10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/107


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tas-Slovakkja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tas-Slovakkja

(2018/C 320/24)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx is-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fl-isfond tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, is-Slovakkja jenħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, kif rifless fir-rakkomandazzjonijiet hawn taħt, b'mod partikolari (1).

(3)

Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2018 għas-Slovakkja ġie ppublikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress tas-Slovakkja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tas-Slovakkja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta' April 2018, is-Slovakkja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018, kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tagħha. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(6)

Bħalissa s-Slovakkja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2018, il-Gvern qed jippjana biex itejjeb id-defiċit nominali għal 0,8 % tal-PDG fl-2018 u gradwalment aktar għal 0,0 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG — huwa mistenni li jintlaħaq fl-2020. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, tal-2018 id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jonqos gradwalment minn 49,3 % fl-2018 għal 43,3 % fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu sostnuti l-miri ppjanati b'rabta mad-defiċit mill-2019 'il quddiem ma ġewx speċifikati bis-sħiħ. Il-baġit jinkludi kategorija ta' nfiq mhux speċifikata li jissejjaħ riżervi baġitarji, li jirrappreżenta sehem mhux negliġibbli (0,7 % tal-PDG) u jista' jintuża għal operazzjonijiet ad hoc, u b'hekk titnaqqas il-prevedibbiltà fl-implimentazzjoni tal-baġit.

(7)

Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lis-Slovakkja biex tiżgura li r-rata nominali ta' tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett (6) ma taqbiżx it-2,9 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,5 % tal-PDG. Il-premessi ddikjaraw li l-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tar-riżultati baġitarji tal-2018 se jkollhom bżonn iqisu kif dovut l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li jinsab għaddej u wkoll biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tal-irkupru fis-Slovakkja, filwaqt li tqiesu b'mod xieraq l-isfidi tas-sostenibbiltà tagħha, l-ebda elementi addizzjonali f'dan ir-rigward ma jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni. Abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2018, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti minn din ir-rakkomandazzjoni fl-2018.

(8)

Fl-2019, bil-ħsieb tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni pproġettata tas-Slovakkja ta' 1,2 % tal-PDG, ir-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett jenħtieġ li ma taqbiżx l-4,1 %, f'konformità mal-aġġustament strutturali ta' 0,5 % tal-PDG li joriġina mill-matriċi tar-rekwiżiti skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Jekk ma jinbidlux il-politiki, is-Slovakkja tkun f'riskju ta' devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2019, minħabba d-devjazzjoni fl-2018 u l-2019 meħuda flimkien. B'mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2018 jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Il-finanzi pubbliċi tas-Slovakkja għadhom jaffaċċjaw riskji fit-terminu twil. In-nefqa fuq is-saħħa għadha tippreżenta riskju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, minħabba li ż-żieda tal-kosteffettività tal-kura tas-saħħa fis-Slovakkja għadha sfida. Fuq medda twila ta' żmien, l-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa għandu jiżdied b'1,2 punti perċentwali tal-PDG, ogħla mill-medja taż-żieda stmata ta' 0,9 punti perċentwali għall-Unjoni. Fis-sistema tal-pensjonijiet kien hemm titjib gradwali fis-sostenibbiltà fit-tul tagħha primarjament minħabba żieda awtomatika fl-età tal-irtirar, li naqqset iż-żidiet fl-infiq mistennija marbutin mal-età fit-tul.

(10)

