10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/55


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 ta' Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 ta' Ċipru

(2018/C 320/12)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Qieset il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamati mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, fejn Ċipru kien identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li Ċipru jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) (3) u (5) hawn isfel.

(3)

Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018 għal Ċipru ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress ta' Ċipru biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta' Ċipru lejn il-miri nazzjonali tiegħu tal-Ewropa 2020. Inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u r-riżultati ġew ippublikati fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li Ċipru għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B'mod partikolari, huwa essenzjali li l-pajjiż jindirizza l-istokk kbir ta' żbilanċi fil-forma ta' sporġenza debitorja privata, pubblika u esterna, u l-livell għoli ta' self improduttiv.

(4)

Fid-19 ta' April 2018, Ċipru ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 fit-30 ta' April 2018. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(6)

Bħalissa Ċipru qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u huwa soġġett għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Gvern jippjana surplus baġitarju f'termini nominali ta' madwar 1,7 % tal-PDG fl-2018 u ftit inqas minn 2,0 % tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju, stabbilit f'pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f'termini strutturali, huwa ppjanat li jintlaħaq matul 2018-2021. Wara li naqas għal madwar 97,5 % tal-PDG fl-2017, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jilħaq 105,6 % fl-2018 u li jonqos b'mod konsistenti wara dan, għal 88 % sal-2021, skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Ir-riskji assoċjati mas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ppreżentati fil-Programm ta' Stabbiltà huma 'l isfel, fil-parti l-kbira marbuta mal-ammont għoli ta' self improduttivi fis-settur finanzjarju.

(7)

Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda li Ċipru jibqa' fl-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2018. Dan huwa konsistenti ma' rata ta' tkabbir nominali massima netta fl-infiq primarju tal-gvern (6) ta' 1,9 % fl-2018, ekwivalenti għal aġġustament ta' bilanċ strutturali ta' 0,4 % tal-PDG. Abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2018, il-bilanċ strutturali huwa previst li jirreġistra surplus ta' 0,8 % tal-PDG fl-2018 u 0,5 % tal-PDG fl-2019, 'il fuq mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Ċipru huwa previst li jikkonforma mar-regola tad-dejn tranżizzjonali fl-2018 u r-regola tad-dejn fl-2019. B'mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li Ċipru huwa previst li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u l-2019. Fl-istess ħin, l-iżviluppi fin-nefqa għandhom ikunu segwiti b'attenzjoni fit-terminu qasir u medju, b'mod partikolari fid-dawl ta' riskji futuri eventwali għar-robustezza tad-dħul.

(8)

Minkejja sforzi reċenti dwar servizzi ta' governanza elettronika, kwalità regolatorja u mobilità tal-persunal, l-ineffiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika tibqa' ta' sfida u għandha impatt fuq l-ambjent tan-negozju. Proposti leġiżlattivi ewlenin li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kwistjoni għadhom pendenti. Dawn jinkludu abbozzi ta' liġijiet dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-gvernijiet lokali. Nuqqasijiet fil-qafas ta' governanza għal entitajiet li jappartjenu għall-Istat jistgħu jiffaċilitaw l-akkumulazzjoni ta' obbligazzjonijiet kontinġenti pubbliċi u jxekklu l-kapaċità tal-investiment f'utilitajiet importanti, bħat-telekomunikazzjoni u l-enerġija. It-trażżin tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku kien fattur sinifikanti fil-konsolidament fiskali f'Ċipru. Iżda, il-ftehim kollettiv attwali li jillimita l-pagi fis-settur pubbliku jiskadi fl-2018 u soluzzjoni iktar permanenti għadha nieqsa.

(9)

Strateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni u pjan ta' azzjoni ġew adottati f'Diċembru 2017. Il-korp eżistenti kontra l-korruzzjoni jibqa' nieqes mir-riżorsi, iżda l-Gvern qed jikkonsidra t-twaqqif ta' aġenzija indipendenti ġdida. Diversi inizjattivi leġiżlattivi, bħall-abbozzi ta' liġijiet dwar il-protezzjoni tal-informatur, il-lobbjar u dikjarazzjoni tal-assi, bħalissa jinsabu taħt skrutinju parlamentari u, jekk jiġu adottati, jgħinu wkoll biex isaħħu l-qafas nazzjonali kontra l-korruzzjoni.

