18.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 322/38 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/2011
tas-17 ta' Diċembru 2018
b'appoġġ għal politiki, programmi u azzjonijiet li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi ta' kalibru żgħir u l-użu ħażin tagħhom, f'konformità mal-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fis-19 ta' Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir illeċiti (“SALW”) u l-Munizzjoni tagħhom “Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini”. L-Istrateġija tiddikjara li l-Unjoni ser tintegra b'mod sistematiku konsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru fit-tfassil ta' proġetti ġodda li jirrelataw mal-ġlieda kontra l-vjolenza bl-armi tan-nar u l-kontroll tas-SALW b'mod ġenerali, u l-kondiviżjoni ta' prattiki tajbin f'dak ir-rigward. |
(2) |
Fit-3 ta' April 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/633 (1) b'appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (“PtA”). L-azzjonijiet iffinanzjati skont dik id-Deċiżjoni ġew implimentati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) u inkludew l-organizzazzjoni ta' seminar tematiku bl-isem “Is-SALW u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż l-SDG 16 u l-aspetti tal-ġeneru fil-kontroll tas-SALW”. |
(3) |
Fit-28 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fis-SALW, fid-dawl tat-tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rieżami tal-Progress li Sar fl-Implimentazzjoni tal-PtA li saret f' Ġunju 2018. Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni għall-eżitu tal-Konferenza għar-Rieżami huwa r-rikonoxximent tal-impatti differenti tal-vjolenza bl-armi fuq in-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien, u l-promozzjoni tar-rwol tan-nisa fl-implimentazzjoni tal-PtA u s-sensibilizzazzjoni dwar id-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi fl-azzjonijiet ta' kontroll tas-SALW bħala kondizzjoni biex ikunu effettivi. |
(4) |
Fit-30 ta' Ġunju 2018, it-tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rieżami tal-Progress li Sar fl-Implimentazzjoni tal-PtA adottat dokument ta' eżitu fejn l-Istati ddikjaraw li għadhom imħassba ħafna dwar l-impatt negattiv tal-kummerċ illeċitu fis-SALW fuq il-ħajja ta' nisa, irġiel, bniet u subien u jagħrfu li l-qerda tal-kummerċ illeċitu f'armi ħfief u ta' kalibru żgħir hija parti kruċjali mill-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u li huma jagħrfu l-ħtieġa għal parteċipazzjoni msaħħa tan-nisa f'proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet u ta' implimentazzjoni relatati mal-PtA u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar u jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa għall-Istati li jintegraw dimensjonijiet tal-ġeneri fl-isforzi ta' implimentazzjoni tagħhom. L-Istati ntrabtu wkoll li jħeġġu l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'politiki u programmi dwar armi ħfief u ta' kalibru żgħir, inkluż fl-oqsma ta' tfassil ta' programmi, ippjanar, monitoraġġ u evalwazzjoni, b'kont meħud, kif adatt, ta' linji gwida u standards rilevanti. L-Istati ddeċidew li jħeġġu l-implimentazzjoni kkoordinata ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar is-SALW ma' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali stabbiliti skont ir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti rilevanti u l-għan 16.4 tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u li jħeġġu l-ġbir ta' data diżaggregata skont is-sess dwar il-kummerċ illeċitu f'is-SALW, inkluż permezz ta' rapporti nazzjonali, u li jżidu l-għarfien tal-impatti speċifiċi għall-ġeneru tal-kummerċ illeċitu fis-SALW, b'mod partikolari għall-finijiet tat-titjib ta' politiki u programmi nazzjonali korrispondenti. |
(5) |
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU talab f'diversi okkażjonijiet biex tiġi indirizzata l-parteċipazzjoni siewja tan-nisa, il-prevenzjoni ta' konflitti u vjolenza, il-protezzjoni mill-vjolenza inkluż vjolenza sesswali relatata mal-konflitti, u assistenza u rkupru post-konflittwali. |
(6) |
Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm “Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna”, li ġiet ippreżentata fl-24 ta' Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU appella lill-Istati kollha biex jinkorporaw perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-iżvilupp ta' leġislazzjoni u politiki nazzjonali dwar id-diżarm u l-kontroll tal-armi, inkluż konsiderazzjoni tal-aspetti differenzjati skont is-sess tas-sjieda, l-użu u l-użu ħażin tal-armi; l-impatti differenzjati tal-armi fuq in-nisa u l-irġiel; il-modi li bihom ir-rwol tal-ġeneri jista' jsawwar politiki u prattiki dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm; u l-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tan-nisa fil-proċessi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet relatati mad-diżarm u s-sigurtà internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-objettiv ġenerali ta' din id-Deċiżjoni huwa li jikkontribwixxi għall-paċi internazzjonali, is-sigurtà, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp sostenibbli billi tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri ta' kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir permezz tal-promozzjoni ta' approċċi bbażati fuq analiżi sistematika tal-ġeneru, l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi u inizjattivi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa. Din id-Deċiżjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni tal-eżiti rilevanti għall-ġeneru tat-tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2018 għar-rieżami tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-PtA. Din id-Deċiżjoni għandha tikkontribwixxi wkoll għall-aġenda ta' politika internazzjonali usa' dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa f'konformità mal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
2. Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, din id-Deċiżjoni għandha tappoġġa azzjonijiet biex:
— |
ikunu operazzjonalizzati l-moduli tal-Kompendju ta' Moduli dwar l-Implimentazzjoni tal-Kontroll tal-Armi ta' Kalibru Żgħir (MOSAIC) li jittrattaw “nisa, irġiel u n-natura differenzjata skont is-sess ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir” kif ukoll “it-tfal, l-adoloxxenti, iż-żgħażagħ u l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir”; |
— |
ikun żviluppat manwal ta' taħriġ li jservi bħala dokument ta' gwida u jiżgura li l-azzjonijiet kollha jitwettqu f'konformità mal-istandards attwali tan-NU; |
— |
jitħarrġu u persunal u ħarrieġa taċ-ċentri reġjonali tan-NU u persunal tas-segretarjat tal-organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali b'rabta mal-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'politiki u oqfsa dwar armi ta' kalibru żgħir biex ikun żgurat approċċ għall-kwistjoni; |
— |
jitħarrġu uffiċjali nazzjonali fi 18-il pajjiż dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir; |
— |
ikunu promossi perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa f'inizjattivi reġjonali; |
— |
jissaħħaħ il-komponent tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir fil-qafas tal-WPS kif ukoll il-qafas innifsu; |
— |
jingħata kontribut lill-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, b'mod partikolari l-Għanijiet 16 u 5, kif ukoll titwettaq il-konverġenza tal-aġendi ta' politika internazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
— |
jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili b'rabta mal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir bi sħubija man-Netwerk Internazzjonali għal Azzjoni dwar l-Armi Ħfief (IANSA) u n-Netwerk tan-Nisa tal-IANSA; |
— |
ikun ġenerat impatt sostnut permezz ta' sensibilizzazzjoni, promozzjoni, komunikazzjoni u sħubijiet. |
3. Il-benefiċjarji diretti ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu persuni kkonċernati fuq livell nazzjonali, reġjonali u globali responsabbli għall-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir f'pajjiżi u reġjuni fil-mira, jiġifieri l-Afrika; il-Karibew u l-Amerka Latina u l-Asja u l-Paċifiku.
4. Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA).
3. L-UNODA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti neċessarji mal-UNODA.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 4 375 507,85.
2. L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim neċessarju mal-UNODA. Il-ftehim għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibilità tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b'mod xieraq skont id-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perijodu.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2018
Għall-Kunsill
Il-President
E. KÖSTINGER
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/633 tat-3 ta' April 2017 b'appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (ĠU L 90, 4.4.2017, p. 12).
ANNESS
1. RAĠUNIJIET U SFOND
L-Aġenda storika 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħraf ir-rabta inerenti bejn soċjetajiet paċifiċi u żvilupp sostenibbli. Barra minn hekk, l-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS), permezz ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qed tippożizzjona l-prevenzjoni tal-konflitti, il-parteċipazzjoni siewja u ekwitabbli tan-nisa u ż-żamma tal-paċi fil-qalba tagħha. Xkiel konsiderevoli għall-paċi u l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja jibqa' l-kummerċ illeċitu f'armi ta' kalibru żgħir u l-użu ħażin mifrux tagħhom. Kontroll adegwat tal-armi ta' kalibru żgħir huwa essenzjali għat-tnaqqis tal-konflitti, il-kriminalità u l-vjolenza. Dan huwa prerekwiżit għall-istabbiltà tas-soċjetà u żvilupp sostenibbli.
Il-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA) jipprovdi l-qafas globali għall-indirizzar tal-problema tal-armi ta' kalibru żgħir, filwaqt li jorbot lill-Istati kollha biex itejbu l-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar l-armi ta' kalibru żgħir, il-kontrolli tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni, il-ġestjoni tal-ħażniet, il-qerda ta' tali armi żejda, l-immarkar u t-traċċar, u jinvolvu ruħhom fil-kooperazzjoni u l-assistenza. Għalkemm sar progress, għad irid isir ferm aktar biex jissaħħaħ il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir permezz tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni u jkunu ssodisfati l-impenji li saru fl-Aġenda 2030.
Il-karatteristiċi uniċi u profondi b'rabta mas-soċjetà tal-kwistjoni tal-armi ta' kalibru żgħir jeħtieġu integrazzjoni komprensiva tal-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fid-dimensjonijiet kollha tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir. S'issa, il-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi ma nftehmux, ma ġewx indirizzati u ma ġewx integrati b'mod suffiċjenti fil-politiki li jikkontrollaw l-armi ta' kalibru żgħir. U meta d-dimensjonijiet tal-ġeneri ma jiġux integrati b'mod adegwat fl-oqfsa leġislattivi u ta' politika li jikkontrollaw l-armi ta' kalibru żgħir, is-suċċess u l-effettività tal-interventi huma limitati. Madankollu, l-approċċi relatati mal-ġeneru għal miżuri neċessarji tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir għadhom fil-fażi tal-bidu tagħhom. F'dawn l-aħħar snin, seħħet konverġenza bejn l-aġenda dwar l-armi ta' kalibru żgħir u l-politika internazzjonali usa' dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, li din id-Deċiżjoni ser tkompli tirfed.
L-Aġenda 2030 rabtet il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir mal-aġenda dwar il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp, u b'hekk pprovdiet b'mod simultanju qafas interkonness tal-Għanijiet, li jmur lil hinn mid-dimensjoni tas-sigurtà u li jenfasizza li l-problema tal-armi ta' kalibru żgħir għandha implikazzjonijiet għat-twettiq ta' diversi Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, inkluż l-Għan 5 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa. Fil-fatt, l-ugwaljanza bejn is-sessi hija riflessa fl-Għan 5, iżda hija wkoll tema trasversali fl-Aġenda 2030 kollha. Din id-Deċiżjoni tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-parteċipazzjoni ekwitabbli u siewja tan-nisa fil-proċessi kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-kontroll tal-armi. Hija tagħraf ukoll l-impatt differenti tal-użu u l-użu ħażin ta' armi ta' kalibru żgħir fuq irġiel, nisa, subien u bniet u tappoġġa azzjonijiet li huma mfassla biex iwasslu għal eżiti ta' politika aktar inklużivi, effettivi u sostenibbli fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir.
Il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u d-Dikjarazzjoni ta' Beijing jifformaw bażi normattiva b'saħħitha biex id-WPS tkun konnessa mal-aġendi dwar l-armi ta' kalibru żgħir. L-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u l-Inizjattiva Spotlight tal-UE u n-NU li ġiet varata reċentement issottolinjat aktar il-ħtieġa li tingħata attenzjoni lil din il-kwistjoni. Filwaqt li l-azzjonijiet proposti javvanzaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir, l-eżiti ser jikkontribwixxu b'mod dirett għall-qerda tal-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet. Aktar sigurtà fuq il-pistoli u t-tnaqqis taċ-ċirkolazzjoni tagħhom ineħħu waħda mill-għażliet l-aktar frekwenti ta' armi għal vjolenza domestika u sessista u l-femminiċidju. It-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-eliminazzjoni ta' stereotipi tas-sessi fir-rigward tal-armi ser jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-vjolenza sessista li jinkludu sistemi patrijarkali, attitudnijiet mhux ekwi rigward is-sessi u aspetti vjolenti tal-maskulinità tradizzjonali.
Il-konverġenza dejjem akbar tad-WPS u l-aġendi dwar il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir intweriet fir-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2242 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. L-azzjonijiet appoġġati minn din id-Deċiżjoni ser jimplimentaw it-talba tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex ikun hemm parteċipazzjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-isforzi relatati mal-prevenzjoni, il-ġlieda kontra u l-qerda tat-trasferiment illeċitu tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-akkumulazzjoni u l-użu ħażin destabbilizzanti tagħhom u l-promozzjoni tan-nisa bħala atturi attivi fil-ġlieda kontra t-trasferiment tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir. Din id-Deċiżjoni tfittex li toperazzjonalizza dawk ir-rabtiet billi tappoġġa azzjonijiet konkreti.
2. OBJETTIVI
L-objettiv ġenerali ta' din id-Deċiżjoni huwa li jikkontribwixxi għall-paċi internazzjonali, is-sigurtà, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp sostenibbli billi tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir permezz tal-promozzjoni ta' approċċi bbażati fuq analiżi sistematika tal-ġeneru u l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Ir-riżultati tal-azzjonijiet appoġġati minn din id-Deċiżjoni ser jikkontribwixxu għall-aġenda ta' politika internazzjonali usa' dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa.
Din id-Deċiżjoni ser tappoġġa l-implementazzjoni sħiħa u effettiva tal- PtA u l-implimentazzjoni tal-eżiti rilevanti għall-ġeneru tat-tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2018 għar-Rieżami tal-Progress li Sar fl-Implimentazzjoni tal-PtA (RevCon3).
