31.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/790

tal-25 ta' April 2018

dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

F'Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett ta' informazzjoni xjentifika, li jikkonsisti fil-Komunikazzjoni “Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika: jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka” (1), u f'Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/417/UE (2). Ir-Rakkomandazzjoni 2012/417/UE tiddikjara li l-Kummissjoni se tirrieżamina l-progress li sar fl-Unjoni biex tivvaluta jekk hemmx il-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri biex jinkisbu l-għanijiet stipulati.

(2)

Il-Komunikazzjoni “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (3) tenfasizza l-importanza tat-tixrid tad-dejta bħala katalist għat-tkabbir ekonomiku, għall-innovazzjoni u għad-diġitalizzazzjoni fis-setturi ekonomiċi kollha, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (u n-negozji ġodda) u għas-soċjetà kollha kemm hi. Tirrikonoxxi li l-big data u l-computing ta' prestazzjoni għolja qed ibiddlu l-mod li bih titwettaq ir-riċerka u l-mod li bih jiġi skambjat l-għarfien, bħala parti minn tranżizzjoni lejn xjenza miftuħa aktar effiċjenti u reattiva (4). Tħabbar li l-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-aċċess għad-dejta pubblika biex tgħin tixpruna l-innovazzjoni u taħdem lejn cloud għar-riċerka dwar ix-xjenza miftuħa bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea tal-Cloud Computing. Fir-rieżami tagħha ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (5), il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tkompli ttejjeb “l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid ta' data pubblika u ffinanzjata mis-settur pubbliku”.

(3)

Il-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva Cloud Ewropea “Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” (6) tippreżenta l-pjan razzjonali u wiesa' għall-iżvilupp tal-Inizjattiva Ewropea tal-Cloud Computing (EOSC) bħala ambjent fdat u miftuħ għall-komunità xjentifika għall-ħażna, għall-qsim u għall-użu mill-ġdid tad-dejta u tar-riżultati xjentifiċi. Tħabbar ukoll li l-Kummissjoni se tirrieżamina r-Rakkomandazzjoni 2012/417/UE dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha biex tinkoraġġixxi l-qsim tad-dejta xjentifika u l-ħolqien ta' skemi ta' inċentivi, sistemi ta' premjijiet u programmi ta' edukazzjoni u taħriġ għar-riċerkaturi u għan-negozji biex jikkondividu d-dejta. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal “Implementation Roadmap for the EOSC” (7) jippreżenta r-riżultati tal-esplorazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet konċernati ta' governanza u mekkaniżmi ta' finanzjament possibbli għall-EOSC u jagħti aktar dettalji dwar il-linji ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-EOSC bħala federazzjoni ta' infrastrutturi tad-dejta tar-riċerka.

(4)

Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tistabbilixxi l-prinċipju li d-dejta kollha aċċessibbli miżmuma minn korp tas-settur pubbliku, jeħtieġ li tkun tista' tintuża mill-ġdid ukoll għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali mill-partijiet interessati kollha b'kundizzjonijiet mhux diskriminatorji għall-kategoriji komparabbli ta' użu mill-ġdid u bil-ħlas tal-ispiża marġinali marbuta mad-distribuzzjoni tad-dejta bħala massimu.

(5)

Il-politiki dwar l-aċċess miftuħ (9) għandhom l-għan li jipprovdu aċċess lir-riċerkaturi u lill-pubbliku ġenerali għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi evalwati bejn il-pari, għad-dejta dwar ir-riċerka u għal eżiti oħra tar-riċerka, bla ħlas, b'mod miftuħ u mhux diskriminatorju, kmieni kemm jista' jkun fil-proċess tat-tixrid, u li jippermettu l-użu u l-użu mill-ġdid tar-riżultati tar-riċerka xjentifika. L-aċċess miftuħ jgħin biex titjieb il-kwalità, titnaqqas il-ħtieġa għad-duplikazzjoni bla bżonn tar-riċerka, jitħaffef il-progress xjentifiku, jgħin biex jiġġieled kontra l-frodi xjentifika, u b'mod ġenerali jista' jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni. Minbarra l-aċċess miftuħ, l-ippjanar tal-ġestjoni tad-dejta qed isir prattika xjentifika standard.