(10)

Kif indikat fir-rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro tal-2018, il-ġlieda kontra strateġiji tal-ippjanar tat-taxxa aggressivi hija essenzjali biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji, biex ikun hemm trattament ġust tal-kontribwenti tat-taxxa u biex jiġu ssalvagwardjati l-finanzi pubbliċi. L-effetti sekondarji ta' strateġiji ta' ppjanar tat-taxxa aggressivi tal-kontribwenti bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni koordinata ta' politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-livelli għolja ta' pagament ta' dividendi u imgħax (relativi għall-PDG) jissuġġerixxu li r-regoli tat-taxxa ta' Ċipru qed jiġu sfruttati minn kumpaniji li jeżerċitaw ippjanar aggressiv tat-taxxa. In-nuqqas ta' taxxi minn ras il-għajn fuq pagamenti 'l barra mill-pajjiż (jiġifieri minn residenti tal-Unjoni għal residenti ta' pajjiżi terzi) minn dividendi, imgħax u, f'bosta każijiet, pagamenti ta' royalties minn kumpaniji bbażati f'Ċipru għal residenti ta' pajjiżi terzi jista' jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk ma jkunux suġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi. In-nuqqas ta' tali taxxi, flimkien mar-regoli ta' residenza tat-taxxa korporattiva, jistgħu jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Filwaqt li reġimi ta' tnaqqis ta' mgħax nozzjonali jgħinu biex tonqos l-inklinazzjoni lejn il-konverżjoni tad-dejn f'ekwità, jistgħu jintużaw ukoll għal skopijiet ta' evażjoni tat-taxxa, jekk ma jkunx hemm regoli effettivi kontra l-abbuż. Il-Kummissjoni tieħu nota tal-passi pożittivi reċenti li ġew imħabbra jew adottati (jiġifieri r-reviżjoni mħabbra ta' regoli tat-taxxa korporattiva residenzjali, tibdil ippjanat dwar dispożizzjonijiet ta' pprezzar ta' trasferiment. Abbażi ta' skambji reċenti, il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu kostruttiv tagħha biex tiġġieled kontra l-istrateġija ta' ppjanar aggressiv tal-kontribwenti tat-taxxa.

(11)

Ineffiċjenzi fis-sistema ġudizzjarja jkomplu jaffettwaw l-infurzar ta' kuntratti u r-riżoluzzjoni rapida ta' kawżi ċivili u kummerċjali. Proċedura ċivili diffiċli u infurzar dgħajjef tad-deċiżjonijiet tal-qrati huma ta' piż fuq l-inċentivi tal-banek biex jużaw oqfsa ta' insolvenza u preklużjoni biex inaqqsu l-ammont ta' self improduttiv tagħhom. Serje ta' riformi bdew jindirizzaw il-problemi l-iktar serji fis-sistema tal-ġustizzja, b'mod partikolari d-diġitalizzazzjoni baxxa tal-qrati u n-nuqqas ta' taħriġ tul il-ħajja għall-imħallfin.

(12)

L-użu ta' oqfsa ġodda ta' insolvenza u preklużjoni għadu limitat, li jimmina l-isforzi ta' tnaqqis tas-self improduttiv. Twaqqaf grupp ta' ħidma ta' partijiet ikkonċernati biex jirrevedi l-implimentazzjoni u l-prestazzjoni tal-oqfsa. Ittieħdu miżuri amministrattivi biex inaqqsu x-xogħol b'lura fil-ħruġ ta' titoli ta' proprjetà. Madankollu, l-akkumulazzjonijiet jibqgħu għoljin u għadha nieqsa soluzzjoni strutturali li tindirizza l-inadegwatezzi tas-sistema ta' tranżazzjoni tal-proprjetà (jiġifieri l-ħruġ u t-trasferiment ta' titoli tal-proprjetà).