Din id-Deċiżjoni ser tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Aġenda tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Diżarm (1), li tappella biex isiru sforzi akbar sabiex tinkiseb parteċipazzjoni ugwali, sħiħa u effettiva tan-nisa fil-proċessi kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mad-diżarm, tagħraf li hemm ħtieġa biex tingħeleb ir-rabta bejn is-sjieda u l-użu ta' armi u espressjonijiet speċifiċi ta' maskulinità relatati mal-kontroll, is-setgħa, id-dominazzjoni u s-saħħa li jirfdu kemm il-vjolenza strutturali kif ukoll dik fiżika kontra n-nisa, u tappella għal kontroll tal-armi sensittiv għall-kwistjonijiet tal-ġeneru biex titnaqqas il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet kemm fl-isferi pubbliċi kif ukoll dawk privati. Din id-Deċiżjoni ser tikkontribwixxi wkoll għall-appell tal-Aġenda għal sħubijiet msaħħa mas-soċjetà ċivili ż-żgħażagħ sabiex isir progress fl-aġenda dwar id-diżarm u l-kontroll tal-armi.
Sabiex jintlaħaq dan, din id-Deċiżjoni ser tappoġġa azzjonijiet biex:
— |
ikunu operazzjonalizzati l-moduli tal-Kompendju ta' Moduli dwar l-Implimentazzjoni tal-Kontroll tal-Armi ta' Kalibru Żgħir (MOSAIC) (2) li jittrattaw nisa, irġiel u n-natura differenzjata skont is-sess ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir kif ukoll it-tfal, l-adoloxxenti, iż-żgħażagħ u l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir; |
— |
ikun żviluppat manwal ta' taħriġ li jservi bħala dokument ta' gwida u jiżgura li l-azzjonijiet kollha jitwettqu f'konformità mal-istandards attwali tan-NU; |
— |
jitħarrġu persunal u ħarrieġa taċ-ċentri reġjonali tan-NU u persunal tas-segretarjat tal-organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali b'rabta mal-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'politiki u oqfsa dwar armi ta' kalibru żgħir biex ikun żgurat approċċ għall-kwistjoni; |
— |
jitħarrġu uffiċjali nazzjonali fi 18-il pajjiż dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir; |
— |
ikunu promossi perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa f'inizjattivi reġjonali; |
— |
jissaħħaħ il-komponent tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir fil-qafas tal-WPS kif ukoll il-qafas innifsu; |
— |
jingħata kontribut lill-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, b'mod partikolari l-Għanijiet 16 u 5, kif ukoll titwettaq il-konverġenza tal-aġendi ta' politika internazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
— |
jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili b'rabta mal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir bi sħubija man-Netwerk Internazzjonali għal Azzjoni dwar l-Armi Ħfief (IANSA) u n-Netwerk tan-Nisa tal-IANSA; |
— |
ikun ġenerat impatt sostnut permezz ta' sensibilizzazzjoni, promozzjoni, komunikazzjoni u sħubijiet. |
3. DESKRIZZJONI TAL-AZZJONIJIET
3.1. Żvilupp ta' manwal ta' taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir
3.1.1. Objettiv
Skont din id-Deċiżjoni, ser jiġi żviluppat manwal ta' taħriġ li ser joperazzjonalizza l-moduli MOSAIC li jittrattaw nisa, irġiel u n-natura differenzjata skont is-sess ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir kif ukoll it-tfal, l-adoloxxenti, iż-żgħażagħ u l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir. Il-manwal ser iservi bħala dokument ta' gwida għall-persuni kkonċernati kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet skont din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż imwettqa miċ-ċentri reġjonali tal-UNODA. Il-manwal ta' taħriġ ser ikun mibni fuq għodod, informazzjoni u għarfien espert eżistenti fejn dawn ikunu disponibbli, u ser jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ladarba jiġi skrutinizzat, biex iservi lill-komunitajiet usa' fta' prattikanti.
3.1.2. Azzjonijiet
(a) |
Jiġu tradotti ż-żewġ moduli MOSAIC mill-Ingliż għall-Għarbi, il-Franċiż, il-Portugiż u l-Ispanjol, |
(b) |
B'kooperazzjoni mal-persuni kkonċernati ewlenin u abbażi tal-moduli MOSAIC u taħriġ u riżorsi eżistenti, jiġi żviluppat manwal ta' taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir li ser iservi bħala dokument ta' gwida prattika għall-persuni kkonċernati kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha taħt din id-Deċiżjoni. |
(c) |
Jiġi tradott il-manwal ta' taħriġ mill-Ingliż għall-Franċiż, il-Portugiż u l-Ispanjol (lingwi ta' ħidma taċ-ċentri reġjonali tal-UNODA). |
(d) |
Il-manwal ta' taħriġ u l-materjal addizzjonali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-komunitajiet usa' ta' prattikanti, kemm onlajn kif ukoll f'verżjoni stampata. |
3.1.3. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implimentazzjoni
L-UNODA ser iqabbad konsulent biex jiżviluppa manwal ta' taħriġ, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-entitajiet rilevanti tan-NU, b'mod partikolari ċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (UNDP SEESAC). L-IANSA ser ikun mistieden jikkontribwixxi l-għarfien espert tiegħu għall-manwal.
3.1.4. Kronoloġija
It-traduzzjoni tal-moduli u l-iżvilupp ta' manwal ta' taħriġ ser ikunu implimentati fl-2019, segwiti mit-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tal-manwal tat-taħriġ u materjali oħra.
3.1.5. Riżultati mistennija
Iż-żewġ moduli MOSAIC rilevanti tqiegħdu għad-dispożizzjoni bl-Għarbi, il-Franċiż, il-Portugiż u l-Ispanjol fuq is-sit web tal-UNODA (3) (bħalissa disponibbli biss bl-Ingliż) u manwal għall-operazzjonalizzazzjoni tagħhom ser jiġi żviluppat u ppubblikat bil-Franċiż, il-Portugiż u l-Ispanjol. Il-manwal ser jiġi skrutinizzat minn sħab tal-proġett u ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imwettqa taħt din id-Deċiżjoni. Huwa ser iservi wkoll lill-komunitajiet usa' ta' prattikanti u jkompli jkun rilevanti lil hinn mill-iskeda ta' żmien ta' din id-Deċiżjoni.
3.2. Taħriġ ta' persunal u ħarrieġa tan-NU li jaħdmu fuq il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir
3.2.1. Objettivi
Ser ikun żviluppat taħriġ onlajn biex jingħata taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi b'kalibru żgħir lill-persunal tad-dipartimenti rilevanti tan-NU kif ukoll lill-komunitajiet usa' ta' prattikanti biex ikun żgurat li s-sistema tan-NU u lil hinn minnha jipprovdu pariri u assistenza dwar il-kontroll tal-armi b'kalibru żgħir li qiegħed jintegra sistematikament perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-persunal fiċ-ċentri reġjonali involut b'mod dirett fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet skont din id-Deċiżjoni, ser jiġi mgħallem minn espert tal-ġeneru u l-armi ta' kalibru żgħir tal-UNDP SEESAC jimplimenta azzjonijiet f'konformità mal-gwida pprovduta mill-manwal ta' taħriġ u permezz ta' lenti reġjonali mfassla apposta.