(6)

L-aċċess miftuħ huwa mezz ta' tixrid għar-riċerkaturi li jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw ix-xogħol tagħhom, b'mod partikolari fil-kuntest ta' riċerka ffinanzjata pubblikament. Is-soluzzjonijiet ta' ħruġ ta' liċenzji jenħtieġ li jkollhom l-għan li jiffaċilitaw it-tixrid u l-użu mill-ġdid tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

(7)

Huwa fl-interess pubbliku li jkun hemm konservazzjoni tar-riżultati tar-riċerka xjentifika. Tradizzjonalment kienet fir-responsabbiltà tal-bibljoteki jew tal-arkivji, speċjalment il-bibljoteki nazzjonali ta' depożitu legali. Il-volum tar-riżultati tar-riċerka ġġenerati qed jikber kontinwament. Jenħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi, infrastrutturi u soluzzjonijiet ta' softwer li jippermettu l-konservazzjoni fit-tul tar-riżultati tar-riċerka f'forma diġitali. Il-finanzjament sostenibbli għall-konservazzjoni huwa kruċjali għax l-ispejjeż għall-manutenzjoni tal-kontenut diġitali għadhom relattivament għaljin. Minħabba l-importanza tal-konservazzjoni għall-użu futur tar-riżultati tar-riċerka, l-istabbiliment jew it-tisħiħ tal-politiki f'dan il-qasam jenħtieġ li jiġi rrakkomandat lill-Istati Membri.

(8)

Il-progress teknoloġiku ppermetta l-ħolqien ta' infrastrutturi għar-riċerka bbażata fuq il-web stabbiliti mill-gvernijiet nazzjonali, mill-universitajiet jew mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka. Dawn jappoġġaw l-għanijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni billi jgħinu lir-riċerkaturi jiġġestixxu r-riżultati tar-riċerka tagħhom u billi jippermettu t-tixrid. Il-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva Cloud Ewropea ħabbret li “il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa se jibda permezz tal-federazzjoni ta' infrastrutturi eżistenti tad-dejta xjentifika, li llum jinsabu mxerrda fost id-dixxiplini u l-Istati Membri.” Huwa xieraq li jiġu identifikati u rrakkomandati l-miżuri fil-livell nazzjonali li jenħtieġ jiffaċilitaw il-funzjonament u l-użu tajbin tal-EOSC.

(9)

Il-progress teknoloġiku tul iż-żmien ikkawża bidla kbira fid-dinja tax-xjenza lejn metodi dejjem aktar kollaborattivi, u kkontribwixxa kontinwament għal volum dejjem jikber ta' materjal xjentifiku. F'approċċ xjentifiku li qed isir dejjem aktar kollaborattiv u trasparenti, jenħtieġ li jiġi żgurat li fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u l-karriera tagħhom ir-riċerkaturi jkollhom aċċess għall-iżvilupp professjonali, inkluż permezz ta' programmi tal-edukazzjoni ogħla. Jenħtieġ ukoll li jkollhom il-possibbiltà li jiżviluppaw il-ħiliet xierqa biex jinvolvu ruħhom b'mod sħiħ fix-xjenza miftuħa, kif indikat fil-“Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali” (10).

(10)

L-inċentivi u l-premji huma aspetti importanti f'karriera professjonali. Għalkemm ir-riċerkaturi huma mħeġġa li jiċċaqilqu bejn il-fruntieri, id-dixxiplini u s-setturi, u li jieħu sehem fil-kultura tal-qsim tar-riżultati tagħhom, ta' spiss dan mhuwiex ippremjat jew rifless fl-iżvilupp tal-karriera professjonali tagħhom. Qed jiġu żviluppati indikaturi trasparenti u responsabbli biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prattiki tax-xjenza miftuħa fl-universitajiet moderni. Jistgħu jintużaw mekkaniżmi ta' ppremjar imtejba li jqisu l-metriki tal-ġenerazzjoni l-ġdida biex titkejjel aħjar il-kwalità tar-riċerka Ewropea u biex jipprovdu inċentiv ta' valur għar-riċerkaturi biex jikkondividu r-riżultat tar-riċerka tagħhom, u biex l-universitajiet isiru aktar intraprenditorjali filwaqt li titrawwem il-kompetizzjoni fis-suq intern.

(11)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jappoġġaw ix-xjenza miftuħa u l-aċċess miftuħ, kif iddikjarat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “riċerka miftuħa, intensiva fid-data u organizzata f'netwerk, bħala mutur għal innovazzjoni aktar veloċi u mifruxa” (11) u dwar “it-transizzjoni lejn sistema ta' Xjenza Miftuħa” (12).