(13)

Il-livell għoli ta' self improduttiv jibqa' l-vulnerabbiltà ewlenija tas-settur bankarju u dan jaffettwa l-provvista tal-kreditu. Il-banek għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' impedimenti fit-tisħiħ tal-pretensjonijiet tagħhom fuq selliefa li jkunu fallew u d-dixxiplina dgħajfa ta' ripagament għadha problematika. Fl-2017, is-self improduttiv naqas, għalkemm b'mod mhux ugwali fost il-banek, bħala riżultat tar-ristrutturar tad-dejn permezz ta' tħassir u skambju ta' dejn ma' assi. Għad fadal inċertezzi dwar is-sostenibbiltà tal-pjanijiet ta' tnaqqis tal-banek, hekk kif ir-riinadempjenza tas-self u r-riristrutturar jibqgħu għoljin u l-iskopertura diretta tal-banek għas-suq immobiljari qed tiżdied. Dawn il-fatturi jindikaw il-ħtieġa għal implimentazzjoni malajr ta' strateġija iktar komprensiva biex jitħaffef it-tindif tal-karti tal-bilanċ tal-banek, b'kunsiderazzjoni għall-konsegwenzi soċjali għal gruppi vulnerabbli u inċentivi mfassla sew biex tissaħħaħ id-dixxiplina tar-ripagament. Bħala parti minn din l-istrateġija, emendi leġiżlattivi biex jippermettu għall-infurzar effettiv tal-pretensjonijiet u biex jiffaċilitaw il-bejgħ ta' self jidher neċessarju, inkluż dwar protezzjoni għal min jissellef u l-introduzzjoni ta' rkanti elettroniċi. Barra minn hekk, il-kapaċità ta' governanza u amministrattiva ta' assigurazzjoni u superviżjoni tal-fond tal-pensjoni għadhom baxxi. Il-Gvern biħsiebu jippreżenta proposti leġiżlattivi biex jindirizza din il-kwistjoni matul l-2018.

(14)

L-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għal tkabbir wassal għal xi progress fl-oqsma ta' investimenti strateġiċi, l-intraprenditorija u regolamentazzjoni aħjar. Madankollu, riformi importanti waqfu, b'mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta' liċenzji li jawtorizzaw proġetti ta' investiment. L-aċċess għal finanzjament tjieb, permezz ta' xi titjib fir-rekwiżiti tal-kollateral, iżda jibqa' kwistjoni ewlenija, b'mod partikolari għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju. Miżuri ta' appoġġ finanzjarju huma bbażati fuq għotjiet, fil-biċċa l-kbira. Sorsi alternattivi ta' finanzjament bħall-kapital ta' riskju, finanzjament permezz tal-ekwità u finanzjament kollettiv, jibqgħu marġinali għan-negozji Ċiprijotti. Sforzi ta' privatizzazzjoni, immirati biex jattiraw investimenti barranin li jtejjbu l-produttività, f'bosta każijiet huma sospiżi u biss uħud mill-proġetti ta' privatizzazzjoni qed javvanzaw b'mod gradwali (pereż il-port ta' Larnaca).

(15)

L-impjieg qed jiżdied u l-qgħad qed jonqos b'rata mgħaġġla, għalkemm jibqa' għoli fost iż-żgħażagħ u dawk li ilhom mingħajr impjieg fit-tul. Ikomplu l-isforzi biex titjieb il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg. Madankollu, il-forniment ta' servizzi lil min iħaddem, il-kategorizzazzjoni tal-klijent, il-gwida u l-attivazzjoni personalizzati, inkluż għal dawn li jirċievu dħul minimu garantit, jibqgħu ta' sfida. Il-proporzjon taż-żgħażagħ (età 15-24) mhux impjegati, f'edukazzjoni, jew taħriġ għadu fost l-ogħla fl-Unjoni. Il-miżuri ta' lħiq u assistenza personalizzata f'waqtha għaż-żgħażagħ huma limitati, kif ikkonfermat mill-għadd baxx tagħhom fi skemi ta' attivazzjoni relevanti.