3.2.2. Azzjonijiet
(a) |
Flimkien maċ-Ċentru ta' Taħriġ tan-Nisa tan-NU, jiġi żviluppat taħriġ onlajn dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir għall-persunal tan-NU u komunitajiet usa' ta' prattikanti. It-taħriġ ser jirrifletti l-kontenut ta' moduli MOSAIC rilevanti u aġendi konverġenti u ser ikun disponibbli bl-Għarbi, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Portugiż u l-Ispanjol. |
(b) |
B'kooperazzjoni mal-UNDP SEESAC, jiġi stabbilit programm ta' tagħlim għal persunal fiċ-ċentri reġjonali tan-NU biex iżid is-sensibilizzazzjoni tagħhom u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tagħhom biex jintegraw il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir permezz ta' interventi mfassla fir-reġjuni tagħhom, b'mod partikolari fil-pajjiż benefiċjarji tal-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż [3.3.2]. Il-programm ta' tagħlim ser jelabora l-manwal ta' taħriġ żviluppat skont din id-Deċiżjoni [3.1.2.b.] u jibni fuq il-ħidma u l-esperjenza tal-UNDP SEESAC iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2016/2356 (4). |
(c) |
Tissejjaħ sessjoni ta' ħidma għat-tim tal-proġett wara l-fażi pilota tal-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż [3.3.2.a]. Is-sessjoni ta' ħidma ser timmassimizza l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tat-tim tal-proġett, tiskrutinizza l-manwal ta' taħriġ qabel it-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni, taqsam informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari dwar il-piloti tal-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż, u tivvalida l-materjali ta' taħriġ meħtieġ. |
3.2.3. Kronoloġija
It-taħriġ onlajn ser ikun żviluppat fl-2019 u ser jitqiegħed għad-dispożizzjoni fil-bidu tas-sena 2020. Il-programm ta' tagħlim ser jibda fil-bidu tas-sena 2020, ladarba l-persunal fiċ-ċentri reġjonali jkunu ġew reklutati u l-manwal ta' taħriġ ikun ġie żviluppat. Is-sessjoni ta' ħidma għat-tim tal-proġett ser isseħħ fis-sena 2020, wara l-fażi pilota tal-programmi ta' taħriġ nazzjonali.
3.2.4. Riżultati mistennija
Taħriġ onlajn dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir ser jitqiegħed għad-dispożizzjoni bl-Għarbi, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Portugiż u l-Ispanjol, ħaġa li ser ssaħħaħ il-fehim tal-ħtieġa li l-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi jiġu inklużi f'miżuri tal-kontroll tal-armi. It-taħriġ ser jiġi promoss fi ħdan is-sistema tan-NU u lil komunitajiet usa' ta'prattikanti u ser isir obbligatorju għall-persunal involut fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, il-persunal fiċ-ċentru reġjonali tal-UNODA ser jiġi mħarreġ dwar il-manwal tat-taħriġ u l-istrateġiji żviluppati, permezz ta' programm tat-tagħlim, għall-applikazzjoni reġjonali tiegħu. Ser issir sessjoni ta' ħidma għat-tim tal-proġett, li ser issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt din id-Deċiżjoni u materjali ta' taħriġ ser jiġu żviluppati, skrutinizzati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
3.3. Programmi ta' taħriġ fil-pajjiż dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir
3.3.1. Objettivi
Tmintax-il programm ta' taħriġ fil-pajjiż imfasslin apposta dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir ser jiġu stabbiliti u implimentati permezz taċ-ċentri reġjonali tal-UNODA. Il-fokus prinċipali tal-programmi huwa t-taħriġ tal-korpi ta' koordinazzjoni nazzjonali dwar armi ta' kalibru żgħir dwar l-inklużjoni tad-dimensjonijiet tal-ġeneri fil- NAPs rigward l-armi ta' kalibru żgħir u oqfsa leġislattivi u ta' politika rilevanti oħra, inkluż dwar il-ġbir u l-analiżi ta' data diżaggregata skont is-sess u l-età. F'dak ir-rigward, fejn pajjiż parteċipanti jkollu Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali eżistenti dwar id-WPS, il-ħtieġa li ż-żewġ dokumenti jiġu allinjati ser titħeġġeġ.
Attivitajiet addizzjonali ser jiġu mfassla skont kull Stat u l-ħtiġijiet ta' assistenza rispettivi tiegħu: mekkaniżmi prattiċi biex tkun żgurata parteċipazzjoni siewja tan-nisa; analiżi tal-ġeneru bħala linja bażi għall-azzjoni nazzjonali; sessjoni ta' ħidma ddedikata dwar l-inklużjoni tad-dimensjonijiet tal-ġeneri fin-NAPs rigward l-armi ta' kalibru żgħir, bl-użu tal-modulu MOSAIC dwar l-istabbiliment tan-NAPs; it-tfassil ta' għodod ta' monitoraġġ u evalwazzjoni nazzjonali għar-rieżami tal-isforzi mwettqa. L-attivitajiet proposti jistgħu jinkludu wkoll rieżami legali tal-qafas ta' politika nazzjonali biex issir kontroreferenza tar-regolamentazzjoni dwar l-armi ta' kalibru żgħir - inkluż il-liċenzjar, - b'dispożizzjonijiet rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u t-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u l-operaturi legali dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi nazzjonali rilevanti rigward il-preżenza u l-użu ta' armi ta' kalibru żgħir fil-kuntest ta' vjolenza kontra s-sieħba intima u dik domestika jew relatata mal-familja, vjolenza sesswali, femminiċidji relatati mal-armi ta' kalibru żgħir, kif ukoll l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'investigazzjonijiet kriminali u proċedimenti legali.
3.3.2. Azzjonijiet
(a) |
Fażi pilota: Stabbiliment u implimentazzjoni ta' programmi ta' taħriġ fil-pajjiż f'sitt pajjiżi magħżulin b'koordinazzjoni mal-korpi ta' kooperazzjoni nazzjonali stabbiliti tagħhom. |
(b) |
Fażi ta' introduzzjoni: Espansjoni – abbażi tal-piloti - il-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir għal tnax-il pajjiż addizzjonali f'koordinazzjoni mal-korpi ta' koordinazzjoni nazzjonali stabbiliti tagħhom. |
3.3.3. Għażla ta' pajjiżi benefiċjarji
Pajjiżi benefiċjarji ser jintgħażlu mis- Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fuq rakkomandazzjoni mill-UNODA, b'konsultazzjoni maċ-ċentri reġjonali tagħha u l-IANSA. Fil-prinċipju, l-ogħla prijorità ser tingħata lill-pajjiżi l-inqas żviluppati u pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw li huma affettwati b'mod sever mill-problema tal-armi ta' kalibru żgħir. L-Istati jrid ikollhom korp ta' koordinazzjoni nazzjonali għall-armi ta' kalibru żgħir u/jew punt ta' kuntatt nazzjonali deżinjat tal-PtA. L-Istati jridu jkunu esprimew interess fl-attivitajiet proposti taħt din l-azzjoni. Preferenza jenħtieġ li tingħata lill-Istati li jkunu wrew impenn kontinwu għall-implimentazzjoni tal-PtA.