Għalkemm ittieħdu xi passi biex titjieb il-kosteffettività tas-sistema tas-saħħa, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tar-rieżami tal-infiq b'Valur għall-Flus, il-potenzjal li jiġi razzjonalizzat l-użu tar-riżorsi baqa' sinifikanti. Il-pjanijiet għal riforma ambizzjuża tal-kura tas-saħħa li jippermettu s-simplifikazzjoni tas-servizzi, il-ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-isptarijiet u sistema aktar effiċjenti ta' kura mhu qed juru l-ebda sinjali ta' progress. Il-konsum tas-servizzi tal-isptarijiet għadu għoli, b'rati għolja ta' kura fl-isptar għal mard kroniku u rati ta' rilaxx mill-isptar ogħla mill-medja tal-Unjoni, flimkien ma' rati relattivament baxxi ta' okkupanza tas-sodod. Filwaqt li t-tisħiħ tas-settur tal-kura primarja jista' jiffaċilita l-piż kbir fuq l-isptarijiet, is-sistema tbati minn nuqqas ta' tobba tal-familja, li qed tmur għall-agħar bid-distribuzzjoni ġeografika mhux ugwali tagħhom. Il-kompożizzjoni skont l-età tat-tobba tal-familja jqajjem ukoll tħassib rigward il-provvista futura tagħhom. Fl-aħħar nett, għadd ta' dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-kosteffettività tas-sistema tas-saħħa, bħal pereżempju l-introduzzjoni sħiħa ta' sistema ta' ħlas ta' gruppi relatati mad-dijanjożi u t-tħaddim effettiv tas-sistema tas-saħħa elettronika għadhom fil-fażi tat-tfassil tagħhom. Dawn x'aktarx jiffaċċjaw aktar dewmien u sfidi ta' implimentazzjoni fil-futur.

(11)

Id-dħul fiskali qed jiżdied minħabba t-tkabbir ekonomiku rapidu u qed isiru sforzi biex titjieb il-konformità tat-taxxa u jitneħħa d-distakk kbir fit-taxxa tal-valur miżjud tas-Slovakkja. Filwaqt li l-inċentivi fiskali li jippromwovu r-R&Ż żdiedu, it-tassazzjoni fuq il-proprjetà tibqa' sors ta' dħul dgħajjef. Programm kontinwu ta' rieżamijiet tal-infiq għall-oqsma ewlenin kollha ta' nfiq pubbliku qed juri li huwa għodda effettiva u rigoruża biex titjieb il-kosteffettività fin-nefqa tal-gvern.

(12)

L-iżviluppi pożittivi fis-suq tax-xogħol ikomplu, ikkaratterizzati minn żieda fl-impjiegi u livelli storikament baxxi ta' qgħad. Madankollu, il-qgħad fit-tul għadu wieħed mill-ogħla fl-Unjoni, li jaffettwa gruppi partikolarment żvantaġġati bħal ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, iż-żgħażagħ u r-Rom marġinalizzati. Bħala riżultat tat-titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, bdew jidhru rapporti ta' nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati f'xi setturi tal-ekonomija. Id-differenzi reġjonali fis-suq tax-xogħol huma evidenti, b'konċentrazzjoni ta' qgħad ogħla fil-Lvant tas-Slovakkja u konċentrazzjoni ta' nuqqas ta' ħaddiema fil-parti tal-Punent tal-pajjiż. Is-Slovakkja bdiet timplimenta l-pjan ta' azzjoni tagħha rigward l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul, bl-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew. Il-pjan jintroduċi b'mod partikolari servizzi personalizzati, konsulenza soċjali, u sistema bażika ġdida ta' tfassil ta' profili. Madankollu, l-implimentazzjoni għadha ma wasslitx għal titjib strutturali sinifikanti. Għad hemm lakuni fil-kooperazzjoni ma' sħab privati u organizzazzjonijiet mhux governattivi biex titħaffef il-ħidma fuq il-każijiet tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, filwaqt li l-għoti ta' konsulenza individwalizzata għadu fi stadju bikri. Barra minn hekk, is-segmentazzjoni approssimattiva tal-persuni qiegħda fit-tul ma sservix bi sħiħ bħala għodda għal referenzar sussegwenti għall-miżuri ta' dħul fid-dinja tax-xogħol. It-taħriġ u l-programmi ta' rikwalifikazzjoni ssaħħew, iżda għadhom mhumiex biżżejjed u l-mira tagħhom, li tirrigwarda persuni qiegħda fit-tul u gruppi żvantaġġati għadha limitata. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim għadha baxxa ħafna u l-edukazzjoni li toffri opportunità oħra għal gruppi żvantaġġati mhijiex żviluppata biżżejjed. Il-kriterji ta' eliġibilità għall-benefiċċji tal-qgħad huma stretti u t-tul ta' żmien tal-benefiċċji huwa qasir. Dan jirriżulta f'kopertura baxxa tal-persuni qiegħda fit-tul, li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad.

