koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, kif definit bid-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), għal domanda li tkun ekonomikament ġustifikabbli, fir-rigward tal-produzzjoni tat-tisħin jew tat-tkessiħ. Kull sena wara l-2013, l-allokazzjoni totali għal tali installazzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni ta' dik is-sħana għandha tiġi aġġustata bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe sena li fiha dawk l-allokazzjonijiet jiġu aġġustati b'mod uniformi skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

(*4)  Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id- Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1)..”;"

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Sabiex jiġi rispettat is-sehem tal-irkantar stabbilit fl-Artikolu 10, għal kull sena li fiha l-għadd tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas ma jilħaqx l-ammont massimu li jirrispetta s-sehem tal-irkantar, il-kwoti li jifdal sa dak l-ammont għandhom jintużaw għall-prevenzjoni jew il-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas sabiex jiġi rrispettat is-sehem tal-irkantar fis-snin ta' wara. Fejn, madankollu, jintlaħaq l-ammont massimu, l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas għandhom ikunu aġġustati kif xieraq. Kwalunkwe tali aġġustament għandu jsir b'mod uniformi.”;

(e)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“5a.   B'deroga mill-paragrafu 5, ammont addizzjonali sa 3 % tal-kwantità totali ta' kwoti għandu, sa fejn meħtieġ, jintuża biex jiżdied l-ammont massimu disponibbli taħt il-paragrafu 5.

5b.   Fejn ikun meħtieġ inqas minn 3 % tal-kwantità totali ta' kwoti biex jiżdied l-ammont massimu disponibbli taħt il-paragrafu 5:

ammont massimu ta' 50 miljun kwota għandu jintuża biex jiżdied l-ammont ta' kwoti disponibbli biex jappoġġaw l-innovazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10a(8); u

ammont massimu ta' 0,5 % tal-kwantità totali ta' kwoti għandu jintuża biex jiżdied l-ammont ta' kwoti disponibbli biex jiġu modernizzati s-sistemi tal-enerġija ta' ċerti Stati Membri skont l-Artikolu 10d.”;

(f)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw, f'konformità mat-tieni u r-raba' subparagrafi, miżuri finanzjarji li jiffavorixxu setturi jew subsetturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba spejjeż indiretti sinifikanti li huma effettivament imġarrba mill-ispejjeż tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jingħaddu għall-prezzijiet tal-elettriku, dment li tali miżuri finanzjarji jkunu f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u b'mod partikolari ma jikkawżawx distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Fejn l-ammont disponibbli għal tali miżuri finanzjarji jeċċedi 25 % tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti r-raġunijiet għalfejn qabeż dak l-ammont.

L-Istati Membri għandhom ifittxu wkoll li jużaw mhux aktar minn 25 % tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti għall-miżuri finanzjarji msemmija fl-ewwel subparagrafu. Fi żmien tliet xhur mit-tmiem ta' kull sena, l-Istati Membri li jkollhom tali miżuri finanzjarji fis-seħħ għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, f'forma li tkun faċilment aċċessibbli, l-ammont totali ta' kumpens ipprovdut għal kull settur u subsettur benefiċjarju. Mill-2018 'il quddiem, għal kull sena li fiha Stat Membru juża aktar minn 25 % tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti għal tali finijiet, huwa għandu jippubblika rapport li jispjega r-raġunijiet għalfejn qabeż dak l-ammont. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni rilevanti dwar il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi industrijali kbar li jibbenefikaw minn tali miżuri finanzjarji, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar jekk ġewx ikkunsidrati kif dovut miżuri oħra biex jitnaqqsu b'mod sostenibbli l-ispejjeż indiretti tal-karbonju fuq perijodu ta' żmien medju sa twil.

Il-Kummissjoni għandha tinkludi fir-rapport previst fl-Artikolu 10(5), fost l-oħrajn, valutazzjoni tal-effetti ta' tali miżuri finanzjarji fuq is-suq intern u, fejn ikun adatt, tirrakkomanda kwalunkwe miżura li tista' tkun meħtieġa skont dik il-valutazzjoni.

Dawk il-miżuri għandhom ikunu tali li jiżguraw protezzjoni adegwata kontra r-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, abbażi ta' parametri referenzjarji ex ante tal-emissjonijiet indiretti tas-CO2 għal kull unità tal-produzzjoni. Dawk il-parametri referenzjarji ex ante għandhom jiġu kkalkulati għal settur jew subsettur partikolari bħala l-prodott tal-konsum tal-elettriku għal kull unità tal-produzzjoni li jikkorrispondi għall-iktar teknoloġiji effiċjenti disponibbli u tal-emissjonijiet tas-CO2 tat-taħlita Ewropea rilevanti tal-produzzjoni tal-elettriku.”;

(g)

il-paragrafu 7 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-kwoti mill-ammont massimu msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu li ma kinux allokati mingħajr ħlas sal-2020 għandhom jitwarrbu għal installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, flimkien ma' 200 miljun kwota mqiegħdafir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814. Mill-kwoti mwarrba, sa 200 miljun kwota għandhom jerġgħu jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq fi tmiem il-perijodu mill-2021 sal-2030 jekk ma jkunux allokati għal dak il-perijodu.

Mill-2021 'il quddiem, il-kwoti li taħt il-paragrafi 19 u 20 mhumiex allokati għal installazzjonijiet għandhom jiżdiedu mal-ammont ta' kwoti mwarrba skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.”;

(ii)

jitħassru r-raba' u l-ħames subparagrafi.

(h)

fil-paragrafu 8, l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“325 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi allokata mingħajr ħlas skont dan l-Artikolu, u 75 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi rkantata skont l-Artikolu 10, għandhom isiru disponibbli biex jappoġġaw l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u l-proċessi b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi elenkati fl-Anness I, inkluż il-ġbir u l-użu tad-dijossidu tal-karbonju (CCU, carbon capture and utilisation) li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u li jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll prodotti li jissostitwixxu dawk li għandhom intensità qawwija ta' karbonju li huma prodotti f'setturi elenkati fl-Anness I, u biex jistimulaw il-bini u t-tħaddim ta' proġetti li jimmiraw għall-ġbir u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 (CCS, capture and storage of CO2) mingħajr periklu għall-ambjent, kif ukoll ta' teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli u tal-ħżin tal-enerġija; f'siti ġeografikament ibbilanċjati fit-territorju tal-Unjoni (il-‘fond għall-innovazzjoni’). Il-proġetti fl-Istati Membri kollha, inklużi proġetti fuq skala żgħira, għandhom ikunu eliġibbli.