Barra minn hekk, ser jiġi applikat bilanċ reġjonali għall-għażla tal-pajjiżi:
— |
Fażi pilota: Żewġ Stati f'kull reġjun – l-Afrika, l-Asja/il-Paċifiku, u l-Amerka Latina/il-Karibew; |
— |
Fażi ta' introduzzjoni: Erba' Stati f'kull reġjun – l-Afrika, l-Asja/il-Paċifiku, u l-Amerka Latina/il-Karibew. |
3.3.4. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implimentazzjoni
Iċ-Ċentri Reġjonali tan-NU għall-Paċi u d-Diżarm ser jimplimentaw il-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż f'koordinazzjoni mill-qrib mal-UNODA u l-aġenziji tan-NU fuq il-post. Fejn ikun possibbli, l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser jiġu inklużi fl-attivitajiet. L-UNDP SEESAC ser jipprovdi appoġġ ta' konsulenza abbażi tal-esperjenza tagħhom fl-iżvilupp u l-għoti ta' taħriġ dwar il-ġeneru u l-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir. L-IANSA ser jikkomplementa l-attivitajiet fil-pajjiż billi jsaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir permezz tan-netwerk tiegħu fil-livell lokali u dak tal-komunità [3.6.3].
3.3.4. Kronoloġija
Il-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż ser jibdew fl-2020 u ser ikunu implimentati sa nofs l-2022.
3.3.5. Riżultati mistennija
Il-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri ser iwasslu għal fehim nazzjonali kondiviż tar-rwol importanti li l-ġeneru għandu b'rabta ma' kontroll effettiv tal-armi ta' kalibru żgħir u għarfien dwar l-impatti differenti ta' vjolenza armata fuq nisa, irġiel, bniet u subien. Dan il-fehim miksub reċentement dwar l-importanza tal-kwistjoni biex tiżdied l-effettività u l-kwalità ġenerali tal-kontroll ta' armi ta' kalibru żgħir ser jibni kunsens fost l-uffiċjali nazzjonali involuti f'politiki rilevanti u l-implimentazzjoni tagħhom. Il-kunsens ser jiġi tradott f'impenn nazzjonali għall-ksib ta' approċċi sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru f'politiki u leġislazzjoni dwar il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir. Barra minn hekk, komunitajiet lokali ser jiġu sensitizzati fil-pajjiżi. Bħala parti mill-eżitu tal-programmi, miri/indikaturi għall-progress ser ikunu żviluppati mill-Istati li ser jimpenjaw ruħhom li jirrapportaw dwar dawk il-miri/indikaturi bħala parti mill-isforzi ta' rapportar nazzjonali tagħhom skont il-PtA.
3.4. Approċċi reġjonali għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir
3.4.1. Objettivi
Il-kummerċ illeċitu u l-użu ħażin tal-armi ta' kalibru żgħir jippreżentaw problemi differenti f'reġjuni differenti, u l-Istati għandhom livell differenti ta' riżorsi finanzjarji u materjali għad-dispożizzjoni tagħhom biex jirrispondu għal dawk il-problemi. L-għan tal-approċċi reġjonali huwa li jinbena u/jew jissaħħaħ l-għarfien espert dwar aspetti differenzjati skont is-sess rigward il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir fost uffiċjali tal-gvern, is-soċjetà ċivili u parlamentari fil-livell reġjonali u sottoreġjonali u dak reġjonali, abbażi tal-MOSAIC. Huma ser isaħħu l-ħtieġa li jiġu inklużi kunsiderazzjonijiet tal-ġeneru f'inizjattivi reġjonali u sottoreġjonali għall-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir. Skambji reġjonali dwar prattiki tajbin/MOSAIC ser isaħħu l-għarfien espert nazzjonali u l-impenji mill-Istati kollha fir-reġjun biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir b'perspettiva tal-ġeneru.
3.4.2. Azzjonijiet
(a) |
Taħriġ ta' jum wieħed fil-marġini tas-Seba' Laqgħa Biennali tal-Istati dwar il-Programm ta' Azzjoni (BMS7) fl-2020 għal uffiċjali responsabbli għall-armi ħfief u ta' kalibru żgħir mis-segretarjati tal-organizzazzjonijiet sottoreġjonali u reġjonali bil-ħsieb li jiġu promossi aspetti tal-ġeneru f'inizjattivi reġjonali u li tkun possibbli l-parteċipazzjoni ta' 15-il rappreżentant ta' dawk l-organizzazzjonijiet biex jattendu il-BMS7, li inkella ma jkollhomx ir-riżorsi biex jattendu l-laqgħat tal-PtA. |
(b) |
Sessjoni ta' ħidma sottoreġjonali ta' erbat ijiem abbażi tal-MOSAIC f'Fiġi għall-pajjiżi tal-Paċifiku biex jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa fil-qasam tal-kontroll tal-armi bit-tisħiħ tal-fehim tal-impatt differenzjat skont is-sess fuq il-vjolenza bl-armi u l-istrumenti internazzjonali għall-kontroll tal-armi, u bit-tisħiħ ta' kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamentari u l-uffiċjali tal-gvern biex jinvolvu ruħhom f'dawk il-kwistjonijiet. (Dan huwa segwitu ta' żewġ sessjonijiet ta' ħidma sottoreġjonali li saru fix-Xlokk tal-Asja u l-Asja t'Isfel fl-2018, li kienu ffinanzjati mill-UNSCAR.) |
(c) |
Seminar reġjonali ta' tlitt ijiem abbażi tal-MOSAIC f'Kathmandu biex jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa fil-qasam tal-kontroll tal-armi. Is-seminar ilaqqa' flimkien rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, parlamentari u uffiċjali tal-gvern mill-Asja u l-Paċifiku, inkluż dawk li pparteċipaw fis-sessjoni ta' ħidma sottoreġjonali f'Fiġi [3.4.2.b]. Il-parteċipanti ser jiddiskutu azzjonijiet kif jistgħu javvanzaw l-kwistjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir fil-kuntest nazzjonali tagħhom. Taqsira tad-diskussjonijiet, flimkien ma' materjal addizzjonali, ser tiġi ppubblikata onlajn u f'verżjoni stampata u ser titqassam lill-parteċipanti u l-partijiet kkonċernati rilevanti. |
(d) |
Sessjoni ta' ħidma reġjonali ta' jumejn abbażi tal-MOSAIC fil-Perù biex ikunu ppreżentati u mxerrda prattiki tajbin dwar politiki u approċċi legali sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru fir-rigward tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir, li jkunu ġew żviluppati miċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, id-Diżarm u l-Iżvilupp fl-Amerika Latina u fil-Karibew (UNLIREC) mill-2017, lil persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet ta' livell għoli minn entitajiet għall-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir u aġenziji nazzjonali responsabbli għall-prevenzjoni, il-qerda u s-sanzjonar tal-vjolenza kontra n-nisa. Is-sessjoni ta' ħidma tippromwovi l-ħtieġa li tissaħħaħ il-leġislazzjoni dwar armi ta' kalibru żgħir fl-Amerka Latina u l-Karibew permezz tal-inkorporazzjoni ta' restrizzjoni tal-akkwist ta' armi u munizzjon minn dawk li ġew ikkundannati għal vjolenza domestika u/jew interpersonali. |
3.4.3. Kronoloġija
It-taħriġ fil-marġni tal-BMS7 ser isir f'nofs l-2020, is-sessjonijiet ta' ħidma reġjonali u sottoreġjonali ser isiru bejn l-aħħar tal-2019 u l-aħħar tal-2021.