(13)

Id-diskrepanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjiegi u fil-pagi hija ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni. Ir-rata baxxa tal-impjiegi tan-nisa fl-età riproduttiva tirrifletti l-fatt li l-liv tal-ġenituri twil rari jeħduh l-irġiel, u dan flimkien ma' użu baxx ta' arranġamenti ta' xogħol flessibbli u affordabbiltà u aċċess limitati għall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal. Partikolarment rigward it-tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin, ir-rati tar-reġistrazzjoni għal indukrar tat-tfal huma baxxi ħafna.

(14)

Is-sistema edukattiva ma tikkontribwixxix biżżejjed għall-iżvilupp soċjoekonomiku tas-Slovakkja, u mhijiex iffinanzjata biżżejjed fil-livelli kollha. Il-kwalità tar-riżultati edukattivi, il-parteċipazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni ordinarja inklużiva u l-integrazzjoni effettiva ta' studenti minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati fl-edukazzjoni u t-taħriġ jippreżentaw sfidi urġenti. L-eżiti edukattivi u l-livell ta' ħiliet bażiċi għadhom dgħajfa meta mqabbla ma' standards internazzjonali, u huma affettwati sew mill-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti. It-tluq bikri mill-iskola huwa baxx, iżda qed jiżdied u d-disparitajiet reġjonali fit-tluq kmieni mill-iskola huma evidenti. Minkejja l-pjanijiet biex jiżdiedu s-salarji tal-għalliema b'6 % kull sena sal-2020, il-professjoni tal-għalliema għadha mhijiex attraenti biżżejjed, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' taħriġ inizjali kif ukoll opportunitajiet ta' żvilupp professjonali. L-implimentazzjoni ta' miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-istudenti Rom fl-edukazzjoni ordinarja inklużiva hija dgħajfa ħafna minħabba n-nuqqas ta' appoġġ finanzjarju u monitoraġġ kif ukoll nuqqas ta' taħriġ tal-għalliema rigward kwistjonijiet interkulturali.

(15)

L-amministrazzjoni pubblika għadha mxekkla minn nuqqas ta' effiċjenza u punti ta' konġestjoni kkawżati minn nuqqas ta' kooperazzjoni interministerjali u n-newtralità politika dgħajfa tas-servizz ċivili. L-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Servizz Ċivili qed tingħata bidu bil-mod, iżda l-impatt tagħha fuq it-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi umani għad irid jiġi determinat. Rigward il-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, il-kapaċità u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni għadhom limitati u r-rotazzjoni fil-persunal għadha għolja, parzjalment minħabba ċ-ċiklu politiku. Dan madankollu qed jiġi indirizzat billi jissaħħaħ ir-rwol ta' koordinazzjoni tal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru li jaġixxi bħala fattur stabbilizzanti fuq il-kontinwità u l-għarfien espert istituzzjonali fl-organizzazzjonijiet implimentattivi.

(16)

Il-Fondi SIE huma kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin biex jittejbu l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi fis-Slovakkja. Is-Slovakkja għaddiet minn telf ta' EUR 26 miljun ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-2017, l-aktar minħabba problemi fl-applikazzjoni tal-kriterji tal-għażla u l-għażla ta' evalwaturi, kif ikkonfermat mill-verifiki li saru. Jekk ma jittiħdux miżuri xierqa sabiex titħaffef l-implimentazzjoni, hemm riskju għoli li parti oħra mill-allokazzjoni tal-finanzjament tintilef. Filwaqt li r-rata tal-għażla tal-proġetti issa qabżet nofs l-allokazzjoni totali għall-perjodu attwali ta' programmazzjoni, l-implimentazzjoni fil-prattika rriżultat fi ħlasijiet lil benefiċjarji li jammontaw biss għal 11 % tal-allokazzjoni.