Barra minn hekk, 50 miljun kwota, mhux allokati, mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandhom jissupplimentaw kull dħul li jifdal mit-300 miljun kwota disponibbli fil-perijodu mill-2013 sal-2020 taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE (*5), u għandhom jintużaw b'mod f'waqtu għall-appoġġ tal-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Il-proġetti għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti, filwaqt li jitqies, fejn ikun rilevanti, kemm il-proġetti jikkontribwixxu biex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet sew taħt il-parametri referenzjarji msemmija fil-paragrafu 2. Il-proġetti għandu jkollhom il-potenzjal għal applikazzjoni estensiva jew li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-ispejjeż tat-transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fis-setturi kkonċernati. Proġetti li jinvolvu s-CCU għandhom iwasslu għal tnaqqis nett fl-emissjonijiet u jiżguraw li s-CO2 jiġi evitat jew inkella maħżun b'mod permanenti. It-teknoloġiji li jirċievu appoġġ m'għandhomx ikunu diġà disponibbli fis-suq iżda għandhom jirrappreżentaw soluzzjonijiet rivoluzzjonarji jew ikunu maturi biżżejjed biex ikunu lesti għal dimostrazzjoni fuq skala prekummerċjali. Sa 60 % tal-ispejjeż rilevanti tal-proġetti jistgħu jiġu appoġġati, li minnhom sa 40 % ma jeħtiġux li jkunu dipendenti fuq il-prevenzjoni verifikata tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, dment li jintlaħqu l-istadji importanti predeterminati, filwaqt li titqies it-teknoloġija użata.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva fir-rigward tar-regoli dwar l-operat tal-fond għall-innovazzjoni, inklużi l-proċedura u l-kriterji tal-għażla.

(*5)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta' Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta' proġetti kummerċjali ta' dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta' CO2, f'kundizzjonijiet ta' sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta' proġetti ta' dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli, fl- ambitu tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l- Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39).”;"

(i)

il-paragrafu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.   Il-Greċja, li kellha prodott domestiku gross (PDG) per capita bil-prezzijiet tas-suq ta' inqas minn 60 % tal-medja tal-Unjoni fl-2014, tista' titlob, qabel l-applikazzjoni tal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, sa 25 miljun kwota mill-ammont massimu msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu li ma jkunux allokati mingħajr ħlas sal-31 ta' Diċembru 2020, għall-kofinanzjament ta' mhux iżjed minn 60 % tad-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku tal-gżejjer fit-territorju tagħha. L-Artikolu 10d(3) għandu japplika mutatis mutandis għal tali kwoti. Jistgħu jintalbu kwoti fejn, minħabba aċċess ristrett għas-swieq tad-dejn internazzjonali, proġett maħsub għad-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku tal-gżejjer tal-Greċja ma jkunx jista' jitwettaq b'mod ieħor u fejn il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jikkonferma l-vijabbiltà finanzjarja u l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-proġett.”;

(j)

jitħassar il-paragrafu 10;

(k)

fil-paragrafu 11, jitħassru l-kliem “, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027”;

(l)

jitħassru l-paragrafi 12 sa 18;

(m)

il-paragrafu 20 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“20.   Il-livell ta' allokazzjonijiet bla ħlas mogħtija lil installazzjonijiet li l-operat tagħhom żdied jew naqas, skont valutazzjoni bbażata fuq medja mobbli ta' sentejn, b'aktar minn 15 % meta mqabbel mal-livell użat inizjalment biex jiddetermina l-allokazzjoni bla ħlas għall-perijodu rilevanti msemmi fl-Artikolu 11(1) għandu, kif ikun adatt, jiġi aġġustat. Tali aġġustamenti għandhom isiru bi kwoti mill-ammont ta' kwoti mwarrba skont il-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu jew billi jiżdiedu miegħu.”;

(n)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“21.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva, nondiskriminatorja u uniformi tal-aġġustamenti u l-livell limitu msemmija fil-paragrafu 20 ta' dan l-Artikolu, sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv bla bżonn, u sabiex ma jitħallewx isiru manipulazzjoni jew abbuż tal-aġġustamenti għall-allokazzjoni, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddefinixxu arranġamenti ulterjuri għall-aġġustamenti. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).”.

(15)

L-Artikoli 10b u 10c huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 10b

Miżuri transizzjonali li jappoġġaw ċerti industriji intensivi fl-enerġija f'każ ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju

1.   Is-setturi u s-subsetturi li fir-rigward tagħhom il-prodott li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-intensità tal-kummerċ tagħhom ma' pajjiżi terzi, definita bħala l-proporzjon bejn il-valur totali tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi flimkien mal-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u d-daqs totali tas-suq għaż-Żona Ekonomika Ewropea (il-fatturat annwali flimkien mal-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi), bl-intensità tal-emissjonijiet tagħhom, imkejla f'kgCO2 diviża bil-valur miżjud gross (f'euro) tagħhom, jeċċedi 0,2, għandhom jitqiesu li huma f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Lil tali setturi u subsetturi għandhom jiġu allokati kwoti bla ħlas għall-perijodu sal-2030 ta' 100 % tal-kwantità determinata skont l-Artikolu 10a.

2.   Is-setturi u subsetturi li fir-rigward tagħhom il-prodott li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-intensità tal-kummerċ tagħhom ma' pajjiżi terzi bl-intensità tal-emissjonijiet tagħhom jeċċedi 0,15 jistgħu jkunu inklużi fil-grupp imsemmi fil-paragrafu 1, bl-użu tad-data għas-snin mill-2014 sal-2016, fuq il-bażi ta' valutazzjoni kwalitattiva u tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-limitu sa fejn huwa possibbli għal installazzjonijiet individwali fis-settur jew subsetturi kkonċernati li jnaqqsu l-livelli tal-emissjonijiet jew il-konsum tal-elettriku;

(b)

il-karatteristiċi attwali u previsti tas-suq, inkluż, fejn rilevanti, kwalunkwe prezz ta' referenza komuni;

(c)

il-marġni tal-profitti bħala indikatur potenzjali ta' investiment fit-tul jew deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-bidliet fl-ispejjeż tal-produzzjoni marbuta mat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

3.   Is-setturi u s-subsetturi li ma jeċċedux il-livell limitu msemmi fil-paragrafu 1, iżda li jkollhom intensità tal-emissjonijiet imkejla f'kgCO2 diviża bil-valur gross miżjud tagħhom (f'euro), li teċċedi 1,5, għandhom ukoll jiġu vvalutati fil-livell ta' 4 numri (kodiċi NACE-4). Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati ta' dik il-valutazzjoni.

Fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, is-setturi u s-subsetturi msemmija f'dak is-subparagrafu jistgħu japplikaw lill-Kummissjoni jew għal valutazzjoni kwalitattiva tal-espożizzjoni tagħhom għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-livell ta' 4 figuri (kodiċi NACE-4), jew għal valutazzjoni abbażi tal-klassifikazzjoni ta' oġġetti użati għal statistika dwar il-produzzjoni industrijali fl-Unjoni fil-livell ta' 8 figuri (Prodcom). Għal dak il-għan, is-settur u s-subsettur għandhom jippreżentaw data li tkun debitament sostanzjata, sħiħa u verifikata b'mod indipendenti li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-valutazzjoni flimkien mal-applikazzjoni.

Fejn settur jew subsettur jagħżel li jiġi vvalutat fil-livell ta' 4 figuri (kodiċi NACE-4), dan jista' jiġi inkluż fil-grupp imsemmi fil-paragrafu 1 abbażi tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2. Fejn settur jew subsettur jagħżel li jiġi vvalutat fil-livell ta' 8 figuri (Prodcom), dan għandu jiġi inkluż fil-grupp imsemmi fil-paragrafu 1 dment li, f'dak il-livell, il-livell limitu ta' 0,2 imsemmi fil-paragrafu 1 jinqabeż.

Is-setturi u subsetturi li għalihom l-allokazzjoni bla ħlas tiġi kkalkulata abbażi tal-valuri tal-punt ta' referenza msemmija fis-subparagrafu 4 tal-Artikolu 10a(2) jistgħu jitolbu wkoll li jiġu vvalutati f'konformità mas-subparagrafu 3 ta' dan il-paragrafu.

B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, sat-30 ta' Ġunju 2018 Stat Membru jista' jitlob li settur jew subsettur elenkat fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/746/UE (*6) fir-rigward ta' klassifikazzjonijiet fil-livell ta' 6 figuri jew ta' 8 figuri (Prodcom) jitqies li jiġi inkluż fil-grupp imsemmi fil-paragrafu 1. Kwalunkwe tali talba għandha tiġi kkunsidrata biss fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jistabbilixxi li l-applikazzjoni ta' dik id-deroga hija ġġustifikata fuq il-bażi ta' data debitament sostanzjata, sħiħa, verifikata u awditjata għall-ħames snin l-aktar reċenti pprovduta mis-settur jew is-subsettur ikkonċernat u tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha mat-talba tiegħu. Abbażi ta' dik id-data, is-settur jew is-subsettur ikkonċernat għandu jiġi inkluż fir-rigward ta' dawk il-klassifikazzjonijiet fejn, fi ħdan livell eteroġenu ta' 4 figuri (kodiċi NACE-4), jintwera li jkollu intensità tal-kummerċ u tal-emissjonijiet sostanzjalment ogħla fil-livell ta' 6 figuri jew ta' 8 figuri (Prodcom), li taqbeż il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1.

4.   Setturi u subsetturi oħrajn jitqiesu li jistgħu jgħaddu aktar mill-ispejjeż tal-kwoti lill-prezzijiet tal-prodotti, u għandhom jiġu allokati lilhom kwoti bla ħlas ta' 30 % tal-kwantità determinata skont l-Artikolu 10a. Sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor fir-reviżjoni skont l-Artikolu 30, l-allokazzjonijiet bla ħlas għal setturi u subsetturi oħrajn, għajr it-tisħin urban, għandhom jitnaqqsu b'ammonti indaqs wara l-2026 sabiex jintlaħaq livell ta' ebda allokazzjoni bla ħlas fl-2030.

5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta, sal-31 ta' Diċembru 2019, atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva fir-rigward tad-determinazzjoni ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, kif imsemmi fil- paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, għall-attivitajiet f'livell ta' 4 numri (kodiċi NACE-4) fir-rigward tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, abbażi ta' data għat-tliet snin kalendarji l-aktar reċenti disponibbli.

Artikolu 10c

Għażla għal allokazzjoni bla ħlas transizzjonali għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija

1.   B'deroga mill-Artikolu 10a(1) sa (5), l-Istati Membri li fl-2013 kellhom PDG per capita bil-prezzijiet tas-suq (f'euro) taħt is-60 % tal-medja tal-Unjoni jistgħu jagħtu allokazzjoni bla ħlas transizzjonali lil installazzjonijiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku għall-modernizzazzjoni, id-diversifikazzjoni u t-trasformazzjoni sostenibbli tas-settur tal-enerġija. L-investimenti appoġġati għandhom ikunu konsistenti mat-transizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, sigura u sostenibbli, mal-objettivi tal-qafas politiku tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030, u mal-kisba tal-objettivi fit-tul espressi fil-Ftehim ta' Pariġi. Id-deroga prevista f'dan il-paragrafu għandha tintemm fil-31 ta' Diċembru 2030.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jorganizza proċess kompetittiv ta' offerti, li għandu jsir fi stadju wieħed jew aktar bejn l-2021 u l-2030, għal proġetti li jinvolvu ammont totali ta' investiment li jeċċedi EUR 12,5-il miljun, biex jintgħażlu l-investimenti li għandhom ikunu ffinanzjati b'allokazzjoni bla ħlas. Dak il-proċess kompetittiv ta' offerti għandu:

(a)

jikkonforma mal-prinċipji ta' trasparenza, nondiskriminazzjoni, trattament indaqs u ġestjoni finanzjarja tajba;

(b)

jiżgura li jkunu biss dawk il-proġetti li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija u s-sorsi tal-provvista tagħhom, għar-ristrutturar meħtieġ, għall-aġġornament ambjentali u r-rinnovament tal-infrastruttura, għat-teknoloġiji ndaf, bħat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, jew għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-produzzjoni tal-enerġija, bħat-tisħin urban effiċjenti u sostenibbli, u tas-settur tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni, li jkunu eliġibbli biex iressqu offerta;