3.4.4. Sħab ta' implimentazzjoni
L-UNODA ser jorganizza u jsejjaħ it-taħriġ ta' jum wieħed fil-marġini tal-BMS7 għall-persunal mill-organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali, inkluż l-isponsorizzazzjoni ta' xi wħud minn dawk ir-rappreżentanti għall-BMS7. Iċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi u d-Diżarm fl-Asja u l-Paċifiku, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-IANSA, ser jorganizza u jsejjaħ is-sessjoni ta' ħidma sottoreġjonali f'Fiġi u s-seminar reġjonali f'Kathmandu. L-UNLIREC ser jorganizza u jsejjaħ is-sessjoni ta' ħidma reġjonali fil-Perù.
3.4.5. Riżultati mistennija
L-esperti tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir mis-segretarjati tal-organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali ser jitħarrġu dwar l-importanza ta' inizjattivi u politiki għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir f'konformità mal-gwida globali awtorevoli (MOSAIC). Huma ser ikunu mgħammra b'ideat dwar kif jiżviluppaw miżuri ta' kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru abbażi tal-għarfien li l-impatt tal-vjolenza bl-armi u l-konflitt armat jaffettwa rġiel, nisa, subien u bniet b'mod differenti. Barra minn hekk, l-importanza tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir ser tiġi promossa fil-marġini tal-BMS7 permezz tat-taħriġ. L-azzjoni ser tippermetti l-parteċipazzjoni ta' dawk l-organizzazzjonijiet li inkella ma jkollhomx ir-riżorsi biex jattendu laqgħa tal-PtA. Is-sessjonijiet ta' ħidma reġjonali u sottoreġjonali ser jipprovdu pjattaforma għall-iskambju ta' prattiki tajbin dwar politiki u approċċi legali sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru fir-rigward tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir fl-Amerka Latina u fil-Karibew u ser jinvolvu u jibnu kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili, parlamentari u uffiċjali tal-gvern mill-Asja u l-Paċifiku dwar il-kwistjoni tal-impatt differenzjat skont is-sess fuq il-vjolenza bl-armi u l-istrumenti internazzjonali għall-kontroll tal-armi. B'riżultat ta' dan, politiki, oqfsa u programmi dwar il-kontroll tal-armi b'kalibru żgħir fil-livelli reġjonali u nazzjonali ser iqisu konsiderazzjonijiet tal-ġeneru.
3.5. Tisħiħ tal-komponent tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir fl-aġenda dwar id-WPS u s-sinerġiji bejn l-Għanijiet 5 u 16 tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli
3.5.1. Objettivi
L-attivitajiet huma mfassla biex iġibu flimkien esperti u komunitajiet diplomatiċi li jaħdmu fuq il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir, l-aġenda dwar id-WPS, u dawk li jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Għanijiet 5 u 16 tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli biex ikunu rieżaminati u armonizzati l-isforzi tagħhom, b'mod partikolari bil-għan li jsir użu minn sinerġiji u jiġu evitati duplikazzjonijiet.
3.5.2. Azzjonijiet
(a) |
Li punti ċentrali nazzjonali u reġjonali magħżula taħt il-PtA u esperti tas-soċjetà ċivili dwar l-armi ta' kalibru żgħir jipparteċipaw f'waħda mil-laqgħat annwali fil-livell tal-kapitali tan-Netwerk ta' Punti Ċentrali tad-WPS biex jiddiskutu sinerġiji bejn l-impenji li l-Istati jkunu laħqu qbil dwarhom skont il-PtA u l-aġenda dwar id-WPS u biex jappoġġaw l-inklużjoni tal-komponent tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir f'pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali taħt il-UNSCR 1325 (2000) u l-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-PtA. Dan jinkludi skambju dwar l-aqwa prattiki u dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' politiki u leġislazzjoni sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru. |
(b) |
Ikun stabbilit djalogu regolari bejn aġenziji rilevanti tan-NU; il-Ħbieb tal-1325, komunitajiet diplomatiċi u ta' politika oħra li jkopru l-UNSCR 1325 (2000) u l-aġenda usa' tad-WPS, diplomatiċi u esperti li jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 5 u 16, u dawk id-diplomatiċi u persuni li jfasslu l-politika li jkopru kwistjonijiet ta' diżarm u ta' kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir f'Ġinevra u New York, biex jissimplifikaw u jarmonizzaw l-isforzi u l-ħidma. Id-djalogu ser jibni fuq l-eżiti ta' laqgħat preċedenti li saru f'Ġinevra u New York aktar kmieni fl-2018. |
3.5.3. Riżultati mistennija
L-esperti, dawk li jfasslu l-politika u diplomatiċi li jaħdmu fuq il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir, l-aġenda dwar id-WPS u l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli ser jibbenefikaw minn djalogu u skambju u ser jibdew jikkoordinaw l-isforzi tagħhom. B'riżultat ta' dan, l-implimentazzjoni tal-aġendi kollha ser tissaħħaħ, u approċċ koordinat ser ijiżgura li s-sinerġiji jiġu massimizzati u d-duplikazzjonijiet jiġu evitati.
3.6. Involviment tas-soċjetà ċivili rigward l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir
3.6.1. Objettivi
L-azzjonijiet jitfasslu biex l-involviment tas-soċjetà ċivili rigward l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir jissaħħaħ b'mod sinifikanti bl-indirizzar tal-konnessjoni bejn l-approċċi u l-impatti speċifiċi għall-ġeneru, id-drittijiet tan-nisa, il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir u l-vjolenza bl-armi fil-livell lokali u ta' komunità. L-involviment tas-soċjetà ċivili fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir huwa kruċjali għas-sjieda lokali, jipprovdi għarfien imprezzabbli fil-problema u jżid l-appoġġ għall-isforzi ta' kontroll. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet tal-ġeneru ser isaħħu l-isforzi sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru b'rabta mal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir u jsaħħu u jikkomplementaw azzjonijiet oħra mwettqa skont din id-Deċiżjoni. Bejn l-2019 u l-2022, ser jitwettqu azzjonijiet fi Stati magħżula għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż skont din id-Deċiżjoni kif ukoll pajjiżi addizzjonali.
3.6.2. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implimentazzjoni
L-attivitajiet kollha ser jitwettqu mill-IANSA u n-Netwerk tan-Nisa tal-IANSA u ser ikunu kkoordinati u mmonitorjati mill-UNODA. Rappreżentant minn IANSA ser ikun parti mit-tim tal-proġett biex jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet kollha mwettqa skont din id-Deċiżjoni.