(17)

Livell baxx ta' effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika jirriżulta wkoll f'setturi oħrajn, inklużi dawk tal-enerġija u l-ambjent. Ir-rati ta' riċiklaġġ huma baxxi ħafna u l-kwalità tal-arja għadha relattivament baxxa. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tippreżenta sfida li qiegħda dejjem tikber. Is-settur tal-enerġija jbati minn regolamentazzjoni żejda u l-politiki dwar l-enerġija mhumiex għal kollox konformi mal-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni.

(18)

Is-Slovakkja ħadet passi importanti biex tikseb sistema tal-akkwist pubbliku li tiffunzjona tajjeb. Saru sforzi biex jiġu introdotti kriterji ta' aġġudikazzjoni għall-kwalità. L-għodod elettroniċi obbligatorji biex isiru l-proċeduri ta' akkwist pubbliku jenħtieġ li jkunu fis-seħħ sa Ottubru 2018. Għalkemm mhux bl-aktar mod effiċjenti, saru verifiki komprensivi minn qabel fuq il-proġetti kollha ffinanzjati permezz tal-Fondi SIE. Madankollu, għadha ma nkisbitx prestazzjoni sodisfaċenti fl-oqsma tal-kontrolli interni, it-trasparenza, id-diġitalizzazzjoni, il-professjonalizzazzjoni u l-akkwist pubbliku strateġiku u ambjentalment sostenibbli. Dan huwa rifless fil-punteġġi tas-Slovakkja marbutin ma' prattiki mhux kompetittivi, li minkejja xi titjib jibqgħu xi ftit ogħla mill-medja tal-Unjoni. Barra minn hekk, għad hemm sinjali limitati biss tal-impenn fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Aktar minn nofs in-negozji għandhom il-perċezzjoni li l-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku ġestit mill-awtoritajiet nazzjonali hija mifruxa.

(19)

Il-korruzzjoni, il-proċeduri amministrattivi kumplessi, ir-regolamentazzjoni tan-negozju eċċessiva u li tinbidel malajr u t-tħassib dwar il-governanza tad-diversi korpi regolatorji jaffettwaw b'mod sinifikanti l-kwalità tal-ambjent tan-negozju tas-Slovakkja. Filwaqt li s-Slovakkja waqgħet kemxejn lura f'xi paraguni internazzjonali, hija identifikat għadd ta' miżuri biex ittejjeb il-kwalità tal-ambjent tan-negozju u ssaħħaħ l-investiment. Is-Slovakkja saħħet ukoll il-qafas tagħha għall-valutazzjoni tal-impatt regolatorju, u f'dawn l-aħħar snin żiedet l-użu tiegħu. Fl-aħħar nett, reċentement ġiet adottata RIA (Valutazzjoni tal-Impatt Regolatorju) 2020, strateġija ġdida għal regolamentazzjoni aħjar. Fadal ostakli regolatorji kbar fis-settur tas-servizzi tan-negozju b'livelli ta' restrizzjoni ogħla mill-medja tal-Unjoni għall-periti, l-inġiniera, il-konsulenti tat-taxxa, l-avukati, l-aġenti tal-privattivi, l-aġenti tal-proprjetà immobbli u l-gwidi turistiċi. Saru Rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali. Madankollu, is-Slovakkja ma rrappurtat l-ebda progress fl-indirizzar ta' dawn ir-restrizzjonijiet.

(20)

B'mod ġenerali, ma sar l-ebda progress fit-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-perċezzjonijiet tal-korruzzjoni għadha għolja u l-prosekuzzjonijiet għal reati bħal dawn komplew jonqsu. Il-perċezzjoni rigward il-korruzzjoni kompliet tmur għall-agħar wara l-qtil tal-ġurnalist investigattiv u s-sejbiet tiegħu dwar firxa wiesgħa ta' każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli. Il-proporzjon ta' każijiet ta' livell għoli mressqa l-qorti huwa baxx ħafna. In-nuqqas ta' akkontabbiltà tal-pulizija u l-prosekuturi pubbliċi ma ġietx solvuta u jfixkel il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-investigazzjonijiet sensittivi ta' każijiet ta' korruzzjoni.

