7.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 195/1 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Mejju 2018
dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim
(2018/C 195/01)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri komuni u l-prinċipji ġenerali tar-rispett għad-dinjità tal bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-għan tal-Unjoni hu li żżomm u tippromwovi l-valuri tagħha. |
(2) |
Ispirata minn dawn il-valuri, l-Unjoni rnexxielha tgħaqqad pajjiżi, komunitajiet u nies flimkien fi proġett politiku uniku, li wassal għall-itwal perijodu ta’ paċi fl-Ewropa, u li min-naħa tiegħu rawwem stabbiltà soċjali u prosperità ekonomika. L-adozzjoni mill-Istati Membri tal-valuri stabbiliti fit-Trattat toħloq bażi komuni li tifforma l-karatteristika distinta tal-istil ta’ ħajja u tal-identità Ewropej, u tagħti post lill-Unjoni fix-xena globali. |
(3) |
L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qed iħabbtu wiċċhom ma’ varjetà ta’ sfidi, inkluż il-populiżmu, il-ksenofobija, in-nazzjonaliżmu diviżiv, id-diskriminazzjoni, it-tixrid ta’ aħbarijiet foloz u ta’ informazzjoni qarrieqa kif ukoll l-isfida tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti. Dawn il-fenomeni jistgħu jkunu ta’ theddida serja għas-sisien tad-demokraziji tagħna, idgħajfu l-fiduċja fl-istat tad-dritt u fl-istituzzjonijiet demokratiċi u jfixklu s-sens komuni ta’ appartenenza fis-soċjetajiet Ewropej tagħna u bejniethom. |
(4) |
In-nuqqas ta’ għarfien dwar l-oriġini tal-Unjoni, ir-raġunijiet għall-ħolqien tagħha u l-funzjonament bażiku tagħha jiffavorixxu l-informazzjoni qarrieqa u ma jħallux li jiġu ffurmati opinjonijiet infurmati dwar l-azzjonijiet tagħha. L-għarfien dwar id-diversità tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jappoġġa r-rispett, il-fehim u l-kooperazzjoni reċiproċi fl-Istati Membri u bejniethom. |
(5) |
L-edukazzjoni fit-tipi kollha tagħha u fil-livelli kollha u minn età bikrija għandha rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-valuri komuni. Din tgħin biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali billi tipprovdi lil kull wild b’possibbiltà ugwali u b’opportunitajiet ġusti li jirnexxi. Tipprovdi l-opportunitajiet biex isiru ċittadini attivi u konxji b’mod kritiku, u żżid l-fehim tal-identità Ewropea. |
(6) |
Fil-laqgħa tal-Aġenda tal-Mexxejja li saret f’Novembru 2017 f’Gothenburg, il-mexxejja Ewropej iddiskutew l-importanza tal-edukazzjoni u l-kultura għall-futur tal-Ewropa. Hija u tinforma dan id-dibattitu, il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjoni tagħha għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u pproponiet għadd ta’ inizjattivi fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura (1)”, li tistipula li “it-tisħiħ tal-identità Ewropea tagħna għadu essenzjali u l-edukazzjoni u l-kultura huma l-aħjar mezzi sabiex dan jiġi żgurat”. |
(7) |
Wara l-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg, il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2017 enfasizza li l-edukazzjoni u l-kultura huma kruċjali għall-bini ta’ soċjetajiet inklużivi u koeżivi, u biex isostnu l-kompetittività tagħna (2). |
(8) |
Wieħed mill-għanijiet tal-qafas ET2020 għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (3), jiġifieri li jiġu promossi l-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva, ġie stabbilit abbażi tal-fatt li jenħtieġ li l-edukazzjoni tippromwovi l-kompetenzi interkulturali, il-valuri demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u razziżmu, u li t-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti jiġu mogħnija biex jinteraġixxu b’mod pożittiv ma’ sħabhom li ġejjin minn ambjenti differenti. |
(9) |
Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi adottata fis-17 ta’ Marzu 2015 mill-Ministri tal-edukazzjoni Ewropej indikat l-impenn mill-Istati Membri biex jippromwovu l-valuri komuni, itejbu kemm il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku kif ukoll l-edukazzjoni inklużiva u d-djalogu interkulturali. It-tweġibiet għal konsultazzjoni pubblika fl-UE kollha (4) juru biċ-ċar li jenħtieġ li tiġi promossa l-edukazzjoni inklużiva. 16 % biss ta’ dawk li wieġbu jħossu li l-edukazzjoni diġà qed tikseb dan l-għan; filwaqt li 95 % iħossu li jenħtieġ li l-edukazzjoni tgħin liż-żgħażagħ jifhmu l-importanza tal-valuri komuni u li jenħtieġ li l-Unjoni tgħin lill-Istati Membri jiksbu dan il-kompitu (98 %). |
(10) |
Stħarriġ tal-2017 ta’ Eurydice dwar l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċittadinanza fl-Iskola fl-Ewropa juri li l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza attwalment tinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej. Madankollu, kważi nofs il-pajjiżi għad ma għandhomx politiki dwar l-inklużjoni tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza fit-taħriġ inizjali tal-għalliema. Għalhekk, jenħtieġ li l-għalliema jingħataw l-appoġġ u s-setgħa permezz ta’ miżuri għall-ħolqien ta’ kultura u ta’ ambjent ta’ tagħlim miftuħ u li jittrattaw diversi gruppi ta’ tagħlim biex jgħallmu l-kompetenzi ċiviċi, jittrażmettu l-wirt komuni tal-Ewropa, jippromwovu l-valuri komuni u jaġixxu bħala mudelli għall-istudenti. |
