10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/24


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Estonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Estonja

(2018/C 320/06)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Estonja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jenħtieġ li l-Estonja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika għaż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet hawn isfel, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni (1).

(3)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għall-Estonja ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress tal-Estonja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Estonja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Estonja mhux qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi.

(4)

Fis-26 ta' April 2018, l-Estonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tagħha u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(6)

Attwalment, l-Estonja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Gvern jippjana li jgħaddi minn defiċit pubbliku ġenerali ta' 0,3 % tal-PDG fl-2017 għal surplus ta' 0,2 % tal-PDG fl-2018, 0,5 % tal-PDG fl-2019 u jgħaddi finalment għal baġit ibbilanċjat. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju tagħha huwa defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, id-defiċit strutturali rikalkulat (6) għandu jammonta għal 0,8 % tal-PDG fl-2018, 0,4 % tal-PDG fl-2019 u jibqa' f'defiċit żgħir wara dan. Id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG għandu jibqa' taħt id-9 % tal-PDG fl-2018 u l-2019, filwaqt li jonqos għal 5,3 % tal-PDG sal-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli. Ir-riskji negattivi marbuta mas-suppożizzjonijiet tar-rendiment tad-dħul huma relatati ma' uħud mill-miżuri li mhumiex speċifikati sew, li jaffettwaw is-snin kollha tal-perjodu ta' żmien tal-programm.

(7)

Fl-2018, l-Estonja ġiet rakkomandata tibqa' tirrispetta l-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Dan huwa konsistenti ma' rata ta' tkabbir nominali massimu tal-infiq pubbliku primarju nett (7) ta' 6,1 %, li jikkorrispondi ma' aġġustament strutturali ta' 0,2 % tal-PDG. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018, hemm riskju ta' xi devjazzjoni minn dan ir-rekwiżit fl-2018. Fl-2019, fid-dawl tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni previst ta' 2,7 % tal-PDG għall-Estonja u t-tkabbir previst tal-PDG li hu inqas mir-rata stmata ta' tkabbir potenzjali, ir-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett jenħtieġ li ma taqbiżx 4,1 %, f'konformità mal-aġġustament strutturali ta' 0,6 % tal-PDG li jirriżulta matriċi ta' aġġustament miftiehma b'mod komuni ta' rekwiżiti taħt il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018, jekk il-politiki ma jinbidlux, hemm riskju ta' xi devjazzjoni minn dan ir-rekwiżit fl-2019, u fl-2018 u l-2019 meta dawn jitqiesu flimkien. Kollox ma' kollox, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-Estonja jeħtieġ li tkun lesta li tieħu aktar miżuri biex tiżgura l-konformità fl-2018 u l-2019.

(8)

Sistema ta' protezzjoni soċjali iktar adegwata sostnuta minn provvista aħjar tas-servizzi għadha sfida ewlenija għall-Estonja. L-Estonja tonfoq inqas fuq il-protezzjoni soċjali (madwar 16 % tal-PDG) mill-medja tal-Unjoni (madwar 28 % tal-PDG). L-impatt tat-trasferimenti soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar qed jitjieb iżda għadu dgħajjef u aktar baxx mill-medja tal-Unjoni. L-Estonja għad għandha rata għolja ta' riskju ta' faqar, partikolarment għall-persuni b'diżabbiltà, għall-unitajiet domestiċi fejn ħadd ma jaħdem u għall-persuni anzjani, speċjalment dawk li jgħixu waħedhom. L-inugwaljanza fl-introjtu, li laħqet 5,6 % fl-2016, għadha ogħla mill-medja tal-Unjoni (5,2 % fl-2016) minkejja titjib reċenti. Qed jittieħdu xi passi biex jiġu pprovduti benefiċċji tal-familja adegwati għal familji kbar, li kompla naqqas il-faqar relattiv fost it-tfal. Il-livell tal-benefiċċju tal-introjtu minimu żdied, akkumpanjat b'inċentivi għar-ritorn lejn ix-xogħol. Il-pagament ta' benefiċċju ta' EUR 115-il lill-persuni b'pensjonijiet baxxi u li jgħixu waħedhom kien l-ewwel pass biex tiġi indirizzata r-rata għolja ħafna ta' riskju ta' faqar f'dan il-grupp. L-ispariġġ tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali bejn il-persuni b'diżabbiltà u dawk mingħajrha (20,9 % fl-2016) huwa wkoll ogħla mill-medja tal-Unjoni (10,1 %). Il-finanzjament tas-servizzi ta' kura fit-tul ma jissodisfax il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni li qed tixjieħ. Wieħed għad irid jara l-impatt tar-riforma amministrattiva li għaddejja fuq il-provvista ta' servizzi ta' kwalità għolja.