(c)

jiddefinixxi kriterji tal-għażla ċari, oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji għall-klassifikazzjoni tal-proġetti, sabiex jiżgura li jintgħażlu biss proġetti li:

(i)

fuq il-bażi ta' analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, jiżguraw gwadann nett pożittiv f'termini ta' tnaqqis ta' emissjonijiet u jirrealizzaw livell sinifikanti determinat minn qabel ta' tnaqqis ta' CO2 filwaqt li jitqies id-daqs tal-proġett;

(ii)

huma addizzjonali, jwieġbu b'mod ċar għall-ħtiġijiet ta' sostituzzjoni u modernizzazzjoni u ma jipprovdux żieda motivata mis-suq fid-domanda għall-enerġija;

(iii)

joffru l-aħjar valur għall-flus; u

(iv)

ma jikkontribwixxux għal, jew itejbu, il-vijabbiltà finanzjarja tal-ġenerazzjoni tal-elettriku b'emissjonijiet intensivi ħafna u lanqas ma jżidu d-dipendenza fuq karburanti fossili b'emissjonijiet intensivi.

B'deroga mill-Artikolu 10(1) u mingħajr preġudizzju għall-aħħar sentenza tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, f'każ li investiment magħżul permezz tal-proċess kompetittiv ta' offerti jiġi kkanċellat jew il-prestazzjoni prevista ma tintlaħaqx, il-kwoti allokati jistgħu jintużaw permezz ta' ċiklu addizzjonali wieħed tal-proċess kompetittiv ta' offerti mhux aktar kmieni minn sena wara sabiex jiġu ffinanzjati investimenti oħrajn.

Sat-30 ta' Ġunju 2019, kwalunkwe Stat Membru li beħsiebu jagħmel użu minn allokazzjoni bla ħlas, transizzjonali u fakultattiva, għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija għandu jippubblika qafas nazzjonali dettaljat li jiddeskrivi l-proċess kompetittiv ta' offerti, inkluż l-għadd ta' ċikli ppjanati msemmija fl-ewwel subparagrafu, u l-kriterji tal-għażla għall-kummenti tal-pubbliku.

Fejn investimenti b'valur ta' inqas minn EUR 12,5-il miljun għandhom jiġu appoġġati b'allokazzjoni bla ħlas u ma jintgħażlux permezz tal-proċess kompetittiv ta' offerti msemmi f'dan il-paragrafu, l-Istat Membru għandu jagħżel il-proġetti fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti. Ir-riżultati ta' dan il-proċess ta' għażla għandhom jiġu ppubblikati għall-kummenti tal-pubbliku. Fuq din il-bażi, l-Istat Membru kkonċernat għandu, sat-30 ta' Ġunju 2019, jistabbilixxi, jippubblika u jissottometti lill-Kummissjoni lista ta' investimenti. Fejn aktar minn investiment wieħed isir fl-istess installazzjoni, huma għandhom jiġu evalwati fit-totalità tagħhom sabiex jiġi stabbilit jekk jinqabiżx il-livell limitu ta' EUR 12,5-il miljun, sakemm dawk l-investimenti ma jkunux teknikament jew finanzjarjament vijabbli b'mod indipendenti.

3.   Il-valur tal-investimenti maħsuba għandu jkun tal-anqas daqs il-valur tas-suq tal-allokazzjoni bla ħlas, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu limitati ż-żidiet fil-prezzijiet konnessi direttament. Il-valur tas-suq għandu jkun il-medja tal-prezz tal-kwoti fuq il-pjattaforma komuni tal-irkant fis-sena kalendarja preċedenti. Sa 70 % tal-ispejjeż rilevanti ta' investiment jistgħu jiġu appoġġati permezz ta' allokazzjoni bla ħlas sakemm l-ispejjeż li jkun fadal jiġu ffinanzjati minn entitajiet legali privati.

4.   L-allokazzjonijiet bla ħlas transizzjonali għandhom jitnaqqsu mill-kwantità tal-kwoti li l-Istat Membru kieku kien jirkanta. L-allokazzjoni bla ħlas totali m'għandhiex tkun iżjed minn 40 % tal-kwoti li l-Istat Membru kkonċernat jirċievi, skont l-Artikolu 10(2)(a), fil-perijodu mill-2021 sal-2030, mifruxa f'volumi annwali indaqs tul dak il-perijodu.

5.   Fejn Stat Membru, skont l-Artikolu 10d(4), juża kwoti mqassma għall-finijiet ta' solidarjetà, tkabbir u interkonnessjonijiet fi ħdan l-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 10(2)(b), dak l-Istat Membru jista', b'deroga mill-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, juża għall-allokazzjoni bla ħlas transizzjonali kwantità totali sa 60 % tal-kwoti riċevuti fil-perijodu mill-2021 sal-2030 skont l-Artikolu 10(2)(a), bl-użu ta' ammont korrispondenti tal-kwoti mqassma f'konformità mal-Artikolu 10(2)(b).

Kwalunkwe kwota mhux allokata taħt dan l-Artikolu sal-2020 tista' tiġi riportata għall-perijodu mill-2021 sal-2030 għal investimenti magħżula permezz tal-proċess kompetittiv ta' offerti msemmi fil-paragrafu 2, ħlief meta l-Istat Membru kkonċernat jinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2019 dwar l-intenzjoni tiegħu li ma jallokax dawk il-kwoti, kollha jew parti minnhom, matul il-perijodu mill-2021 sal-2030 u dwar l-ammont ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati minflok fl-2020. Fejn tali kwoti jiġu allokati matul il-perijodu mill-2021 sal-2030, ammont korrispondenti ta' kwoti għandu jitqies għall-applikazzjoni tal-limitu ta' 60 % stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

6.   L-allokazzjonijiet lill-operaturi għandhom isiru malli tingħata prova li investiment magħżul skont ir-regoli tal-proċess kompetittiv ta' offerti jkun sar. Fejn investiment iwassal għal kapaċità addizzjonali ta' ġenerazzjoni tal-elettriku, l-operatur ikkonċernat għandu wkoll juri li ammont korrispondenti ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku aktar intensiva fl-emissjonijiet ġie dekummissjonat minnu jew minn operatur assoċjat ieħor sal-bidu tal-operat tal-kapaċità addizzjonali.