(11) |
Ir-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti tibqa’ problema kbira f’bosta Stati Membri. Il-promozzjoni tal-valuri komuni bħala vettur tal-koeżjoni u l-integrazzjoni soċjali, anke permezz tal-politiki edukattivi, hija parti integrali tas-soluzzjoni. Sabiex tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom, fl-Lulju tal-2017 il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni (5) biex jidentifika l-miżuri ta’ appoġġ, anke fl-edukazzjoni. |
(12) |
L-aktar riżultati reċenti tal-istħarriġ ta’ PISA u l-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-2017 jenfasizzaw ir-rabta bejn l-inugwaljanzi edukattivi u l-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti. Id-data ta’ PISA turi li l-istudenti li ġejjin minn familji ifqar għandhom tliet darbiet iżjed ċans li jmorru agħar mill-kontropartijiet aktar sinjuri tagħhom u li l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni għandhom ċans aktar mid-doppju li jiksbu livell baxx minn studenti oħrajn. Biex tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni taż-żgħażagħ, huwa kruċjali li jkun hemm sistemi edukattivi inklużivi u ekwitabbli li jrawmu soċjetajiet koeżivi u jistabbilixxu s-sisien għal ċittadinanza attiva u jtejbu l-impjegabbiltà. |
(13) |
L-Istudju Internazzjonali tal-2016 dwar l-Edukazzjoni Ċivika u l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċittadinanza tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi jissuġġerixxi li l-identitajiet nazzjonali u Ewropej jistgħu jikkoeżistu b’mod pożittiv u ma jikkontradixxux lil xulxin. L-istudju juri wkoll li l-istudenti b’livelli ogħla ta’ għarfien ċiviku kellhom it-tendenza wkoll li jkunu studenti li jesprimu attitudnijiet aktar tolleranti. |
(14) |
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru enfasizza livell notevolment baxx ta’ għarfien dwar l-Unjoni. Skont stħarriġ tal-opinjoni tal-2014, 44 % tan-nies tħoss li għandha fehim limitat ta’ kif taħdem l-Unjoni, filwaqt li stħarriġ tal-2011 juri li maġġoranza relattiva tħoss li mhijiex infurmata sew dwar l-Unjoni Ewropea. L-istess studju żvela wkoll li terz tan-nies ma tafx eżattament kemm hemm Stati Membri fl-Unjoni. L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2017 juri li 89 % taż-żgħażagħ Ewropej jaqblu li l-gvernijiet nazzjonali għandhom isaħħu l-edukazzjoni fl-iskejjel dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-aktar stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru juri li 35 % ta’ dawk li wieġbu jqisu li l-istandards edukattivi komparabbli huma l-aktar utli għall-futur tal-Ewropa. |
(15) |
F’dan l-isfond, huwa essenzjali li l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex ikomplu jimplimentaw l-għanijiet kollha tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2015. Huwa partikolarment importanti li jkomplu jiġu promossi l-valuri komuni bħala vetturi ta’ koeżjoni u inklużjoni, tiġi favorita l-implimentazzjoni ta’ ambjenti ta’ tagħlim parteċipattivi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, jitjieb it-taħriġ għall-għalliema dwar iċ-ċittadinanza u d-diversità u jitjiebu l-ħiliet dwar il-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku tal-istudenti kollha. |
(16) |
L-aċċess ugwali u effettiv għall-edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità għall-istudenti kollha, inklużi dawk b’oriġini ta’ migrazzjoni, dawk minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati, dawk bi bżonnijiet speċjali u dawk b’diżabilitajiet - f’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità - huwa indispensabbli biex jinkisbu soċjetajiet aktar koeżivi. F’dan l-isforz, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw mill-istrumenti eżistenti tal-Unjoni, b’mod partikolari Erasmus+, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Ewropa Kreattiva, l-Ewropa għaċ-Ċittadini, il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u Orizzont 2020, kif ukoll il-gwida u l-għarfien espert tal-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva. |
(17) |
Il-programm Erasmus+ juri li l-mobilità u l-kuntatti transkonfinali huma mod effiċjenti kif wieħed jesperjenza l-identità Ewropea. Huwa essenzjali li l-kategoriji kollha ta’ studenti fl-Ewropa kollha jibbenefikaw bl-istess mod mill-opportunitajiet li joffri dan il-programm; b’mod partikolari permezz ta’ skambji skolastiċi bejn l-Istati Membri. Il-mobilità virtwali, speċjalment permezz tan-netwerk e-twinning, hija għodda eċċellenti li tippermetti l-kuntatt dirett bejn l-istudenti, u fis-snin li ġejjin għandha tintuża fuq skala akbar flimkien mal-mobilità fiżika. |
