27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/3


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ġunju 2018

bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fir-Rumanija

(2018/C 223/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1) u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 121 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jippromwovu finanzi pubbliċi sodi fuq terminu medju permezz tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u s-sorveljanza multilaterali sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ defiċits pubbliċi eċċessivi.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz tat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi.

(3)

Fis-16 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill irrakkomanda (2) li r-Rumanija tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta (3) ma tkunx ogħla minn 3,3 % fl-2017, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5 % tal-PDG, u b’dan tqiegħed lill-pajjiż fuq perkors ta’ aġġustament xieraq lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill ikkonkluda li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2017. Fuq dik il-bażi fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta (4) biex ir-Rumanija tieħu l-miżuri neċessarji biex ikun żgurat li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta ma tkunx ogħla minn 3,3 % fl-2018, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,8 % tal-PDG.

(4)

Fl-2017, abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni u tad-data dwar ir-riżultati tal-2017 ivvalidata mill-Eurostat, it-tkabbir tan-nefqa pubblika primarja netta kien sew ogħla mill-parametru referenzjarju tan-nefqa, li jindika devjazzjoni sinifikanti b’marġni wiesa’ (jiġifieri devjazzjoni ta’ 3,3 % tal-PDG). Il-bilanċ strutturali ddeterjora għal -3,3 % tal-PDG minn pożizzjoni ta’ -2,1 % tal-PDG fl-2016, li jindika wkoll devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament strutturali rakkomandat b’marġni wiesa’ (jiġifieri devjazzjoni ta’ 1,7 % tal-PDG). L-ammont tad-devjazzjoni indikat mill-bilanċ strutturali huwa influwenzat b’mod negattiv minn stima ogħla tat-tkabbir tal-PDG potenzjali meta mqabbla mal-medja fit-terminu medju li hija l-bażi tal-parametru referenzjarju tan-nefqa, kif ukoll minn tnaqqis fl-investiment pubbliku, li huwa livellat fil-parametru referenzjarju tan-nefqa. Irrispettivament minn dik id-differenza, kull wieħed miż-żewġ indikaturi jikkonferma devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-PST fl-2017.

(5)

Fit-23 ta’ Mejju 2018, wara valutazzjoni globali, il-Kummissjoni kkunsidrat li fir-Rumanija teżisti devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju u ħarġet twissija lir-Rumanija f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(6)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tat-twissija, il-Kunsill għandu jindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat biex jieħu l-miżuri ta’ politika neċessarji. Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jipprevedi li r-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi skadenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur sa meta l-Istat Membru għandu jindirizza d-devjazzjoni. Fuq dik il-bażi, skadenza tal-15 ta’ Ottubru 2018 sa meta r-Rumanija għandha tindirizza d-devjazzjoni tidher xierqa. Sa dik l-iskadenza, jenħtieġ li r-Rumanija tirrapporta dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni.

(7)

Abbażi tal-projezzjonijiet tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni rigward id-diverġenza bejn il-produzzjoni effettiva u dik potenzjali, ir-Rumanija tinsab fi żminijiet ekonomiċi normali fl-2018 u fl-2019. Id-dejn pubbliku tar-Rumanija bħala proporzjon tal-PDG huwa taħt il-limitu ta’ 60 % tal-PDG. Għaldaqstant, l-isforz strutturali minimu meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 1466/97 u mill-matriċi ta’ aġġustamenti maqbula b’mod komuni taħt il-PST, li tieħu kont taċ-ċirkostanzi ekonomiċi prevalenti u tal-problemi possibbli dwar is-sostenibbiltà, jammonta għal 0,5 % tal-PDG kemm għall-2018 kif ukoll għall-2019.