(12)

Il-bidla lejn l-aċċess miftuħ hija sfida dinjija. L-Istati Membri kienu parti minn din l-isfida u jenħtieġ li jiġu appoġġati fit-tisħiħ ta' ambjent miftuħ u kollaborattiv tar-riċerka bbażat fuq ir-reċiproċità fil-livell dinji. Ix-xjenza miftuħa hija karatteristika ewlenija tal-politiki tal-Istati Membri għar-riċerka responsabbli u għall-innovazzjoni miftuħa. Il-politiki dwar ir-riċerka u l-finanzjament jenħtieġ li jadattaw għal ambjent ġdid fejn qed isiru disponibbli teknoloġiji diġitali ġodda.

(13)

Il-Kummissjoni tat l-eżempju billi mmassimizzat l-aċċess u l-użu mill-ġdid tar-riżultati tar-riċerka ġġenerati f'ambjent ta' xjenza miftuħa, inkluż fil-Programmi ta' Qafas, u billi applikat politika ta' dejta miftuħa għad-dejta tar-riċerka taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

(14)

Saru ħafna avvanzi fl-oqsma indirizzati fir-Rakkomandazzjoni 2012/417/UE u fid-dokumenti elenkati l-oħra elenkati fil-premessi preċedenti, iżda ma ntlaħqux il-miri kollha u l-progress kien irregolari fost l-Istati Membri. Huwa meħtieġ sforz akbar mill-Istati Membri kollha sabiex isir l-aħjar użu mill-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ewropa.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni 2012/417/UE, u tissostitwixxiha,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi

1.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għat-tixrid tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku, u għall-aċċess miftuħ għal dawn il-pubblikazzjonijiet. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-ħruġ ta' liċenzji b'mod xieraq;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw, b'konformità mal-acquis tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, li bħala riżultat ta' dawn il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha li jirriżultaw mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku jkunu disponibbli permezz ta' aċċess miftuħ sal-aktar tard mill-2020;

irrispettivament mill-mezz ta' pubblikazzjoni (ġurnal xjentifiku, infrastruttura diġitali, kanali tal-multimedia, jew kwalunkwe metodu ġdid u esperimentali ta' komunikazzjoni akkademika), l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet li jirriżultaw mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku jingħata malajr kemm jista' jkun, preferibbilment fi żmien il-pubblikazzjoni, u f'kull każ sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni (mhux aktar tard minn 12-il xahar għax-xjenzi soċjali u umanistiċi);

meta jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, it-termini għall-ħruġ ta' liċenzji użati fis-suq ma jirrestrinġux bla bżonn l-estrazzjoni tat-test u tad-dejta tal-pubblikazzjonijiet li jirriżultaw mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku, b'konformità u mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar id-drittijiet tal-awtur;

ir-riċerkaturi, meta jidħlu fi ftehimiet kuntrattwali ma' pubblikaturi xjentifiċi, jżommu d-drittijiet ta' propjetà intellettwali meħtieġa, inter alia, biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-politika dwar l-aċċess miftuħ. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-awtoarkivjar u l-użu mill-ġdid (notevolment permess tal-estrazzjoni tat-test u tad-dejta);

tiġi ppubblikata l-informazzjoni dwar il-ftehimiet bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi jew gruppi ta' istituzzjonijiet pubbliċi u pubblikaturi dwar il-provvista tal-informazzjoni xjentifika, sabiex jissaħħu t-trasparenza tas-suq u l-kompetizzjoni ġusta, mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-għarfien espert u tal-informazzjoni tan-negozju (is-sigrieti tal-mestier). Dan jenħtieġ li jinkludi kull tip ta' ftehimiet li jkopru b'mod partikolari l-hekk imsejħa “offerti kbar” (jiġifieri pakketti ta' abbonamenti għal rivisti stampati u elettroniċi offruti bi prezzijiet skontati) u l-“offerti ta' tpaċija” relatati li għandhom l-għan li jiksbu tariffi skontati għall-pubblikazzjoni b'aċċess miftuħ għall-konsorzji;

il-kumpaniji innovattivi, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-riċerkaturi indipendenti (pereżempju x-xjentisti ċittadini), is-settur pubbliku, l-istampa u ċ-ċittadini b'mod ġenerali jkollhom, b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, l-aktar aċċess wiesa' possibbli għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi tar-riżultati tar-riċerka li tirċievi finanzjament mis-settur pubbliku sabiex tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni, tingħata setgħa lis-settur pubbliku u jiġu infurmati ċ-ċittadini.