(9)

Id-differenza ta' 25,3 % bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa hija fost waħda mill-ogħla fl-Unjoni, għalkemm qed tonqos. Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata qed jiġi promoss mill-bidliet reċenti fil-liv tal-ġenituri u s-sistema tal-benefiċċji. Dawn il-bidliet huma mistennija jagħtu lin-nisa inċentiv biex jirritornaw lejn ix-xogħol iktar kmieni u għalhekk jikkontribwixxu biex inaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa. Il-bidliet se jiġu implimentati bejn l-2018 u l-2020. Qed tiġi diskussa l-proposta dwar it-tieni stadju tar-riforma tal-liv tal-ġenituri. L-involviment kontinwu mas-sħab soċjali u t-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom, fid-dawl ta' rati ta' sħubija baxxi ħafna, jibqa' importanti f'dan il-kuntest u lil hinn minnu. Għad iridu jiġu adottati Emendi tal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri sabiex titjieb it-trasparenza fil-pagi u ladarba dawn jiġu adottati, se japplikaw biss għall-entitajiet tas-settur pubbliku. Strument biex janalizza d-differenzi fil-pagi bejn il-ġeneri mhux mistenni li jiġi żviluppat qabel l-2019.

(10)

It-tkabbir bil-mod fil-produttività tal-Estonja huwa marbut mal-prestazzjoni moderata tagħha fir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni. B'inqas minn 0,5 % tal-kumpaniji Estonjani jirraportaw attivitajiet ta' riċerka fl-2016, l-intensità tar-R&Ż tan-negozji hija biss ta' 0,7 % tal-PDG — nofs il-medja tal-Unjoni ta' 1,3 %. Barra minn hekk, għadd ta' indikaturi li jkejlu l-innovazzjoni — bħalma huma l-kumpaniji żgħar u medji li joħolqu prodotti u proċessi ġodda jew li jagħmlu innovazzjonijiet interni — naqsu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin. Filwaqt li l-ekonomija għandha xi attivitajiet b'valur miżjud għoli u b'użu intensiv tal-għarfien, l-intensità tar-R&Ż tan-negozji, il-konnessjonijiet bejn ix-xjenza u l-kummerċ u l-kapaċità ta' innovazzjoni u teknoloġika tal-kumpaniji għadhom baxxi. L-infiq tas-settur pubbliku fuq ir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni kienet tradizzjonalment ogħla mill-medja tal-Unjoni. Madankollu, l-istabbiliment insuffiċjenti tal-prijoritajiet fir-riċerka pubblika jippreżenta sfidi. L-Estonja implimentat diversi miżuri biex issaħħaħ il-prestazzjoni tar-riċerka u innovazzjoni tal-ekonomija, iżda l-isfida hija li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom.

(11)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Estonja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Estonja fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Estonja imma wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(12)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (8) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:

1.

Tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx 4,1 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,6 % tal-PDG. Ittejjeb l-adegwatezza tas-sistema ta' protezzjoni soċjali, b'mod partikolari għall-persuni anzjani u għall-persuni b'diżabbiltà. Tieħu miżuri biex tnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, inkluż billi ttejjeb it-trasparenza fil-pagi fis-settur privat.

2.

Tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari billi tipprovdi inċentivi effettivi biex titwessa' l-bażi tal-innovazzjoni.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.

(4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Il-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta' miżuri ta' darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni b'metodoloġija miftiehma b'mod komuni.

(7)  In-nefqa primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern mingħajr in-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li huma korrisposti bis-sħiħ minn dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fuq in-nefqa tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(8)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.