(8)

Id-defiċit strutturali tar-Rumanija żdied bi 2,1 % tal-PDG fl-2016 u b’1,2 % tal-PDG fl-2017, għal 3,3 % tal-PDG fl-2017. Sforz addizzjonali u persistenti, li hu neċessarju biex tiġi kkoreġuta id-devjazzjoni akkumulatta u biex ir-Rumanija tmur lura fuq perkors ta’ aġġustament xieraq wara l-iżvijar tal-2016 u l-2017, jenħtieġ li jikkomplementa r-rekwiżit tal-aġġustament minimu. Jidher li sforz addizzjonali ta’ 0,3 % tal-PDG ikun xieraq fid-dawl tal-kobor tad-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju u dan jaċċellera l-aġġustament lura lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju.

(9)

It-titjib meħtieġ tal-bilanċ strutturali b’0,8 % tal-PDG kemm għall-2018 kif ukoll għall-2019 huwa konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta li ma tkunx ogħla minn 3,3 % fl-2018 u 5,1 % fl-2019.

(10)

Il-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni tipprojetta deterjorament ulterjuri tal-bilanċ strutturali b’0,4 % tal-PDG fl-2018 u 0,4 % tal-PDG ulterjuri fl-2019. Għaldaqstant, biex jinkiseb titjib strutturali ta’ 0,8 % tal-PDG kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019 ikun hemm bżonn li jiġu adottati miżuri li jirriżultaw f’rendiment strutturali totali ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2018 u miżuri addizzjonali li jirriżultaw f’rendiment strutturali ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2019 meta mqabbel mal-bażi ta’ referenza attwali fil-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni.

(11)

Il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni tipprojetta defiċit pubbliku ta’ 3,4 % tal-PDG fl-2018 u 3,8 % tal-PDG fl-2019, li huwa ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. L-aġġustament strutturali meħtieġ jidher xieraq ukoll biex jiġi żgurat li r-Rumanija tirrispetta, b’ċertu marġni, it-3 % tal-PDG tal-valur referenzjarju tat-Trattat fl-2018 u fl-2019.

(12)

In-nuqqas ta’ reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti għall-korrezzjoni tad-devjazzjoni osservata sinifikanti u r-riskju li jinqabeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG, jitolbu azzjoni urġenti sabiex il-politika fiskali tar-Rumanija tmur lura fuq perkors prudenti.

(13)

Huwa xieraq li din ir-Rakkomandazzjoni ssir pubblika.

(14)

Sabiex jintlaħqu l-miri baġitarji rakkomandati, huwa kruċjali li r-Rumanija tadotta u timplimenta b’mod rigoruż il-miżuri neċessarji u tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-iżvilupp tan-nefqa kurrenti,

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI R-RUMANIJA:

(1)

tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta ma tkubnx ogħla minn 3,3 % fl-2018 u 5,1 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,8 % tal-PDG kull sena, u b’dan il-mod l-Istat Membru jitqiegħed fuq perkors xieraq ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju;

(2)

tuża kull dħul eċċezzjonali għat-tnaqqis tad-defiċit; jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarji jiggarantixxu titjib permanenti fil-bilanċ strutturali pubbliku b’mod li jiffavorixxi t-tkabbir;

(3)

tirrapporta lill-Kunsill sal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar l-azzjoni li tkun ħadet b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni; jenħtieġ li r-rapport jipprovdi miżuri dettaljati biżżejjed u mħabbra b’mod kredibbli, inkluż l-impatt baġitarju ta’ kull waħda minnhom, kif ukoll projezzjonijiet baġitarji aġġornati u dettaljati għall-2018 u l-2019.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 216, 6.7.2017, p. 1).

(3)  In-nefqa pubblika primarja netta hija magħmula min-nefqa pubblika totali bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni kompletament korrisposti mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u t-tibdil nondiskrezjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata fuq livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Inklużi fil-kalkolu hemm il-miżuri diskrezzjonali ta’ dħul jew ta’ żieda fid-dħul obbligatorji bil-liġi. Il-miżuri ta’ darba kemm fin-naħa tad-dħul kif ukoll tan-nefqa huma esklużi.

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2017 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 439, 20.12.2017, p. 1).