(21)

It-titjib fl-effikaċja tas-sistema ġudizzjarja, inkluża l-indipendenza, għadha sfida għas-Slovakkja, minkejja xi titjib fl-effiċjenza. It-tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura għadu jippersisti, inkluż il-proċessi tal-ħatra għall-imħallfin fil-livelli kollha tal-ġudikatura.

(22)

Għalkemm it-tisħiħ tal-innovazzjoni jista' jagħti spinta lill-kompetittività u jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien, il-kapaċità tas-Slovakkja għall-innovazzjoni tibqa' moderata, b'intensità ta' R&Ż tan-negozju li hija baxxa ħafna (0,40 % tal-PDG fl-2016). Filwaqt li s-Slovakkja għandha settur kbir tal-manifattura fis-settur tat-teknoloġija avvanzata/medja, il-kumpaniji multinazzjonali dominanti sa issa wrew interess limitat fit-twettiq ta' attivitajiet ta' R&Ż u l-perċentwal ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jagħmlu innovazzjonijiet interni kien ħafna inqas fis-Slovakkja (13,9 %) minn dak tal-Unjoni kollha kemm hi (28,8 %) fl-2016.

(23)

L-investimenti pubbliċi fir-riċerka u l-innovazzjoni żdiedu sew bejn l-2009 u l-2015 minħabba l-użu tal-Fondi SIE. Madankollu ma ntlaħaqx il-potenzjal sħiħ ta' dawn l-investimenti minħabba n-nuqqas ta' effiċjenza fl-ambjent tar-riċerka tas-Slovakkja. Minkejja r-rwol imsaħħaħ tal-Uffiċċju tal-Viċi Prim Ministru għall-koordinazzjoni tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-governanza kumplessiva tal-politika f'dan il-qasam hija dgħajfa. In-natura frammentata tas-sistema u l-qafas ta' governanza dgħajfa, bir-responsabbiltajiet maqsuma bejn diversi ministeri u aġenziji ta' implimentazzjoni, li ħafna drabi mhumiex koordinati sew, twassal għal posponiment regolari ta' riformi. Il-miżuri biex jissaħħu t-trasferiment tal-għarfien u l-kapaċitajiet għar-riċerka fl-industrija, u titjieb il-koperazzjoni bejn in-negozju u l-akkademja qed jimxu 'l quddiem iżda bil-mod.

(24)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovakkja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovakkja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovakkja iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(25)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovakkja tieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:

1.

Tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 4,1 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,5 % tal-PDG. Timplimenta miżuri biex iżżid il-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa, u tiżviluppa strateġija aktar effettiva tal-kura tas-saħħa tal-forza tax-xogħol.

2.

Issaħħaħ il-miżuri għat-titjib tal-ħiliet, inkluż it-taħriġ immirat ta' kwalità u tas-servizzi individwalizzati għal gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari billi jinkisbu riżultati fil-pjan ta' azzjoni għall-persuni qiegħda fit-tul. Trawwem l-impjieg tan-nisa, speċjalment billi testendi l-indukrar tat-tfal ta' kwalità u affordabbli. Ittejjeb il-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni, inkluż billi żżid il-parteċipazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni ordinarja u minn kmieni fit-tfulija.

3.

Iżżid l-użu ta' kriterji marbutin mal-kwalità u l-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja fl-operazzjonijiet tal-akkwist pubbliku. Tindirizza l-korruzzjoni, inkluż billi jiġi żgurat l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u billi żżid il-livell tal-akkontabbiltà tal-pulizija u tal-prosekuzzjoni. Ittejjeb l-effettività tas-sistema ġudizzjarja, b'mod partikolari billi tissalvagwardja l-indipendenza fi proċeduri ta' ħatra tal-ġudikatura. Tnaqqas il-frammentazzjoni tas-sistema ta' riċerka pubblika u saħħaħ l-innovazzjoni tan-negozju, inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.

(4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  L-infiq primarju nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.