21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 327/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/2055

tal-21 ta' Diċembru 2018

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 (1) dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA).

(2)

Fil-25 ta' Lulju 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1385 (2), li testendi d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 sal-31 ta' Diċembru 2018.

(3)

Fl-14 ta' Diċembru 2018, filwaqt li esprima r-rieda tiegħu li jkompli jaħdem lejn soluzzjoni għall-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, fil-qafas ta' soluzzjoni usa' rigward is-segwitu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2018, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà qabel li jestendi l-mandat ta' EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA sal-31 ta' Marzu 2019.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 tiġi emendata skont dan.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u lanqas ma hi marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta' din l-operazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Marzu 2019, l-ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandu jkun ta' EUR 1 100 000. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 30 % għall-impenji u 30 % għall-pagamenti.”

(2)

fl-Artikolu 13, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tintemm fil-31 ta' Marzu 2019.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 122, 19.5.2015, p. 31).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1385 tal-25 ta' Lulju 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 194, 26.7.2017, p. 61).