3.6.3. Azzjonijiet
(a) |
Jissaħħaħ in-netwerk tal-organizzazzjonijiet ta' bażi tal-IANSA, inkluż in-Netwerk tan-Nisa tiegħu, biex jittejjeb l-involviment tas-soċjetà ċivili u jkunu indirizzati l-manifestazzjonijiet speċifiċi għall-ġeneru tal-problema tal-armi ta' kalibru żgħir mil-livell ta' bażi għal dak globali. |
(b) |
Ikunu pprovduti stipendji żgħar għal 30-40 attività lokali tas-soċjetà ċivili kull sena dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir. Dan jista' jinkludi avvenimenti għall-Ġimgħa Dinjija ta' Azzjoni Kontra l-Vjolenza bil-Pistoli, il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, ix-Xahar tal-Amnestija tal-Afrika, il-Jum Internazzjonali tal-Paċi, il-Jum tat-Tfal Afrikani, il-Jum Internazzjonali tal-Qerda ta' Pistoli, Ilbes Oranġjo; il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, u s-16-il Jum ta' Attiviżmu Kontra l-Vjolenza Sessista eċċ. |
(c) |
Il-IANSA ser jiżviluppa u jqassam materjal adattat skont l-età lil tfal u adoloxxenti f'lingwi differenti, li jindirizzaw ir-rabtiet frekwenti bejn il-maskulinità u l-vjolenza. Gruppi ta' membri tal-IANSA f'pajjiżi differenti ser jużaw il-materjali biex jinvolvu ruħhom fil-komunitajiet lokali tagħhom. |
(d) |
Il-IANSA ser jiżviluppa u jqassam materjal aċċessibbli ta' komunikazzjoni (per eżempju punti għad-diskussjoni, fuljetti eċċ.) għall-membri tiegħu f'lingwi differenti biex jippromovi l-kwistjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kuntest tal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir f'pajjiżi differenti u jinvolvi lokalment uffiċjali, dawk li jfasslu l-politika, ġurnalisti u atturi oħra tas-soċjetà ċivili dwar il-kwistjoni. |
(e) |
Issir pressjoni għall-inklużjoni tan-nisa, iż-żgħażagħ, u persuni kkonċernati oħra mhux rappreżentati biżżejjed (per eżempju s-settur tas-saħħa, superstiti, komunitajiet rurali) bħala membri ta' korpi ta' koordinament nazzjonali. |
(f) |
Ikun żviluppat u miżmum sit web aktar aċċessibbli u komprensiv għall-IANSA u n-Netwerk tan-Nisa tiegħu, biex jintwerew fuqu attivitajiet tal-membri tan-Netwerk, biex ikollu r-rwol ta' hub għal azzjoni kkoordinata globalment ta' NGOs, u jipprovdi informazzjoni, materjali, kuntatti, eżempji u dokumenti rilevanti għal kwistjonijiet bħat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, it-tnaqqis tal-vjolenza bl-armi, il-kontrolli tal-armi b'kalibru żgħir, il-maskulinità u l-armi u r-rabta bejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 5 u 16. |
(g) |
Tkun appoġġata riċerka orjentati lejn l-azzjoni minn gruppi lokali biex ikunu identifikati punti strateġiċi ta' intervent għat-tnaqqis tat-traffikar tal-armi u l-vjolenza bl-armi minn perspettiva tal-ġeneru u jkunu mfassla u implimentati azzjonijiet ta' segwitu, abbażi ta' dik ir-riċerka. |
(h) |
Tkun promossa u appoġġata l-implimentazzjoni tas-Sejħa tal-2018 għal Azzjoni dwar il-Ġeneru u l-Kontroll tal-Armi b'Kalibru Żgħir (5) u l-eżiti speċifiċi għall-ġeneru tal-BMS6 u r-RevCon3 fil-livell lokali. |
(i) |
Ikun żġurat li l-perspettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi jkomplu jkunu promossi permezz tal-ħidma ta' promozzjoni tas-soċjetà ċivili fi proċessi globali tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir, inkluż fil-BMS7 u l-BMS8, u jingħata kontribut lill-Grupp ta' Ħidma tal-NGOs dwar id-WPS u proċessi relatati, biex ikun żgurat li jittieħed kont tad-dimensjoni tal-kontroll tal-armi. |
(j) |
Jingħata kontribut għal azzjonijiet imwettqa skont din id-Deċiżjoni bħall-iżvilupp tal-manwal ta' taħriġ, l-implimentazzjoni tal-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż billi tkun żgurata r-rappreżentanza tas-soċjetà ċivili f'attivitajiet rilevanti u l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali u dak tal-komunità fil-pajjiż benefiċjarju, u l-parteċipazzjoni fis-sessjoni ta' ħidma sottoreġjonali u s-seminars reġjonali fl-Asja u l-Paċifiku. |
3.6.4. Riżultati mistennija
L-involviment tas-soċjetà ċivili fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir ser jissaħħaħ u l-livell ta' attività tagħha biex tippromwovi l-kwistjoni ser tiżdied b'mod sinifikanti. L-appoġġ għal sforzi sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru b'rabta mal-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir ser jissaħħaħ fil-livell lokali, il-komunitajiet ser jiġu sensitizzati għar-rilevanza tal-kwistjoni, ser titwettaq riċerka lokali u ser jittieħdu azzjonijiet ta' segwitu fil-livell ta' bażi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni pertinenti għall-użu u l-użu ħażin ta' armi ta' kalibru żgħir. L-involviment tas-soċjetà ċivili ser jissaħħaħ ukoll fil-qafas tad-WPS u waqt il-laqgħat tal-PtA u ser jiġu promossi konsiderazzjonijiet speċifiċi għall-ġeneru fil-proċess politiku tal-armi ta' kalibru żgħir.
3.7. Sħubija, promozzjoni u komunikazzjoni
3.7.1. Objettivi
L-organizzazzjonijiet kollha li jiffurmaw is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż finanzjament, programmi u aġenziji speċjalizzati, huma nkarigati li jappoġġaw il-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Barra minn hekk, organizzazzjonijiet tas-sistema tan-NU involuti fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir ser jintegraw konsiderazzjonijiet tal-ġeneru fl-istadji kollha tal-proġetti u l-programmi tal-armi ta' kalibru żgħir. Biex jiġu appoġġati dawk l-impenji, l-azzjonijiet huma mfassla biex ipoġġu dawk il-kwistjonijiet fuq quddiem nett tal-attenzjoni tan-NU kif ukoll tal-komunitajiet usa' ta' prattikanti. Aktar viżibilità tal-kwistjonijiet permezz ta' promozzjoni u komunikazzjoni ser issaħħaħ ukoll l-impatt tal-proġett. Is-sħubija mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għandha l-għan li tiffaċilita l-koordinazzjoni u tikkontribwixxi għal implimentazzjoni effiċjenti tal-azzjonijiet kollha appoġġati minn din id-Deċiżjoni.