2.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-istituzzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka responsabbli għall-ġestjoni tal-iffinanzjar tar-riċerka pubblika u l-istituzzjonijiet akkademiċi li jirċievu finanzjament pubbliku jimplimentaw il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni msemmijin fil-punt 1 fil-livell nazzjonali b'mod koordinat billi:

jistabbilixxu politiki istituzzjonali għat-tixrid u l-aċċess miftuħ tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, u jiġu stabbiliti pjanijiet ta' implimentazzjoni;

jinkludu rekwiżiti għall-aċċess miftuħ bħala kundizzjoni biex jingħataw ftehimiet ta' għotja jew biex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju ieħor għar-riċerka, flimkien ma' mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti u azzjonijiet ta' segwitu biex jissolvew il-każijiet ta' nuqqas ta' konformità;

jagħmlu l-finanzjament meħtieġ disponibbli għat-tixrid (li jinkludi l-aċċess miftuħ u l-użu mill-ġdid) b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju biex jippermetti li jkun hemm mezzi differenti, li jinkludu l-infrastrutturi diġitali fejn xieraq, kif ukoll metodi ġodda u esperimentali oħra ta' komunikazzjoni akkademika;

jipprovdu gwida għar-riċerkaturi dwar kif jikkonformaw mal-politiki ta' aċċess miftuħ, u jiġu appoġġati f'dan, speċjalment dwar il-ġestjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tagħhom biex jiżguraw l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet tagħhom;

imexxu negozjati konġunti mal-pubblikaturi biex jiksbu termini trasparenti u l-aħjar termini possibbli għall-aċċess tal-pubblikazzjonijiet, li jinkludu l-użu u l-użu mill-ġdid;

jiżguraw li l-pubblikazzjonijiet li jirriżultaw mill-finanzjament pubbliku jkunu faċilment identifikabbli b'mezzi tekniċi xierqa, li jinkludu l-metadejta mehmuża ma' verżjonijiet elettroniċi tal-eżitu tar-riċerka u l-identifikaturi persistenti.

Ġestjoni tad-dejta tar-riċerka, inkluż l-aċċess miftuħ

3.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għall-ġestjoni tad-dejta tar-riċerka li tirriżulta minn riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku, inkluż l-aċċess miftuħ. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-ħruġ ta' liċenzji b'mod xieraq;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawn il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

l-ippjanar tal-ġestjoni tad-dejta isir prattika xjentifika standard kmieni fil-proċess tar-riċerka meta d-dejta tiġi ġġenerata jew tinġabar, inkluż permezz tar-rekwiżiti tal-pjanijiet ta' ġestjoni tad-dejta;

id-dejta tar-riċerka li tirriżulta mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku ssir u tibqa' traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli (“il-prinċipji FAIR”) f'ambjent sikur u fdat, permezz ta' infrastrutturi diġitali (inklużi dawk federati fil-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC), fejn rilevanti), sakemm dan ma jkunx possibbli jew ikun inkompatibbli mal-isfruttament ulterjuri tar-riċerka (“miftuħa kemm jista' jkun, magħluqa kif meħtieġ”). Dan jista' jkun minħabba raġunijiet, b'mod partikolari, ta' privatezza, sigrieti tal-mestier, sigurtà nazzjonali, interessi kummerċjali leġittimi u drittijiet ta' proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi. Jenħtieġ li kwalunkwe dejta, għarfien espert u/jew informazzjoni irrispettivament mill-forma jew min-natura tagħhom, li jinżammu minn partijiet privati fi sħubija pubblika privata konġunta qabel l-azzjoni tar-riċerka, ma jiġux affettwati minn dawk il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali;

meta jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi (inklużi dawk tad-dejta dinamika (fil-ħin reali)), it-termini għall-ħruġ ta' liċenzji użati fis-suq ma jirrestrinġux bla bżonn l-estrazzjoni tat-test u tad-dejta, tad-dejta tar-riċerka li tirriżulta mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku, b'konformità u mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar id-drittijiet tal-awtur;

il-kumpaniji innovattivi, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-riċerkaturi indipendenti (pereżempju iċ-ċittadini xjentisti), is-settur pubbliku, l-istampa u ċ-ċittadini b'mod ġenerali jkollhom, b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, l-aktar aċċess wiesa' possibbli għad-dejta tar-riċerka tar-riżultati tar-riċerka li tirċievi finanzjament mis-settur pubbliku sabiex tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni, tingħata setgħa lis-settur pubbliku u jiġu infurmati ċ-ċittadini.

