20.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/2024

tat-22 ta' Mejju 2018

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Tielet Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), l-Artikoli 207 u 211, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim Globali”), ġie ffirmat fit-8 ta' Diċembru 1997, u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2000.

(2)

Skont l-Artikolu 6(2) tal-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Ftehim Globali għandha tiġi miftiehma permezz ta' protokoll għall-Ftehim Globali konkluż bejn il-Kunsill, li jkun qed jaġixxi unanimament f'isem l-Istati Membri, u l-Istati Uniti Messikani.

(3)

Fl-14 ta' Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Istati Uniti Messikani bil-ħsieb li jiġi konkluż it-Tielet Protokoll Addizzjonali sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (il-“Protokoll”). In-negozjati ġew konklużi b'suċċess.

(4)

L-Artikolu 5(3) tal-Protokoll jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel ma jidħol fis-seħħ.

(5)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tat-Tielet Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.

It-test tal-Protokoll huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu japplika fuq bażi provviżorja f'konformità mal-Artikolu 5(3) tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KARANIKOLOV


(1)   ĠU L 276, 28.10.2000, p. 45.