(16)

Il-modernizzazzjoni tas-settur tal-edukazzjoni avvanza iżda għad fadal sfidi sostanzjali. Żviluppi reċenti pożittivi jinkludu reviżjoni fil-fond tal-curricula tal-iskejjel u l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida ta' ħatra għall-għalliema. In-nefqa fl-edukazzjoni hija 'l fuq mill-medja tal-Unjoni, li juri impenn sod fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja. Madankollu, il-kisbiet fl-edukazzjoni għadhom baxxi u t-tluq bikri mill-iskola, għalkemm inqas mill-medja tal-Unjoni, żdied b'mod sinifikanti. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali hija baxxa, ir-riforma tas-sistema tal-evalwazzjoni tal-għalliema għadha pendenti u proporzjoni għoli ta' gradwati terzjarji jkomplu jaħdmu f'impjieg li ma jirrikjedix neċessarjament lawrija akkademika.

(17)

Ċipru għamel progress sostanzjali fil-kura tas-saħħa billi adotta leġiżlazzjoni biex jistabilixxi s-Sistema Nazzjonali ġdida tal-Kura tas-Saħħa. Is-sistema l-ġdida għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess, tintroduċi kopertura universali tas-saħħa, tnaqqas il-livell għoli ta' pagamenti mill-but u żżid l-effiċjenza fl-għoti tal-kura fis-settur pubbliku. Qabel ma tibda taħdem bis-sħiħ fl-2020, is-sistema għadha qed tiffaċċja sfidi kbar ta' implimentazzjoni u investiment. Għandhom ikomplu l-isforzi għal salvagwardja kontra spejjeż possibbli li jkunu akbar minn dawk ippjanati, il-modernizzazzjoni u t-titjib tal-effiċjenza tal-fornituri tal-kura tas-saħħa, inkluż il-kura tas-saħħa primarja, l-introduzzjoni tas-Saħħa-e u t-twaqqif ta' Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Mediċini. Il-livell tal-kura fit-tul huwa baxx u jibqa' ta' sfida meta titqies it-tixjiħ tal-popolazzjoni.

(18)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta' Ċipru u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Ċipru fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli f'Ċipru iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(19)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (7) hija li Ċipru huwa mistenni jikkonforma mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(20)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li saru skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.

Jadotta riformi leġiżlattivi ewlenin biex itejjeb l-effiċjenza fis-settur pubbliku, b'mod partikolari fir-rigward tal-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika u tal-governanza tal-entitajiet li huma proprjetà tal-Istat u tal-gvernijiet lokali.

2.

Iżid l-isforzi biex itejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudikatura billi jirrevedi l-proċeduri ċivili, iżid l-ispeċjalizzazzjoni tal-qrati u jwaqqaf sistema ta' ġustizzja elettronika operazzjonali bis-sħiħ. Jieħu miżuri biex jrendi operazzjonali bis-sħiħ l-oqfsa ta' insolvenza u preklużjoni u jiżgura sistemi affidabbli u rapidi għall-ħruġ ta' titoli ta' proprjetà u t-trasferiment ta' drittijiet ta' proprjetà immobbli.

3.

Iħaffef it-tnaqqis tas-self improduttivi billi jimplementa strateġija komprensiva, inkluż emendi leġiżlattivi li jippermettu l-infurzar effettiv tal-pretensjonijiet u l-faċilitazzjoni tal-bejgħ ta' self. Jintegra u jsaħħaħ is-superviżjoni tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u ta' fondi tal-pensjonijiet.

4.

Jagħti prijorità għall-implimentazzjoni tal-elementi ewlenin tal-pjan ta' azzjoni għat-tkabbir, b'mod partikolari għall-implimentazzjoni rapida ta' investimenti strateġiċi, u jieħu miżuri addizzjonali biex itejjeb l-aċċess għal finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Itejjeb il-prestazzjoni tal-impriżi tal-Istat inkluż billi jkompli bl-implimentazzjoni tal-proġetti ta' privatizzazzjoni.

5.

Ilesti r-riformi mmirati biex iżidu l-kapaċità u l-effettività tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u jsaħħaħ l-ilħiq u l-appoġġ għall-attivazzjoni għaż-żgħażagħ li mhumiex f'impjieg, fl-edukazzjoni jew f'taħriġ. Ilesti r-riforma tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-evalwazzjoni tal-għalliema u azzjonijiet biex tiżdied il-kapaċità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Jieħu miżuri biex jiżgura li s-Sistema Nazzjonali tal-Kura tas-Saħħa ssir operazzjonali bis-sħiħ fl-2020, kif ippjanat.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.

(4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  L-infiq nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.