28.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/2068

tad-29 ta' Novembru 2018

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu u tal-iskambju ta' ittri li jakkumpanja l-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Mejju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 (1) dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (“il-Ftehim”). Il-Ftehim sussegwentement ġie mġedded b'mod taċitu.

(2)

L-aħħar Protokoll li jimplimenta l-Ftehim u li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fih skada fl-14 ta' Lulju 2018.

(3)

Fis-sentenza tagħha fil-kawża C-266/16 (2) b'risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu, il-Qorti ddeċidiet li la l-Ftehim u lanqas il-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu ma japplikaw għall-ilmijiet li jmissu t-territorju tas-Saħara tal-Punent.

(4)

L-Unjoni ma tippreġudikax l-eżitu tal-proċess politiku dwar l-istatus finali tas-Saħara tal-Punent li qed iseħħ taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, u hija rriaffermat kontinwament l-impenn tagħha għal soluzzjoni tat-tilwim fis-Saħara tal-Punent, li bħalissa huwa elenkat min-Nazzjonijiet Uniti bħala territorju mhux awtonomu u li huwa amministrat prinċipalment mir-Renju tal-Marokk. Hija tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi li saru mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-mibgħut personali tiegħu biex jgħin lill-partijiet jaslu għal soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u aċċettabbli b'mod reċiproku li tippermetti l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent bħala parti mill-arranġamenti konformi mal-finijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”), u b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet KSNU 2152 (2014), KSNU 2218 (2015), KSNU 2285 (2016), KSNU 2351 (2017) u KSNU 2414 (2018).

(5)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-flotot tal-Unjoni jkomplu bl-attivitajiet tas-sajd li ilhom iwettqu mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, u jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim jiġi ddefinit b'mod li jinkludi l-ilmijiet li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, il-kontinwazzjoni tas-sħubija dwar is-sajd hija essenzjali sabiex dak it-territorju jkun jista' jkompli jgawdi mill-appoġġ settorjali pprovdut taħt il-Ftehim, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni dak internazzjonali, inkluż id-drittijiet tal-bniedem, u għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kkonċernata.

(6)

Għal dak il-għan, fis-16 ta' April 2018 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mar-Renju tal-Marokk bil-ħsieb li jiġi emendat il-Ftehim u li jintlaħaq qbil dwar Protokoll ta' Implimentazzjoni ġdid. B'segwitu għal dawk in-negozjati, fl-24 ta' Lulju 2018 ġew inizjalati Ftehim ġdid ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (“il-Ftehim dwar is-Sajd”), kif ukoll Protokoll ta' Implimentazzjoni ġdid għalih, li jinkludi l-Anness u l-Appendiċijiet għal dak il-Protokoll, u l-iskambju ta' ittri li jakkumpanja l-Ftehim dwar is-Sajd li jifforma parti integra mill-Ftehim dwar is-Sajd.

(7)

L-objettiv tal-Ftehim dwar is-Sajd huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Renju tal-Marokk jaħdmu flimkien aktar mill-qrib rigward il-promozzjoni ta' politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd definita fil-Ftehim dwar is-Sajd u li jiġu appoġġati l-isforzi tar-Renju tal-Marokk biex jiżviluppa s-settur tas-sajd u l-ekonomija blu. B'dan il-mod il-Ftehim jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(8)

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt potenzjali tal-Ftehim dwar is-Sajd fuq l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-benefiċċji għall-popolazzjoni kkonċernata u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati.

(9)

Konformement ma' dik l-evalwazzjoni, jidher li l-Ftehim dwar is-Sajd ikun ta' benefiċċju kbir għall-popolazzjoni kkonċernata minħabba l-impatt soċjoekonomiku pożittiv għal dik il-popolazzjoni, b'mod partikolari f'termini ta' impjiegi u investiment, u f'termini tal-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp tas-settur tas-sajd u s-settur tal-ipproċessar tal-ħut.

(10)

Bl-istess mod, jidher li l-Ftehim dwar is-Sajd jirrappreżenta l-aqwa garanzija għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi naturali tal-ilmijiet li jmissu mas-Saħara tal-Punent, peress li l-attivitajiet tas-sajd jikkonformaw mal-aqwa pariri u rakkomandazzjonijiet xjentifiċi f'dak il-qasam u huma soġġetti għal miżuri xierqa ta' monitoraġġ u ta' kontroll.

(11)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ifformulati fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex jinvolvu kif suppost lill-poplu kkonċernat biex jiġi determinat il-kunsens tagħhom. Saru konsultazzjonijiet estensivi fis-Saħara tal-Punent u fir-Renju tal-Marokk, u l-atturi soċjoekonomiċi u politiċi li ħadu sehem fil-konsultazzjonijiet kienu b'mod ċar favur il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd. Madankollu, il-Front Polisario u xi partijiet oħra ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ta' konsultazzjoni.

(12)

Dawk li ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ma aċċettawx l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu għall-ilmijiet li jmissu mas-Saħara tal-Punent, għaliex ħassew, essenzjalment, li dawk l-atti jikkonfermaw il-pożizzjoni tar-Renju tal-Marokk fir-rigward tat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, mhemm xejn fit-termini tal-Ftehim dwar is-Sajd jew tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu li jimplika rikonoxximent tas-sovranità jew tad-drittijiet sovrani tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent u l-ilmijiet li jmissu magħha. L-Unjoni ser tkompli wkoll tintensifika l-isforzi tagħha b'appoġġ għall-proċess, mibdi u mmexxi taħt il-patroċinju tan- Nazzjonijiet Uniti, ta' riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim.

(13)

Jenħtieġ li l-Ftehim dwar is-Sajd, il-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu u l-iskambju ta' ittri li jakkumpanja l-Ftehim dwar is-Sajd jiġu ffirmati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (“il-Ftehim dwar is-Sajd”), il-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu u l-iskambju ta' ittri li jakkumpanja l-Ftehim dwar is-Sajd huwa b'dan approvat, soġġett għall-konklużjoni ta' dawk l-atti (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim dwar is-Sajd, il-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu u l-iskambju ta' ittri li jakkumpanja l-Ftehim dwar is-Sajd f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SCHRAMBÖCK


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 tat- 22 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU L 141, 29.5.2006, p. 1).

(2)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C-266/16, ECLI:EU:C:2018:118.

(3)  It-test tal-Ftehim dwar is-Sajd, tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni għalih u tal-iskambju ta' ittri li jakkumpanjaw il-Ftehim dwar is-Sajd ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.