7.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-ġeneraturi tal-elettriku u l-operaturi ta' netwerks li jibbenefikaw jirrapportaw, sat-28 ta' Frar ta' kull sena, dwar l-implimentazzjoni tal-investimenti magħżula tagħhom, inkluż il-bilanċ tal-allokazzjoni bla ħlas u n-nefqa ta' investiment imġarrba u t-tipi ta' investiment appoġġati. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar dan lill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni għandha tagħmel it-tali rapporti pubbliċi.

(*6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/746/UE tas-27 ta' Ottubru 2014 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu mill-2015 sal-2019 (ĠU L 308, 29.10.2014, p. 114).”."

(16)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10d

Fond għall-Modernizzazzjoni

1.   Fond li jappoġġa l-investimenti proposti mill-Istati Membri benefiċjarji, inkluż il-finanzjament ta' proġetti b'investiment fuq skala żgħira, għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri bi PDG per capita bil-prezzijiet tas-suq taħt is-60 % tal-medja tal-Unjoni fl-2013 (il-‘Fond għall-Modernizzazzjoni’) għandu jiġi stabbilit għall-perijodu mill-2021 sal-2030. Il-Fond għall-Modernizzazzjoni għandu jkun iffinanzjat permezz tal-irkantar ta' kwoti kif stabbilit fl-Artikolu 10.

L-investimenti appoġġati għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet ta' din id-Direttiva, kif ukoll l-objettivi tal-qafas politiku tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030 u l-objettivi fit-tul kif espressi fil-Ftehim ta' Pariġi. L-ebda appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni ma għandu jingħata lil faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw karburanti fossili solidi għajr it-tisħin urban effiċjenti u sostenibbli fl-Istati Membri li għandhom PDG per capita bil-prezzijiet tas-suq taħt it-30 % tal-medja tal-Unjoni fl-2013, sakemm jkun qed jintuża ammont ta' kwoti mill-inqas ta' valur ekwivalenti għal investimenti taħt l-Artikolu 10c li ma jinvolvux karburanti fossili solidi.

2.   Mill-inqas 70 % tar-riżorsi finanzjarji mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għandhom jintużaw biex jappoġġaw investimenti fil-ġenerazzjoni u l-użu ta' elettriku minn sorsi rinnovabbli, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika, għajr effiċjenza enerġetika relattiva għall-ġenerazzjoni ta' enerġija li tuża karburanti fossili solidi, il-ħżin tal-enerġija u l-modernizzazzjoni ta' netwerks tal-enerġija, inklużi sistemi ta' pajpijiet għat-tisħin urban, grids għat-trasmissjoni tal-elettriku u ż-żieda ta' interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri, kif ukoll bħala appoġġ għal transizzjoni ġusta f'reġjuni li jiddependu mill-karbonju fl-Istati Membri benefiċjarji, sabiex jingħata appoġġ għar-riallokazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, l-edukazzjoni, l-inizjattivi ta' tfittxija ta' impjiegi u n-negozji l-ġodda, fi djalogu mas-sħab soċjali. L-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fit-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart għandhom ikunu eliġibbli wkoll.

3.   Il-Fond għall-Modernizzazzjoni għandu jopera taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri benefiċjarji. Il-BEI għandu jiżgura li l-kwoti jiġu rkantati f'konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet stipulati fl-Artikolu 10(4), u għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni tad-dħul. Il-BEI għandu jgħaddi d-dħul lill-Istati Membri wara deċiżjoni ta' żborż mill-Kummissjoni, fejn dan l-iżborż għall-investimenti jkun konformi mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew, fejn l-investimenti ma jaqgħux taħt l-oqsma elenkati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ikun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat tal-investimenti. Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha fil-ħin opportun. Id-dħul għandu jitqassam fost l-Istati Membri skont l-ishma stabbiliti fl-Anness IIb, f'konformità mal-paragrafi 6 sa 12 ta' dan l-Artikolu.

4.   Kull Stat Membru kkonċernat jista' juża l-allokazzjoni bla ħlas totali mogħtija skont l-Artikolu 10c(4), jew parti minn dik l-allokazzjoni, u l-ammont ta' kwoti mqassma għall-finijiet ta' solidarjetà, tkabbir u interkonnessjonijiet fl-Unjoni skont l-Artikolu 10(2)(b), jew parti minn dak l-ammont, f'konformità mal-Artikolu 10d għall-appoġġ ta' investimenti fil-qafas tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, u b'hekk jiżdiedu r-riżorsi mqassma lil dak l-Istat Membru. Sat-30 ta' Settembru 2019, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-ammonti rispettivi ta' kwoti li għandhom jintużaw taħt l-Artikolu 10(2)(b), l-Artikolu 10c u l-Artikolu 10d.

5.   B'dan huwa stabbilit kumitat tal-investimenti għall-Fond għall-Modernizzazzjoni. Il-kumitat tal-investimenti għandu jkun magħmul minn rappreżentant minn kull Stat Membru benefiċjarju, il-Kummissjoni u l-BEI, u tliet rappreżentanti eletti mill-Istati Membri l-oħra għal perijodu ta' ħames snin. Huwa għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru li ma jkunx membru tal-kumitat tal-investimenti jista' jattendi laqgħat tal-kumitat bħala osservatur.

Il-kumitat tal-investimenti għandu jopera b'mod trasparenti. Il-kompożizzjoni tal-kumitat tal-investimenti u l-curricula vitae u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tiegħu għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u, fejn meħtieġ, jiġu aġġornati.

6.   Qabel ma Stat Membru benefiċjarju jiddeċiedi li jiffinanzja investiment mis-sehem tiegħu fil-Fond għall-Modernizzazzjoni, huwa għandu jippreżenta l-proġett ta' investiment lill-kumitat tal-investimenti u lill-BEI. Fejn il-BEI jikkonferma li investiment ikun jaqa' f'wieħed mill-oqsma elenkati fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jista' jipproċedi għall-finanzjament tal-proġett ta' investiment mis-sehem tiegħu.