4.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-istituzzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka responsabbli għall-ġestjoni tal-iffinanzjar tar-riċerka pubblika u l-istituzzjonijiet akkademiċi li jirċievu finanzjament pubbliku jimplimentaw il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni msemmijin fil-punt 3 fil-livell nazzjonali b'mod koordinat billi:

jistabbilixxu politiki istituzzjonali għall-ġestjoni tad-dejta tar-riċerka, u jistabbilixxu pjanijiet ta' implimentazzjoni;

jinkludu rekwiżiti għall-pjanijiet ta' ġestjoni tad-dejta u għall-aċċess miftuħ għad-dejta tar-riċerka bħala prinċipju (“miftuħa kemm jista' jkun, magħluqa kif meħtieġ”) għall-proġetti li jipproduċu dejta tar-riċerka fil-ftehimiet ta' għotja u appoġġ finanzjarju ieħor għar-riċerka, flimkien ma' mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti u azzjonijiet ta' segwitu biex jissolvew il-każijiet ta' nuqqas ta' konformità;

jagħmlu disponibbli l-finanzjament meħtieġ għall-ġestjoni tad-dejta;

jipprovdu gwida lir-riċerkaturi dwar kif jikkonformaw mal-politiki dwar il-ġestjoni tad-dejta tar-riċerka, u jappoġġawhom f'dan, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet sodi għall-ippjanar tal-ġestjoni tad-dejta u ta' infrastrutturi diġitali li jappoġġaw l-aċċess għad-dejta tar-riċerka u l-konservazzjoni tagħha;

jiżguraw li s-settijiet tad-dejta jkunu faċilment identifikabbli u jistgħu jiġu marbuta ma' settijiet ta' dejta u pubblikazzjonijiet oħra permezz ta' mekkaniżmi xierqa, u li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali biex jiġu ffaċilitati l-evalwazzjoni u l-użu xierqa tagħhom.

Konservazzjoni u użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika

5.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għat-tisħiħ tal-konservazzjoni u tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika (pubblikazzjonijiet, settijiet ta' dejta u eżiti tar-riċerka oħrajn). Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-ħruġ ta' liċenzji b'mod xieraq;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawk il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

l-istituzzjonijiet akkademiċi li jirċievu finanzjament pubbliku jiżviluppaw politiki dwar il-konservazzjoni tal-eżitu xjentifiku tagħhom;

tkun fis-seħħ sistema effettiva ta' depożitu għall-informazzjoni xjentifika elettronika, li tkopri l-pubblikazzjonijiet maħluqa b'mod diġitali u l-eżitu tar-riċerka relatat;

l-informazzjoni xjentifika magħżula għall-konservazzjoni fit-tul tiġi sorveljata kif xieraq, u jkun hemm disponibbli l-hardwer u s-softwer meħtieġa li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni;

l-identifikazzjoni unika (l-interkonnessjoni tal-eżiti tar-riċerka, tar-riċerkaturi, tal-affiljazzjonijiet u l-finanzjaturi tagħhom, u tal-kontributuri) tiġi promossa permezz ta' firxa wiesgħa ta' identifikaturi persistenti, sabiex jiġu ffaċilitati t-traċċabbiltà, ir-reproduċibbiltà u l-konservazzjoni fit-tul tar-riżultati tar-riċerka;

ikunu fis-seħħ sistemi u kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' liċenzji li jkunu jistgħu jinqraw mill-magni, li jkunu kompatibbli mal-liċenzji miftuħa diġà eżistenti, li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika li tirriżulta mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku skont il-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-awtur applikabbli u mingħajr preġudizzju għaliha, sabiex jiġu ffaċilitati l-użu mill-ġdid u l-konservazzjoni legali;

jitrawmu l-kundizzjonijiet għall-partijiet konċernati biex joffru servizzi b'valur miżjud ibbażati fuq l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika.