3.7.2. Azzjonijiet
(a) |
Ikunu organizzati attivitajiet regolari matul l-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali (Ottubru) u matul il-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (Marzu) fi New York, bħala parti minn proċess intersessjonali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir, inkluż forum ta' diskussjonijiet u attivitajiet sekondarji ma' kelliema mistiedna għolja mis-sistema tan-NU, l-Istati, istituti ta' riċerka, l-akkademja u l-NGOs. Dan il-proċess jieħu kont tal-konverġenza ta' aġendi u inizjattivi ta' politika internazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. |
(b) |
Fl-2021, li jkun organizzat avveniment ta' jum wieħed fi New York waqt is-16-il Jum ta' Attiviżmu Kontra l-Vjolenza Sessista li jippromwovi integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir, inkluż segment ta' livell għoli biex jintwera l-impenn politiku għal din il-kwistjoni, preżentazzjoni tal-eżempji prattiċi minn fuq il-post, inkluż ir-riżultati minn attivitajiet imwettqa taħt dan il-proġett, u bordijiet ta' esperti u diskussjonijiet biex il-kwistjoni tkun avvanzata aktar. |
(c) |
Tkun żviluppata paġna web dedikata u awtorevoli tal-UNODA dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir li turi informazzjoni u riżorsi ġġenerati mill-azzjonijiet appoġġati minn din id-Deċiżjoni u lil hinn minnha. |
(d) |
Ikun stabbilit grupp ta' ħidma tal-UN CASA (6) dwar il-ġeneru u l-armi ta' kalibru żgħir li ser jissejjaħ mill-UNODA u li jgħaqqad flimkien is-sħab rilevanti kollha għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet appoġġati permezz ta' din id-Deċiżjoni. L-IANSA ser jiġi mistieden ukoll biex jingħaqad ma dak il-grupp ta' ħidma. |
(e) |
Tkun promossa r-rilevanza tal-ugwaljanza tal-perspettiva tal-ġeneri permezz tal-midja soċjali u l-kampanji tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa. |
(f) |
Id-donatur (l-Unjoni) jiġi kontinwament infurmat bil-progress fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
3.7.3. Riżultati mistennija
Ser jiġi stabbilit djalogu regolari dwar l-approċċi differenzjati skont is-sess għal kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir u l-kwistjonijiet, kif ukoll ir-riżultati tal-azzjonijiet imwettqa taħt din id-Deċiżjoni, ser jiġu promossi ta' spiss. Ser jiġi stabbilit sit web bħala sors komprensiv li jinkludi informazzjoni dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir u r-riżultati żviluppati taħt din id-Deċiżjoni. Ser isiru laqgħat regolari tal-grupp ta' ħidma CASA dwar il-ġeneru u l-armi ta' kalibru żgħir u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ser jiġu kkoordinata tul il-perijodu ta' implimentazzjoni tal-proġett.
4. RIŻULTATI TANĠIBBLI
L-aġenzija ta' implimentazzjoni ser tipproduċi u tippreżenta r-riżultati tanġibbli li ġejjin lill-Unjoni:
— |
rapporti fil-qosor tat-18-il programm ta' taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir; |
— |
manwal ta' Taħriġ bl-Ingliż, il-Franċiż, il-Portugiż u l-Ispanjol kif ukoll materjal rilevanti ta' taħriġ onlajn u f'verżjoni stampata; |
— |
taħriġ onlajn dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir għall-persunal tan-NU u l-komunitajiet usa' ta' prattikanti bl-Għarbi, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Portugiż u l-Ispanjol; |
— |
dokument ta' eżitu azzjonabbli tas-sessjoni ta' ħidma tal-Asja-Paċifiku għas-soċjetà ċivili u l-parlamentari; |
— |
rapport fil-qosor tal-involviment tas-soċjetà ċivili rigward l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir; |
— |
traduzzjoni ta' moduli MOSAIC bl-Għarbi, il-Franċiż, il-Portugiż u l-Ispanjol; |
— |
rapport finali meta jitlesta l-proġett. |
5. SĦAB
L-azzjonijiet skont din id-Deċiżjoni huma mfasslin biex jibnu fuq għodod, informazzjoni, strumenti u għarfien espert eżistenti fejn dawn ikunu disponibbli. Il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni b'rabta mal-armi ta' kalibru żgħir fi ħdan UN CASA (7), ser isservi bħala pjattaforma għal koordinazzjoni, b'mod partikolari ma' UN Women, UNDP SEESAC, u DPKO kif ukoll l-Uffiċċji tan-NU tar-Rappreżentanti Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Konflitti Armati, għall-Vjolenza Sesswali fil-Konflitti, u dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal. L-UNODA ser tikkoordina mill-qrib l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mad-donatur (l-Unjoni) kif ukoll l-IANSA.
6. BENEFIĊJARJI
Il-benefiċjarji diretti ta' din id-Deċiżjoni ser ikunu istituzzjonijiet nazzjonali responsabbli għall-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir f'pajjiżi u reġjuni fil-mira, jiġifieri l-Afrika, il-Karibew u l-Amerka Latina, u l-Asja u l-Paċifiku. Il-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiżi benefiċjarji, esposta għad-disponibbiltà mifruxa ta' armi ta' kalibru żgħir ser tibbenefika b'mod indirett hekk kif ir-riskju jonqos. Barra minn hekk, din id-Deċiżjoni tappoġġa lis-sħab tas-sistema tan-NU u l-persunal li jaħdem fuq il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir fis-segretarjati tal-organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali. Ser jibbenefikaw komunitajiet lokali kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari membri tal-IANSA Ser jibbenefikaw ukoll komunitajiet diplomatiċi fi New York u Ġinevra kif ukoll fil-kapitali li jaħdmu fuq l-aġenda dwar id-WPS u l-implimentazzjoni tal-Għan 5 u 16 tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-azzjonijiet iridu jkunu f'konformità sħiħa mal-prijoritajiet nazzjonali tal-Istati u jridu jiġu approvati mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. L-azzjonijiet ser ikunu mfassla biex ikunu ta' benefiċċju għal aktar minn grupp wieħed fil-mira.
7. TUL TA' ŻMIEN
B'konsiderazzjoni tal-ambitu globali tal-azzjonijiet appoġġati minn din id-Deċiżjoni, l-għadd ta' sħab, benefiċjarji u azzjonijiet ippjanati, l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni hija ta' 36 xahar.
8. KOMUNIKAZZJONI U VIZIBBILTÀ TAL-UNJONI
L-UNODA ser jieħu l-miżuri adattati kollha biex jiżgura viżibilità xierqa tal-kontribut tal-Unjoni għall-azzjoni. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità mal-Manwal tal-Kummissjoni dwar il-Komunikazzjoni u l-Viżibilità għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea. L-UNODA ser jappoġġa d-disseminazzjoni tal-informazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet proposti lill-ikbar udjenza possibbli. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ser titwettaq fil-qafas tal-azzjonijiet rilevanti kollha permezz tal-involviment tal-midja, attivitajiet sekondarji u għodod tal-web. L-UNODA ser jiżgura li l-benefiċjarji tal-azzjonijiet ikunu konxji tar-rwol tal-Unjoni fl-azzjoni u jrawmu kuxjenza dwar kif l-Unjoni u n-NU qed jaħdmu flimkien biex isaħħu il-kontroll tal-armi ta' kalibru żgħir billi jrawmu approċċ sensittiv għall-kwistjonijiet tal-ġeneru fir-rigward tal-problema tal-armi ta' kalibru żgħir.
L-UNODA u l-IANSA ser jagħmlu użu mill-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' għodod ta' komunikazzjoni, inkluż paġna web, stqarrijiet għall-istampa bil-kitba, għodod magħżula tal-midja soċjali, attivitajiet sekondarji u aġġornamenti informali. L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha ser tkun issorveljata permezz ta' għodod ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, inkluż stħarriġ ta' parteċipanti u laqgħat regolari tal-grupp ta' ħidma rispettiv.
(1) Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna. Aġenda għad-Diżarm, Mejju 2018, https://front.un-arm.org/documents/SG+disarmament+agenda_1.pdf.
(2) www.un.org/disarmament/mosaic
(3) https://www.un.org/disarmament/mosaic
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 tad-19 ta' Diċembru 2016 b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 348, 21.12.2016, p. 60).
(5) https://docs.wixstatic.com/ugd/bb4a5b_8c8bd0e981b54b6e8b01da205c10d4a3.pdf
(6) http://www.un-arm.org/PoAISS/CASA.aspx
(7) http://www.un-arm.org/PoAISS/CASA.aspx