Fejn investiment fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, li jkun propost li jiġi ffinanzjat mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, ma jaqax fl-oqsma elenkati fil-paragrafu 2, il-kumitat tal-investimenti għandu jevalwa l-vijabbiltà teknika u finanzjarja ta' dak l-investiment, inkluż it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jinkiseb minnu, u joħroġ rakkomandazzjoni dwar il-finanzjament tal-investiment mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Il-kumitat tal-investimenti għandu jiżgura li kwalunkwe investiment relatat mat-tisħin urban jikseb titjib sostanzjali fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis fl-emissjonijiet. Dik ir-rakkomandazzjoni tista' tinkludi suġġerimenti dwar l-istrumenti ta' finanzjament adatti. Sa 70 % tal-ispejjeż rilevanti ta' investiment li ma jaqax fl-oqsma elenkati fil-paragrafu 2 jista' jiġi appoġġat mir-riżorsi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni sakemm l-ispejjeż li jkun fadal jiġu ffinanzjati minn entitajiet legali privati.

7.   Il-kumitat tal-investimenti għandu jistinka biex jadotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'kunsens. Jekk il-kumitat tal-investimenti ma jkunx jista' jiddeċiedi b'kunsens fl-iskadenza stabbilita mill-president, huwa għandu jieħu deċiżjoni permezz ta' maġġoranza sempliċi.

Jekk ir-rappreżentant tal-BEI ma japprovax il-finanzjament ta' investiment, għandha tiġi adottata rakkomandazzjoni biss jekk maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha jivvotaw favur tagħha. Ir-rappreżentant tal-Istat Membru li fih ikun ser jitwettaq l-investiment u r-rappreżentant tal-BEI ma għandhomx ikunu intitolati li jivvotaw f'dan il-każ. Dan is-subparagrafu m'għandux japplika għal proġetti fuq skala żgħira ffinanzjati permezz ta' self ipprovdut minn bank promozzjonali nazzjonali jew permezz ta' għotjiet li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' programm nazzjonali li jaqdi objettivi speċifiċi f'konformità mal-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, sakemm taħt il-programm ma jintużax iżjed minn 10 % tas-sehem tal-Istati Membri stabbilit fl-Anness IIb.

8.   Kwalunkwe att jew rakkomandazzjoni mill-BEI jew mill-kumitat tal-investimenti li jsiru skont il-paragrafi 6 u 7 għandhom isiru fil-ħin opportun u għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. Tali atti u rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

9.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom ikunu responsabbli għas-segwitu tal-implimentazzjoni fir-rigward tal-proġetti magħżula.

10.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni dwar l-investimenti ffinanzjati mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għandu jinkludi:

(a)

informazzjoni dwar l-investimenti ffinanzjati għal kull Stat Membru benefiċjarju;

(b)

valutazzjoni tal-valur miżjud f'termini ta' effiċjenza enerġetika jew modernizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, miksuba permezz tal-investiment.

11.   Il-kumitat tal-investimenti għandu jirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwar l-esperjenza fl-evalwazzjoni tal-investimenti. Sal-31 ta' Diċembru 2024, filwaqt li tqis is-sejbiet tal-kumitat tal-investimenti, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-oqsma għal proġetti msemmija fil-paragrafu 2 u l-bażi li fuqha l-kumitat tal-investimenti jibbaża r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

12.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar regoli dettaljati dwar l-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).”.

(17)

Fl-Artikolu 11(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sat-30 ta' Settembru 2019, għandha tiġi sottomessa lista ta' installazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva għall-ħames snin li jibdew fl-1 ta' Jannar 2021, u listi għal kull perjodu sussegwenti ta' ħames snin sussegwenti għandhom ikunu sottomessi kull ħames snin minn hemm 'il quddiem. Kull lista għandha tinkludi informazzjoni dwar l-attività ta' produzzjoni, it-trasferimenti tas-sħana u l-gassijiet, il-produzzjoni tal-elettriku u l-emissjonijiet fil-livell ta' subinstallazzjoni tul il-ħames snin kalendarji li jippreċedu s-sottomissjoni tagħha. L-allokazzjonijiet bla ħlas għandhom jingħataw biss lil installazzjonijiet fejn tiġi pprovduta tali informazzjoni.”.

(18)

Fl-Artikolu 11a, jitħassru l-paragrafi 8 u 9.

(19)

Fl-Artikolu 11b jitħassar il-paragrafu 7.

(20)

Fl-Artikolu 12(4), jiżdiedu s-sentenzi li ġejjin:

“F'każ tal-għeluq tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fit-territorju tagħhom minħabba miżuri nazzjonali addizzjonali, l-Istati Membri jistgħu jikkanċellaw kwoti mill-kwantità totali ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati minnhom imsemmija fl-Artikolu 10(2) sa ammont li jikkorrispondi għall-medja tal-emissjonijiet verifikati tal-installazzjoni kkonċernata matul il-perijodu ta' ħames snin qabel l-għeluq. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dik il-kanċellazzjoni ppjanata f'konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4).”.

(21)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Validità tal-kwoti

Il-kwoti maħruġa mill-1 ta' Jannar 2013 'il quddiem għandhom ikunu validi għal perijodu indefinit. Il-kwoti maħruġa mill-1 ta' Jannar 2021 'il quddiem għandhom jinkludu indikazzjoni li turi f'liema perijodu ta' għaxar snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2021 inħarġu, u jkunu validi għall-emissjonijiet mill-ewwel sena ta' dak il-perijodu 'l quddiem.”.

(22)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni rigward l-arranġamenti dettaljati għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet u, fejn rilevanti, id-data dwar l-attività, mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I, għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta' data tunnellata-kilometru għall-fini ta' applikazzjoni taħt l-Artikolu 3e jew 3f, li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rappurtar stabbiliti fl-Anness IV u r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw ukoll il-potenzjal għat-tisħin globali ta' kull gass serra fir-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet għal dak il-gass.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).”.

(23)

Fl-Artikolu 15, it-tielet, ir-raba' u l-ħames paragrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni rigward il-verifika ta' rapporti dwar l-emissjonijiet ibbażati fuq il-prinċipji stipulati fl-Anness V, u għall-akkreditazzjoni u s-superviżjoni tal-verifikaturi. Il-Kummissjoni tista' tadotta wkoll atti ta' implimentazzjoni għall-verifika tar-rapporti sottomessi minn operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 14(3) u l-applikazzjonijiet taħt l-Artikoli 3e u 3f, inklużi l-proċeduri ta' verifika li għandhom jintużaw mill-verifikaturi. Hija għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni u l-irtirar tal-akkreditazzjoni, għar-rikonoxximent reċiproku u l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-entitajiet tal-akkreditazzjoni, kif ikun adatt.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).”.