Infrastrutturi għax-xjenza miftuħa

6.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għall-iżvilupp ulterjuri tal-infrastrutturi li jsostnu s-sistema għall-aċċess, għall-konservazzjoni, għall-qsim u għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika u għall-promozzjoni tal-federazzjoni tagħhom fl-EOSC. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-ħruġ ta' liċenzji b'mod xieraq;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawn il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali:

ir-riżorsi jiġu allokati, ingranati u mibnija biex ikunu ekonomikament effiċjenti u biex jinnovaw filwaqt li jrawmu l-kompetizzjoni fis-suq intern;

jiġu żgurati l-kwalità u l-affidabbiltà tal-infrastruttura, inkluż permezz tal-użu ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, speċifikazzjonijiet u standards rikonoxxuti b'mod wiesa';

ir-riċerkaturi jkollhom aċċess miżjud, b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, għar-riżorsi tar-riċerka u għas-servizzi ta' ħżin, ġestjoni, analiżi, qsim u użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika, inkluż permezz tal-EOSC, meta jkun disponibbli;

permezz tal-użu ta' indikaturi u metriki addizzjonali, l-infrastrutturi jkunu xierqa biex jiġbru l-informazzjoni li ssostni l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-ftuħ u tax-xjenza miftuħa kif ukoll tar-riċerka u tal-evalwazzjoni tal-karriera.

7.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw is-sinerġiji fost l-infrastrutturi nazzjonali, bl-EOSC u inizjattivi dinjija oħrajn billi:

jinvolvu ruħhom fid-definizzjoni ta' standards għall-aċċess tad-dejta u tas-servizzi permezz tal-EOSC, kif ukoll ta' indikaturi u metriki għall-kejl tal-impatt tar-riċerka fil-kuntest tal-EOSC;

jiggarantixxu l-interoperabbiltà tal-infrastrutturi ġodda jew aġġornati sabiex ikunu jistgħu jqisu l-iżvilupp tal-EOSC u, għalhekk, jevitaw l-emerġenza tas-silos, u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni u għall-promozzjoni tal-iskoperta xjentifika u l-kollaborazzjoni bejn id-dixxiplini u l-pajjiżi;

iħejju t-triq għall-użu tas-servizzi u għall-qsim tal-informazzjoni xjentifika permezz tal-EOSC.

Ħiliet u kompetenzi

8.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għall-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa tar-riċerkaturi u tal-persunal tal-istituzzjonijiet akkademiċi fir-rigward tal-informazzjoni xjentifika. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawk il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

jiġu pprovduti t-taħriġ u l-edukazzjoni meħtieġa dwar l-aċċess miftuħ, il-ġestjoni tar-riċerka tad-dejta, l-intendenza tad-dejta, il-konservazzjoni tad-dejta, is-sorveljanza tad-dejta u x-xjenza miftuħa, bħala parti mis-sistema ta' edukazzjoni għolja u taħriġ, fl-istadji kollha tal-karriera, u li jilħqu l-aħjar prattika fuq il-post tax-xogħol fl-industrija;

jiġu pprovduti l-promozzjoni jew l-implimentazzjoni, jew it-tnejn, ta' programmi ta' diplomi għoljin ta' profili personali ġodda fil-qasam tat-teknoloġiji għall-immaniġġar tad-dejta;

jiġu appoġġati l-iżvilupp u t-taħriġ ta' esperti tax-xjenza kompjuterizzata tad-dejta intensiva tax-xjenza kompjuterizzata, li jinkludu l-ispeċjalisti tad-dejta, it-tekniċi u l-maniġers tad-dejta.

Inċentivi u premji

9.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għall-aġġustament, fir-rigward tal-informazzjoni xjentifika, tas-sistema tal-evalwazzjoni tar-reklutaġġ u tal-karrieri għar-riċerkaturi, tas-sistema ta' evalwazzjoni għall-għotjiet tar-riċerka lir-riċerkaturi, u tas-sistema ta' evalwazzjoni għall-istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawk il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

is-sistema tal-karriera akkademika tappoġġa u tippremja lir-riċerkaturi li jieħdu sehem f'kultura ta' qsim tar-riżultati tar-riċerka tagħhom, b'mod partikolari billi jiġu żgurati l-qsim bikri u l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet tagħhom u għal eżiti tar-riċerka oħrajn;