(18) |
Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta’ dimensjoni Ewropea tat-tagħlim tgħin biex l-istudenti jesperjenzaw identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha u biex issaħħaħ is-sens pożittiv u inklużiv ta’ appartenenza Ewropea, li tikkomplementa l-identitajiet u t-tradizzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali tagħhom. Din hija importanti wkoll biex tippromwovi fehim aħjar kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri tagħha. |
(19) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Il-kontenut ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-inizjattivi nazzjonali eżistenti f’dawn l-oqsma, b’mod partikolari fis-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni ċivika, |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Jenħtieġ li l-Istati Membri:
Jippromwovu l-valuri komuni
1. |
iżidu l-iskambju tal-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea minn età bikrija u fil-livelli u fit-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’perspettiva tul il-ħajja biex isaħħu l-koeżjoni soċjali u sens komuni pożittiv u inklużiv ta’ appartenenza fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni. |
2. |
ikomplu jimplimentaw l-impenji tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, b’mod partikolari permezz ta’:
|
3. |
l-użu b’mod effettiv tal-għodod eżistenti għall-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, bħall-qafas tal-Kompetenzi għal Kultura Demokratika tal-Kunsill tal-Ewropa. |
Jipprovdu edukazzjoni inklużiva
4. |
jippromwovu l-edukazzjoni inklużiva għall-istudenti kollha, b’mod partikolari billi:
|
5. |
jużaw b’mod effettiv l-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva, fuq bażi volontarja, biex jimplimentaw u jimmonitorjaw l-approċċi inklużivi ta’ suċċess fis-sistemi edukattivi tagħhom. |
Jippromwovu dimensjoni Ewropea tat-tagħlim
6. |
jippromwovu dimensjoni Ewropea tat-tagħlim billi jħeġġu:
|
Jappoġġaw il-persunal edukattiv u t-tagħlim
7. |
jippermettu lill-persunal edukattiv li jippromwovu l-valuri komuni u jipprovdu edukazzjoni inklużiva, permezz ta’:
|
Jimplimentaw miżuri
8. |
jirrieżaminaw, u fejn ikun meħtieġ, itejbu politiki u prattiki eżistenti fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim mhux formali sabiex jaġixxu fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet; |
9. |
jidentifikaw ħtiġijiet u jsaħħu l-involviment pubbliku, bl-użu ta’ data eżistenti jew, jekk meħtieġ, bil-ġbir ta’ data ġdida bil-ħsieb li jitjieb it-tfassil tal-politika infurmat fuq l-evidenza dwar id-dimensjonijiet soċjali u ċiviċi tal-edukazzjoni u t-taħriġ; |
10. |
ikomplu jikkollaboraw fl-oqfsa ta’ kooperazzjoni strateġika tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ, l-isport u l-kultura permezz tat-tagħlim bejn il-pari, il-konsulenza bejn il-pari u l-iskambju ta’ prattiki tajba bil-għan li jippromwovu l-valuri komuni; |
11. |
jużaw b’mod effettiv l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE, b’mod partikolari Erasmus+, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Ewropa Kreattiva, l-Ewropa għaċ-Ċittadini, il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza u Orizzont 2020 bil-għan li jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet. |
JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:
12. |
tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni bl-għodod u bl-istrumenti ta’ finanzjament disponibbli, bħall-programm Erasmus+, b’mod partikolari permezz tal-mobilità tat-tagħlim fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, b’enfasi fuq l-iskejjel, fuq programmi transnazzjonali, in-netwerk e-Twinning kif ukoll l-attivitajiet Jean Monnet; |
13. |
tappoġġa r-riformi politiki nazzjonali u reġjonali u tipprattika t-titjib permezz tal-qafas ET2020 għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ u kwalunkwe qafas suċċessur; |
14. |
fejn meħtieġ, tiżviluppa u tagħmel rieżami regolari tad-dokumenti ta’ gwida u tal-għodda ta’ referenza prattika għal dawk li jfasslu l-politika u għall-prattikanti u tappoġġa r-riċerka u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-għarfien; |
15. |
tivvaluta u tevalwa l-azzjoni meħuda bħala segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-qafas ET2020, inkluż il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ. |
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
K. VALCHEV
(1) COM(2017) 673 final
(2) EUCO 19/1/17 REV 1
(3) Ir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (ET 2020) — Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25).
(4) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (2018) 13 final
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017 dwar l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar ir-radikalizzazzjoni (ĠU C 252, 3.8.2017, p. 3).