(24)

Fl-Artikolu 16, il-paragrafu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“12.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw regoli dettaljati fir-rigward tal-proċeduri msemmija f'dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).”.

(25)

Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistipula r-rekwiżiti kollha meħtieġa dwar ir-Reġistru tal-Unjoni għall-perijodu ta' skambju li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u perijodi sussegwenti fil-forma ta' bażijiet ta' data elettroniċi standardizzati li jkun fihom elementi komuni ta' data biex jiġu traċċati l-ħruġ, iż-żamma, it-trasferiment u l-kanċellazzjoni, kif applikabbli, tal-kwoti u biex jiġu previsti l-aċċess pubbliku u l-kunfidenzjalità, kif adatt. Dawk l-atti delegati għandhom ukoll jinkludu dispożizzjonijiet biex isiru effettivi regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwoti fi ftehimiet biex jiġu konnessi s-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet.”.

(26)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, ir-raba' sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Ir-rapport għandu jitfassal fuq il-bażi ta' kwestjonarju jew ta' deskrizzjoni ġenerali li l-Kummissjoni tkun adottat fil-forma ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Kull tliet snin, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu wkoll jagħti attenzjoni partikolari lill-miżuri ekwivalenti adottati għal installazzjonijiet żgħar esklużi mill-EU ETS. Il-kwistjoni ta' miżuri ekwivalenti adottati għal installazzjonijiet żgħar għandha titqies ukoll fl-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 3.”.

(27)

L-Artikolu 22 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 22

Emendi għall-Annessi

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda, fejn meħtieġ, l-Annessi ma' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Annessi I, IIa u IIb, fid-dawl tar-rapporti previsti fl-Artikolu 21 u tal-esperjenza tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. L-Annessi IV u V jistgħu jiġu emendati sabiex jittejbu l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet.”.

(28)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*7)  Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rappurtar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13)."

(*8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

(29)

L-Artikolu 23 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 23

L-eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 3d(3), 10(4), 10a(1) u (8), 10b(5), 19(3), l-Artikolu 22, l-Artikoli 24(3), 24a(1), 25a(1) u l-Artikolu 28c hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mit-8 ta' April 2018.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 3d(3), 10(4), 10a(1) u (8), 10b(5), 19(3), l-Artikolu 22, l-Artikoli 24(3), 24a(1), 25a(1) u l-Artikolu 28c tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*9).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 3d(3), 10(4), 10a(1) u (8), 10b(5), 19(3), l-Artikolu 22, l-Artikoli 24(3), 24a(1), 25a(1) u l-Artikolu 28c għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”."

(30)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Mill-2008, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, skont din id-Direttiva, għall-attivitajiet u għall-gassijiet serra li mhumiex elenkati fl-Anness I, filwaqt li jitqiesu l-kriterji kollha rilevanti, speċjalment l-effetti fuq is-suq intern, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, l-integrità ambjentali tal-EU ETS u l-affidabbiltà tas-sistema ta' monitoraġġ u ta' rappurtar li tkun ippjanata, dment li l-inklużjoni ta' tali attivitajiet u gassijiet serra tkun approvata mill-Kummissjoni, f'konformità mal-atti delegati li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta f'konformità mal-Artikolu 23.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva għal dan il-għan.”.

(31)

L-Artikolu 24a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Minbarra l-inklużjonijiet previsti fl-Artikolu 24, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri għall-ħruġ ta' kwoti jew krediti fir-rigward ta' proġetti amministrati minn Stati Membri li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra li ma jkunux koperti mill-EU ETS.

Tali miżuri għandhom ikunu konsistenti mal-atti adottati skont dak li qabel kien l-Artikolu 11b(7) kif kien fis-seħħ qabel it-8 ta' April 2018. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistipula l-proċedura li għandha tiġi segwita.”;

(b)

jitħassar il-paragrafu 2.

(32)

Jitħassar il-paragrafu 2 fl-Artikolu 25.

(33)

Fl-Artikolu 25a(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Fejn pajjiż terz jadotta miżuri għat-tnaqqis tal-impatt tat-tibdil fil-klima minn titjiriet li jitilqu minn dak il-pajjiż terz li jinżlu fl-Unjoni, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat ma' dak il-pajjiż terz, u mal-Istati Membri fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 22a(1), għandha tqis l-għażliet disponibbli sabiex tipprovdi għall-aħjar interazzjoni bejn l-EU ETS u l-miżuri ta' dak il-pajjiż.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda l-Anness I ma' din id-Direttiva biex ikun previst li titjiriet li jaslu mill-pajjiż terz ikkonċernat jiġu esklużi mill-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I jew biex tkun prevista kull emenda oħra għall-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I, ħlief b'rabta mal-kamp ta' applikazzjoni, li huma meħtieġa minn ftehim konkluż skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”.

(34)

Fl-Artikolu 27(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kwalunkwe tali installazzjoni għandha tibqa' fl-EU ETS għall-bqija tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 11(1) li matulu kienet iddaħħlet mill-ġdid fiha.”.

(35)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 27a

L-esklużjoni fakultattiva ta' installazzjonijiet b'emissjonijiet ta' inqas minn 2 500 tunnellata

1.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-EU ETS installazzjonijiet li rrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat emissjonijiet ta' inqas minn 2 500 tunnellata ta' ekwivalenti għad-dijossidu tal-karbonju, bl-esklużjoni tal-emissjonijiet mill-bijomassa, f'kull sena mit-tliet snin qabel in-notifika taħt il-punt (a), dment li l-Istat Membru kkonċernat:

(a)

jinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull waħda minn dawk l-installazzjonijiet qabel ma l-lista ta' installazzjonijiet skont l-Artikolu 11(1) tkun trid tiġi ppreżentata jew mhux aktar tard minn meta dik il-lista tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni;

(b)

jikkonferma li hemm arranġamenti ta' monitoraġġ simplifikati fis-seħħ li jivvalutaw jekk kwalunkwe istallazzjoni tkunx is-sors ta' 2 500 tunnellata ta' emissjonijiet jew aktar tal-ekwivalenti għad-dijossidu tal-karbonju, bl-esklużjoni tal-emissjonijiet mill-bijomassa, fi kwalunkwe sena kalendarja;

(c)

jikkonferma li jekk kwalunkwe installazzjoni tkun is-sors ta' 2 500 tunnellata ta' emissjonijiet jew aktar tal-ekwivalenti għad-dijossidu tal-karbonju, bl-esklużjoni tal-emissjonijiet mill-bijomassa, fi kwalunkwe sena kalendarja, l-installazzjoni tiddaħħal mill-ġdid fl-EU ETS; u

(d)

jagħmel l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) (b) u (c) disponibbli għall-pubbliku.