l-istituzzjonijiet responsabbli għall-immaniġġar tal-iffinanzjar għar-riċerka pubblika u l-istituzzjonijiet akkademiċi li huma ffinanzjati mis-settur pubbliku jassistu fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali billi jwaqqfu mekkaniżmi li jippermettu, ikejlu u jippremjaw il-qsim tal-informazzjoni xjentifika;

is-sistemi ta' evalwazzjoni tar-riċerka u tal-karrieri jissaħħu permezz tal-introduzzjoni ta' indikaturi u metriki addizzjonali li jistgħu jinfurmaw il-valutazzjoni tal-ftuħ, inkluż, iżda mhux biss, tal-impatt soċjali usa' tar-riċerka u fil-livell individwali ta' riċerkatur (“metriki ta' ġenerazzjoni ġdida”).

Djalogu bejn bosta partijiet konċernati dwar ix-xjenza miftuħa fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali

10.

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu sehem f'djalogi bejn bosta partijiet konċernati dwar it-tranżizzjoni lejn ix-xjenza miftuħa fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali fuq kull waħda mill-kwistjonijiet indirizzati fil-punti 1 sa 9.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li:

dawk id-djalogi jsaħħu ambjent teknoloġiku tax-xjenza miftuħa konness li jkopri l-eżiti kollha tar-riċerka mill-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tar-riċerka (id-dejta, il-pubblikazzjonijiet, is-softwer, il-metodi, il-protokolli, eċċ.);

bil-mod tinkiseb bidla sistematika lejn ix-xjenza miftuħa li tinkludi, minbarra l-bidla teknoloġika u l-effiċjenza, il-prinċipju tar-reċiproċità, bidla kulturali fost ir-riċerkaturi, kif ukoll bidla istituzzjonali fir-riċerka fost l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-finanzjaturi lejn ix-xjenza miftuħa, inkluż kwistjonijiet bħal pereżempju l-integrità tar-riċerka u l-etika fejn japplikaw.

Koordinazzjoni strutturata tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni u segwitu ta' din ir-Rakkomandazzjoni

11.

L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom punt ta' referenza nazzjonali li l-kompiti tiegħu jkunu li:

jikkoordina l-miżuri elenkati f'din ir-Rakkomandazzjoni;

jaġixxi bħala interlokutur mal-Kummissjoni dwar mistoqsijiet relatati mal-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha, b'mod partikolari dwar id-definizzjonijiet aħjar tal-prinċipji u l-istandards komuni, il-miżuri ta' implimentazzjoni u l-modi ġodda ta' tixrid u ta' qsim tar-riżultati tar-riċerka fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

jirrapporta dwar is-segwitu ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

12.

L-Istati Membri jenħtieġ li jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-azzjoni meħuda b'risposta għall-elementi ta' din ir-Rakkomandazzjoni, 18-il xahar mill-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u mbagħad kull sentejn. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi l-progress li sar fl-Unjoni biex tivvaluta jekk hemmx bżonn aktar azzjoni biex jinkisbu l-għanijiet proposti f'din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Mariya GABRIEL

Membru tal-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2012) 401 final tas-17 ta' Lulju 2012.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/417/UE tas-17 ta' Lulju 2012 dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha (ĠU L 194, 21.7.2012, p. 39).

(3)  COM(2015) 192 final tas-6 ta' Mejju 2015.

(4)  Ix-xjenza miftuħa tirreferi għal approċċ ġdid għall-proċess xjentifiku bbażat fuq ħidma kooperattiva u modi ġodda għat-tixrid tal-għarfien, għat-titjib tal-aċċessibbiltà tal-eżiti tar-riċerka u għall-użu mill-ġdid tagħhom permezz tat-teknoloġiji diġitali u għodod kollaborattivi ġodda.

(5)  COM(2017) 228 final tal-10 ta' Mejju 2017.

(6)  COM(2016) 178 final tad-19 ta' April 2016.

(7)  SWD(2018) 83 final tal-14 ta' Marzu 2018.

(8)  Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).

(9)  L-aċċess miftuħ jirreferi għall-possibbiltà ta' aċċess u użu mill-ġdid tal-eżiti tar-riċerka diġitali bl-inqas restrizzjonijiet possibbli.

(10)  COM(2018) 22 final.

(11)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 9360/15 tad-29 ta' Mejju 2015.

(12)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 9526/16 tas-27 ta' Mejju 2016.