2.   Meta installazzjoni tiddaħħal mill-ġdid fl-EU ETS skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe kwota allokata skont l-Artikolu 10a għandha tingħata b'effett mis-sena tad-dħul mill-ġdid. Il-kwoti allokati lil tali installazzjoni għandhom jitnaqqsu mill-ammont li jkun ser jiġi rkantat skont l-Artikolu 10(2) mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-installazzjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jeskludu mill-EU ETS dawk l-unitajiet ta' riżerva jew ta' emerġenza li ma operawx iktar minn 300 siegħa fis-sena f'kull sena mit-tliet snin qabel in-notifika taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1, taħt l-istess kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2.”.

(36)

L-Artikolu 28c huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 28c

Dispożizzjonijiet għal monitoraġġ, rappurtar u verifika għall-fini tal-miżura globali bbażata fuq is-suq

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva fir-rigward tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika adegwati tal-emissjonijiet biex tiġi implimentata l-miżura globali tal-ICAO bbażata fuq is-suq fir-rotot kollha koperti minnha. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq l-istrumenti rilevanti adottati fl-ICAO, għandhom jevitaw kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkunu konsistenti mal-prinċipji fl-atti msemmija fl-Artikolu 14(1), u għandhom jiżguraw li r-rapporti dwar l-emissjonijiet li jitressqu jkunu verifikati skont il-prinċipji u l-kriterji ta' verifika stabbiliti fl-Artikolu 15.”.

(37)

L-Artikolu 30 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 30

Reviżjoni fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-iżvilupp tas-swieq tal-karbonju f'ekonomiji ewlenin oħra

1.   Din id-Direttiva għandha tinżamm taħt reviżjoni fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali u l-isforzi meħuda biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi.

2.   Il-miżuri biex jiġu appoġġati ċerti industriji intensivi fl-enerġija li jistgħu ikunu soġġetti għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju msemmija fl-Artikoli 10a u 10b għandhom ukoll jinżammu taħt reviżjoni fid-dawl tal-miżuri ta' politika dwar it-tibdil fil-klima f'ekonomiji ewlenin oħra. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll jekk il-miżuri marbuta mal-kumpens ta' spejjeż indiretti għandhomx jiġu armonizzati aktar.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest ta' kull rendikont globali miftiehem taħt il-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta' politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni fid-dawl tat-tnaqqis meħtieġ ta' gassijiet serra mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, inkluż relattivament għall-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9. Il-Kummissjoni tista' tagħmel proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-emendar ta' din id-Direttiva fejn meħtieġ.

4.   Qabel l-1 ta' Jannar 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta analiżi aġġornata tal-effetti, mhux derivati mis-CO2, tal-avjazzjoni, akkumpanjata, fejn adatt, minn proposta dwar kif jiġu indirizzati dawk l-effetti.”.

(38)

Fl-Anness IIa tad-Direttiva 2003/87/KE, jitħassru l-entrati għall-Belġju, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Iżvezja.

(39)

L-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87/KE huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

(40)

L-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE huwa emendat f'konformità mal-Anness II ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“B'deroga mill-ewwel u t-tieni sentenzi, sal-31 ta' Diċembru 2023, il-perċentwali u l-100 miljun kwota msemmija f'dawk is-sentenzi għandhom jiġu rduppjati.”.

(2)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor fl-ewwel reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 3, mill-2023 il-kwoti miżmuma fir-riżerva li jkunu iżjed min-numru totali tal-kwoti rkantati matul is-sena ta' qabel ma għandhomx jibqgħu validi.”.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sad-9 ta' Ottubru 2019. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mal-obbligi ta' pubblikazzjoni u ta' rappurtar li jinsabu fil-punt (14)(f) tal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87/KE sal-31 ta' Diċembru 2018.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dispożizzjoni transizzjonali

Meta jikkonformaw mal-obbligu tagħhom kif stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li tittrasponi l-Artikolu 10, l-Artikolu 10a(4) sa (7), l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 10a(8), l-Artikolu 10a(12) sa (18), l-Artikolu 10c u l-Artikolu 11a(8) u (9) tad-Direttiva 2003/87/KE, u l-Annessi IIa u IIb ta' dik d-Direttiva, kif fis-seħħ fid-19 ta' Marzu 2018, tkompli tapplika sal-31 ta' Diċembru 2020. Il-lista li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/746/UE għandha tibqa' tapplika sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Marzu 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 71, 24.2.2016, p. 57.

(2)  ĠU C 240, 1.7.2016, p. 62.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2018 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2018.

(4)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(5)  Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).

(6)  Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(7)  Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta' Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta' rkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).

(9)  Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru 1991 biex tistandardizza u tirrazzjonalizza rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' ċerti direttivi fuq l-ambjent (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48).

(10)  Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

(11)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(13)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278 tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1).

(14)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/746/UE tas-27 ta' Ottubru2014 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perijodu mill-2015 sal-2019 (ĠU L 308, 29.10.2014, p. 114).

(15)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS I

L-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

ANNESS IIb

DISTRIBUZZJONI TA' FONDI MILL-FOND GĦALL-MODERNIZZAZZJONI SAL-31 TA' DIĊEMBRU 2030

 

Sehem mill-Fond għall-Modernizzazzjoni

Il-Bulgarija

5,84 %

Ir-Repubblika Ċeka

15,59 %

L-Estonja

2,78 %

Il-Kroazja

3,14 %

Il-Latvja

1,44 %

Il-Litwanja

2,57 %

L-Ungerija

7,12 %

Il-Polonja

43,41 %

Ir-Rumanija

11,98 %

Is-Slovakkja

6,13 %

”.

ANNESS II

Fil-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE, il-paragrafu taħt ir-raba' intestatura intitolat “Il-monitoraġġ ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet oħra tas-serra” huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandhom jintużaw metodi standardizzati jew metodi aċċettati, żviluppati mill-Kummissjoni b'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti, u adottati skont l-Artikolu 14(1).”.